Masada—Prova Li l-Messija Kien Ġie?
TIXRID taʼ demm f’isem ir-reliġjon kien pesta li tirrepeti ruħha fl-istorja. Masada ma kienet ebda eċċezzjoni, għax id-difensuri tagħha kellhom mottivi reliġjużi qawwijin. Jekk iżżur it-tħaffir taʼ Masada, int se tara l-fdalijiet taʼ sinagoga fejn l-irġiel tal-istallett kienu jiltaqgħu għall-qima u l-banjijiet ritwali li kienu jiġu wżati għat-tindif reliġjuż.
Biċċiet żgħar mill-Bibbja wkoll instabu f’Masada. Kif, forsi tiskanta u tgħid, jistaʼ I-messaġġ Bibliku li kellhom l-irġiel tal-istallett jitqabbel maʼ dak li aħna naqraw fil-Bibbja llum? Dr. Yigael Yadin, fil-ktieb tiegħu Masada, kiteb dwar l-ewwel skoperta bħal din:
“Eżami taʼ malajr fuq il-post uriena immedjatament li hawn kien hawn parti żgħira mill-Ktieb taʼ Salmi, u li aħna stajna saħansitra nidentifikaw il-kapitli: il-parti kienet minn Salm 81 sa Salm 85. . . . Kien possibbli li tagħtiha d-data mingħajr l-iċken dubju. Ma setgħetx tkun iktar tard mis-sena 73 AD, is-sena li fiha Masada waqgħet. . . . Din il-parti mill-Ktieb tas-Salmi, bħar-rombli bibliċi l-oħra li aħna sibna iktar tard, hija kważi identika eżatt . . . mat-test tal-kotba bibliċi li aħna nużaw illum.”
B’mod evidenti, l-irġiel tal-istallett emmnu li l-Awtur Divin tal-Iskrittura Ebrajka kien se jberikhom meta qamu kontra Ruma. Kif tispjega The Universal Jewish Encyclopedia: “Iż-żelu fanatiku tal-Lhud fil-Gwerra Kbira kontra Ruma (66-73 E.K.) kien imsaħħaħ mit-twemmin tagħhom li l-era Messjanika kienet fil-qrib. It-telfien tat-Tempju sempliċement żied l-ispekulazzjonijiet dwar il-miġja tal-Messija.”
Il-Miġja tal-Messija
“Entużjasti Lhud messjaniċi,” tistqarr The Encyclopedia of Religion, “kienu taʼ spiss jibbażaw il-kalkoli tagħhom fuq il-Ktieb taʼ Danjel.” Veru, il-profeta Ebrew Danjel bassar il-miġja tal-“Messija l-Mexxej.” (Danjel 9:25) F’żewġ rakkonti oħra, Danjel qal li l-Messija kellu jsir Ħakkiem tad-dinja u li s-Saltna Tiegħu kellha teqred il-gvernijiet umani kollha li jopponu.—Danjel 2:44; 7:13, 14.
Revoluzzjonarji Lhud tal-ewwel seklu ħassew li ż-żmien kien wasal għat-twettieq taʼ dawn il-viżjonijiet profetiċi. “Dak li l-iktar qanqalhom għall-gwerra,” jistqarr Josefus, “kien [it-twemmin] li f’dak iż-żmien wieħed minn pajjiżhom kien se jsir ħakkiem tad-dinja.” Imma Danjel bassar li l-Mexxej Messjaniku jrid l-ewwel jiġi “maqtugħ” u li wara mewtu Ġerusalemm u t-tempju tagħha kellhom jiġu miġjuba f’rovina mill-‘poplu taʼ mexxej ieħor li kien ġej.’—Danjel 9:25, 26.
Opinjonijiet Lhud dwar il-Ħakma mill-Ġentili
Il-Ġudea tal-ewwel seklu kienet maqsuma fi ftit għonja u ħafna fqar. Xi Lhud għonja, speċjalment fost is-Sadduċej u l-Fariżej, kienu jgħożżu l-awtorità li Ruma kienet tħallihom li jkollhom fil-pajjiż, u stmerrew lin-nies komuni. B’hekk, huma opponew kull ħsieb taʼ revoluzzjoni, u ħadmu minflok għal relazzjonijiet paċifiċi maʼ Ruma.—Luqa 16:14; 19:45, 46; Ġwann 2:14; 7:47-49; 11:47, 48.
Mill-banda l-oħra, Ġudeani ordinarji sofrew taħt it-tagħbija tat-taxxi minn Ruma u taʼ kompatrijotti oppressivi tagħhom stess. Ma ħassew ebda faraġ f’li jkunu taħt il-hekk imsejħa Pax Romana (Paċi Rumana) imma riedu bidla. Dan il-konflitt taʼ interessi rriżulta fi ġlied ċivili terribbli. “Grupp wieħed kien moħħu f’li jiddomina,” kiteb Josefus “l-ieħor fuq il-vjolenza u fuq li jisraq lill-għonja.”
L-irġiel tal-istallett, per eżempju, serqu u qatlu lil Lhud sħabhom u ġġustifikaw dawn l-atti terroristiċi bħala kastig kontra Lhud li huma ssoponew li kkollaboraw maʼ Ruma. Rabbi tat-tieni seklu, Johanan ben Torta, ta din ir-raġuni għall-gwaj li ġie fuq il-Lhud tal-ewwel seklu: “Huma kienu jixxennqu għall-flus u kienu jobogħdu lil xulxin.”
Mhux taʼ b’xejn li dawk il-Lhud li kellhom verament il-biżaʼ t’Alla kienu jixxennqu għad-dehra tal-Messija, li huma ttamaw li kien se jegħleb lill-ħakma Rumana u jistabbilixxi Saltna ġusta t’Alla. Imma rġiel bla skruplu taʼ xejn kienu jipprofittaw erwieħhom minn dawn it-tamiet.
Messijiet Foloz
Madwar is-sena 33 E.K., mexxej Lhudi li kien jismu Gamaljel fakkar lill-ħakkiema sħabu taʼ Ġerusalemm: “Qabel dawn il-jiem . . . Ġuda l-Galilew qam f’jiem ir-reġistrazzjoni, u ġibed nies għal warajh. U madankollu r-raġel għeb, u dawk kollha li kienu qed jobduh xterdu ’l barra mill-pajjiż.”−Atti 5:36, 37.
“Ir-reġistrazzjoni” li wasslet f’li Ġuda jirribella, kienet organizzata fis-sena 6 E.K. bil-għan li jinġabru iktar taxxi għal Ruma. Josefus igħidilna li Ġuda pproklama li l-Lhud “kienu beżżiegħa jekk huma jbaxxu rashom biex iħallsu t-taxxi lir-Rumani.” L-isem Ġuda jiġi mill-isem Ġudah, li jissuġġerixxi li hu kien jappartjeni lit-tribù li minnu kien mistenni l-Messija. (Ġenesi 49:10) “Il-mod li bih kien jaf kif ipoġġi l-kliem jaħraq u l-popolarità tad-duttrini tiegħu ġibdu numri kbar lejn il-livell tiegħu, u li għal ħafna minnhom kien meqjus bħala l-Messija,” tistqarr is-Cyclopaedia taʼ McClintock u Strong.
Innota li Atti 5:37 jirrapporta li s-segwaċi taʼ dan Ġuda ma għebux miegħu. Il-moviment tiegħu, skond l-istudjuż Lhudi Gaalya Cornfeld, “ħalla għeruq fondi u tamiet messjaniċi.” Fil-fatt, żewġ mexxejja tal-irġiel tal-istallett, Menahem u Eljażar, ġejjin minn Ġuda l-Galilew. Fil-bidu tar-rewwixta Lhudija fis-sena 66 E.K., Menahem arma lis-segwaċi tiegħu b’armi li kienu maħżunin f’Masada. Imbagħad, “hu reġaʼ lura bħala sultan lejn Ġerusalemm” u “sar il-mexxej tar-revoluzzjoni.” “Huwa kważi ċert,” iżżid l-Encyclopaedia Judaica, “li Menahem [bin] Ġuda kien ikkunsidrat bħala Messija.”
Madankollu, f’dik l-istess sena, Menahem kien assassinat minn membri taʼ moviment revoluzzjonarju Lhudi ieħor li kien kontra. Is-segwaċi tiegħu ħarbu lura lejn Masada, fejn Eljażar ha t-tmexxija fuq l-irġiel tal-istallett sas-sena 73 E.K. Id-diskors taʼ suwiċidju taʼ Eljażar jidwi t-tagħlim żballjat tal-antenat tiegħu Ġuda: “Minn żmien ilu, ja sħabi qalbiena, aħna ddeterminajna li la naqdu lir-Rumani u lanqas lil xi ħadd ieħor imma lil Alla biss.”
Newtralità taʼ Kristjani Ġudeani
Qabel ir-rewwixta Lhudija fis-sena 66 E.K., kongregazzjonijiet Kristjani kienu ġew stabbiliti fil-Ġudea, inkluża, naturalment, il-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm. (Atti 9:31) Dawn kienu ffurmati minn Lhud li kienu jemmnu li Ġesù taʼ Nazzaret kien il-Messija li l-mewt u l-irxoxt tiegħu kienu mbassrin. (Atti 2:22-36) Il-Kristjani Lhud biż-żelu kollu ferrxu t-twemmin tagħhom, waqt li b’mod paċifiku kienu jistennew it-tieni miġja tal-Messija, bħala ħakkiem tad-dinja. Ġesù kien indika li kellu jirritorna “wara żmien twil.”—Mattew 25:19, 31; 28:19, 20; Atti 1:8-11.
Imma ladarba faqqgħet ir-rewwixta Lhudija fis-sena 66 E.K., x’ipproteġa lil dawk il-Kristjani Ġudeani milli jiġu mkaxkrin mis-suċċess inizzjali tagħha? Huma bla dubju ftakru fit-twissija tas-Sid tagħhom: “Dawk kollha li jieħdu s-sejf se jgħibu bis-sejf.” (Mattew 26:52) Ġesù wkoll kien tahom ħarsa bbilanċjata tal-awtorità governattiva tal-Ġentili. “Ħallsu lura l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri,” hu qal, “imma l-affarijiet t’Alla lil Alla.” (Mark 12:17) Barra minn hekk, Ġesù kien bassar li pretendenti messjaniċi kellhom jiġu, billi jgħidu: “‘Jien hu,’ u, ‘Iż-żmien mistenni qorob,’” imma hu wissa: “Tmorrux warajhom.”−Luqa 21:8.
Ġesù saħansitra kien ħabbar ir-riżultat taʼ din ir-rewwixta Lhudija, meta qal: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra b’armati kkampjati, allura kunu afu li l-ħerba tagħha qorbot. Imbagħad ħalli dawk li jkunu fil-Ġudea jibdew jaħarbu lejn il-muntanji, u ħalli dawk li jkunu f’nofsha jirtiraw, u ħalli dawk li jkunu fil-kampanja ma jidħlux ġo fiha; . . . għax se jkun hemm bżonn kbir fuq l-art u għadab fuq dan il-poplu; u se jaqgħu b’xifer is-sejf u jittieħdu rsiera ġol-ġnus kollha.”—Luqa 21:20-24.
Il-kinsa terribbli taʼ qerda li ġiet wara r-rewwixta Lhudija kienet twettieq drammatiku tal-profezija taʼ Ġesù! Madankollu, Kristjani Gudeani skansawha billi b’mod ubbidjenti ‘ħarbu lejn il-muntanji.’ “Qabel l-assedju taʼ Ġerusalemm minn Titus [fis-sena 70 E.K.],” tistqarr l-Encyclopaedia Judaica, “il-komunità Kristjana tagħha ċċaqalqet lejn Pella.” Interessanti li Pella kienet fit-Tramuntana, f’tarf il-għoljiet tal-muntanji taʼ matul ix-Xmara Ġordan u għalhekk kienet kompletament mifruda mill-Ġudea permezz taʼ Wied il-Ġordan. “Huwa diffiċli li temmen b’din il-ħarba li kieku l-profezija [taʼ Ġesù] kienet miktuba wara l-ġrajja,” jistqarr G. A. Williamson fl-introduzzjoni tiegħu taʼ Josephus—The Jewish War.
Tabilħaqq, is-suċċess tal-ħarba taʼ Kristjani Ġudeani hija evidenza qawwija li huma kienu segwaċi tal-veru Messija. Dan iqajjem mistoqsijiet importanti. X’kien l-iskop tal-ewwel miġja tal-Messija? U r-rewwixta diżastruża xi twissija ssemmaʼ għalina llum, speċjalment għas-settur tal-umanità li għandu t-tikketta taʼ “Kristjan”? Dawn il-mistoqsijiet se jiġu mwieġba iktar ’il quddiem f’din ir-rivista.