LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 2/15
  • Il-Vera Mħabba hi Premjanti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Vera Mħabba hi Premjanti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Aqwa Eżempju Tagħna
  • L-​Eżempju mill-​Aħjar taʼ Ġesù
  • L-​Eżempju taʼ Pawlu
  • Imħabba Vera Hi Premjanti fi Żmienna
  • Imħabba Vera u l-​Ministeru Tagħna
  • Premjanti f’Modi Oħra
  • Issaħħaħ Permezz taʼ l-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “L-Akbar Minn Dawn hi l-Imħabba”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Ibqgħu “Imxu fl-Imħabba”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Ħobb lill-Alla li Jħobbok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 2/15

Il-​Vera Mħabba hi Premjanti

“Alla mhux bla tjieba biex jinsa xogħlijietkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.”—EBREJ 6:10.

1, 2. L-​imħabba vera għala hi premjanti għalina personalment?

IMĦABBA bla egoiżmu hija l-​akbar u l-​iktar kwalità nobbli u prezzjuża li nistgħu nesprimu. Din l-​imħabba (Grieg, a·ga’pe) b’mod konsistenti titlob ħafna minna. Imma għaliex ġejna maħluqin minn Alla taʼ ġustizzja u mħabba, aħna nsibu li mħabba bla egoiżmu hi tabilħaqq premjanti. Dan għala hu hekk?

2 Raġuni waħda għaliex l-​imħabba vera hi premjanti tinvolvi l-​prinċipju psikosomatiku, l-​effett tal-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet fuq l-​iġsma tagħna. Awtorità dwar l-​istress qalet: “‘Ħobb il-​proxxmu tiegħek’ hu wieħed mill-​iktar biċċiet għorrief taʼ pariri mediċi li qatt ingħata.” Iva, “bniedem taʼ qalb tajba bl-​imħabba qed jaġixxi b’mod premjanti maʼ ruħu stess.” (Proverbji 11:17) B’messaġġ simili huma l-​kelmiet: “Ir-​ruħ ġeneruża hi stess se tissemmen, u dak li jsaqqi lill-​oħrajn bil-​wisgħa se jissaqqa hu wkoll bil-​wisgħa.”−Proverbji 11:25; qabbel Luqa 6:38.

3. Alla kif jaġixxi biex jagħmel l-​imħabba vera premjanti?

3 L-​imħabba hija wkoll premjanti għaliex Alla jippremja n-​nuqqas taʼ egoiżmu. Naqraw: “Dak li qed juri favur lejn il-​wieħed baxx qed jislef lil Jehovah, u t-​trattament tiegħu [Alla] se jpattihulu lura.” (Proverbji 19:17) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaġixxu fi qbil maʼ dawn il-​kelmiet meta huma jxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Huma jafu li ‘Alla mhux bla tjieba biex jinsa xogħolhom u l-​imħabba li juru għal ismu.’—Ebrej 6:10.

L-​Aqwa Eżempju Tagħna

4. Min jipprovdi l-​aqwa eżempju li l-​imħabba vera hija premjanti, u kif għamel dan?

4 Min jipprovdi l-​aqwa eżempju li l-​imħabba vera hi premjanti? Iva, dan hu pprovdut minn ħadd ħlief Alla nnifsu! Hu “tant ħabb lid-​dinja [taʼ bnedmin] li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu.” (Ġwann 3:16) Il-​għoti taʼ Ibnu sabiex dawk li jaċċettaw is-​sagrifiċċju taʼ fidwa jistgħu jkollhom ħajja taʼ dejjem ċertament li sewa ħafna lil Jehovah, u b’mod ċar wera li hu għandu kemm imħabba u kemm empatija. Dan huwa muri iktar mill-​fatt li ‘matul in-​niket kollu taʼ Iżrael fl-​Eġittu, dan kien taʼ niket għalih.’ (Isaija 63:9) Min jaf kemm kien iktar taʼ niket għal Jehovah li jara lil Ibnu jsofri fuq iz-​zokk tat-​tortura u jisimgħu jgħajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala tlaqtni.”—Mattew 27:46.

5. X’seħħ għaliex Alla tant ħabb lill-​umanità li ta lil Ibnu bħala sagrifiċċju?

5 Sabha premjanti Jehovah l-​espressjoni tiegħu nnifsu tal-​vera mħabba? Ċertament li sabha. B’mod notevoli, xi tweġiba Alla setaʼ jitfaʼ f’wiċċ ix-​Xitan għaliex Ġesù wera li kien leali minkejja dak kollu li Satana setaʼ jagħmillu! (Proverbji 27:11) Fil-​fatt, dak kollu li se twettaq is-​Saltna t’Alla f’li tnaddaf l-​isem taʼ Jehovah mit-​tmaqdir, f’li tirrestawra l-​Ġenna fuq din l-​art, u f’li tagħti ħajja eterna lil miljuni taʼ nies se jseħħ għaliex Alla tant ħabb lill-​umanità li ta l-​ iktar teżor għażiż taʼ qalbu bħala sagrifiċċju.

L-​Eżempju mill-​Aħjar taʼ Ġesù

6. L-​imħabba qanqlet lil Ġesù biex jagħmel liema ħaġa?

6 Eżempju ieħor mill-​aħjar li jagħti prova li l-​imħabba vera hi premjanti hu dak taʼ l-​Iben t’Alla, Ġesù Kristu. Hu jħobb lil Missieru tas-​sema u dik l-​imħabba qanqlet lil Ġesù biex jagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah akkost taʼ kollox. (Ġwann 14:31; Filippin 2:5-8) Ġesù baqaʼ juri l-​imħabba tiegħu lejn Alla avolja dak kien xi drabi jfisser li hu kellu jirrikorri lejn Missieru “b’għajjat qawwi u dmugħ.”—Ebrej 5:7.

7. B’liema modi Ġesù sab l-​imħabba vera li hi premjanti?

7 Kien Ġesù ppremjat għal din l-​imħabba taʼ sagrifiċċju tiegħu nnifsu? Tabilħaqq li kien! Aħseb ftit dwar il-​ferħ li ġarrab mill-​affarijiet tajbin kollha li għamel matul il-​ministeru tiegħu taʼ tliet snin u nofs. Kemm għen nies spiritwalment u fiżikament! Fuq kollox, billi wera li bniedem perfett setaʼ jżomm b’mod perfett l-​integrità lejn Alla minkejja dak kollu li Satana setaʼ jġib kontra tiegħu, Ġesù kellu s-​sodisfazzjon li ta prova li x-​Xitan hu giddieb. Jerġaʼ, bħala qaddej leali t’Alla, Ġesù rċieva l-​premju kbir tal-​immortalità wara li ġie rxoxtat għal ħajja fis-​sema. (Rumani 6:9; Filippin 2:9-11; 1 Timotew 6:15, 16; Ebrej 1:3, 4) U xi privileġġi tal-​għaġeb hemm quddiemu f’Armageddon u matul ir-​Renju Millennjali tiegħu, meta l-​Ġenna se tiġi rrestawrata fuq l-​art u eluf taʼ miljuni se jitqajmu mill-​mewt! (Luqa 23:43) M’hemm ebda dubju li Ġesù sab l-​imħabba vera li hi premjanti.

L-​Eżempju taʼ Pawlu

8. X’kienet l-​esperjenza taʼ Pawlu minħabba l-​imħabba vera tiegħu lejn Alla u lejn sħabu l-​bnedmin?

8 L-​appostlu Pietru darba staqsa lil Ġesù: “Ħares! Aħna tlaqna l-​affarijiet kollha u segwejniek; u x’se jkun hemm attwalment għalina?” F’parti, Ġesù wieġeb: “Kulmin telaq djar jew aħwa subien jew aħwa bniet jew missier jew omm jew ulied jew artijiet minħabba f’ismi se jirċievi ħafna drabi iktar u se jiret il-​ħajja taʼ dejjem.” (Mattew 19:27-29) Għandna eżempju li jispikka taʼ dan fl-​appostlu Pawlu, li gawda ħafna barkiet, kif imsemmi b’mod speċjali minn Luqa fil-​ktieb taʼ Atti. Imħabba vera lejn Alla u lejn il-​bnedmin sħabu ġiegħlet lil Pawlu jitlaq il-​karriera tiegħu bħala Fariżew onorat. Aħseb, ukoll, x’issaporta Pawlu f’dawk li huma daqqiet, qrib il-​mewt, perikli, u ċaħdiet—kollha minħabba l-​imħabba vera lejn Alla u lejn is-​servizz sagru Tiegħu.—2 Korintin 11:23-27.

9. Pawlu kif ġie ppremjat talli wera mħabba vera?

9 Jehovah ippremjah lil Pawlu talli kien eżempju tant mill-​aħjar f’li juri mħabba vera? Sewwa, aħseb dwar kemm kien produttiv il-​ministeru taʼ Pawlu. Hu kien kapaċi jistabbilixxi kongregazzjoni Kristjana wara l-​oħra. U x’mirakli Alla tah il-​qawwa li jwettaq! (Atti 19:11, 12) Pawlu kien ipprivileġġjat ukoll li jirċievi viżjonijiet sopranaturali u li jikteb 14-il ittra li huma issa parti mill-​Iskrittura Griega Kristjana. Biex jinkuruna dan kollu, il-​premju taʼ immortalità fis-​smewwiet ingħata lilu. (1 Korintin 15:53, 54; 2 Korintin 12:1-7; 2 Timotew 4:7, 8) Pawlu ċertament sab li Alla jippremja l-​imħabba vera.

Imħabba Vera Hi Premjanti fi Żmienna

10. X’jistaʼ jiswielna biex insiru dixxipli u biex nesprimu mħabbitna lejn Jehovah?

10 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum bl-​istess mod sabu li l-​imħabba vera hija premjanti. Li nesprimu l-​imħabba tagħna lejn Jehovah billi nieħdu waqfa fuq in-​naħa tiegħu u billi nsiru dixxipli taʼ Ġesù jistaʼ saħansitra jiswielna ħajjitna bħala nies taʼ integrità. (Qabbel Rivelazzjoni 2:10.) Kien għalhekk li Ġesù qal li għandna ngħoddu n-​nefqa. Imma dan ma nagħmluhx biex niddeterminaw jekk li tkun dixxiplu hux premjanti jew le. Minflok, nagħmlu dan biex nippreparaw lilna nfusna biex inħallsu kwalunkwe prezz li jistaʼ jiswa li tkun dixxiplu.—Luqa 14:28.

11. Xi wħud għala jonqsu li jiddedikaw lilhom infushom lil Alla?

11 Illum, ħafna—bla dubju miljuni—jemmnu l-​messaġġ li x-​Xhieda taʼ Jehovah iġibulhom mill-​Kelma t’Alla. Imma huma jinġibdu lura milli jiddedikaw lilhom infushom lil Alla u jitgħammdu. Jistaʼ dan ikun għaliex huma neqsin mill-​imħabba vera lejn Alla li oħrajn jippossjedu? Ħafna jonqsu li jieħdu l-​passi taʼ dedikazzjoni u magħmudija għaliex iridu jibqgħu fi qbil maʼ sieħeb (jew sieħba) li ma jemminx. Oħrajn ma jersqux qrib lejn Alla għaliex għandhom l-​attitudni taʼ wieħed raġel tan-​negozju li qal lil Xhud: “Jien jogħġobni d-​dnub.” Ovvjament, individwi bħal dawn ma japprezzawx dak kollu li Alla u Kristu għamlu għalihom.

12. Din ir-​rivista x’qalet li jenfasizza l-​premjijiet taʼ għarfien li jressaqna eqreb lejn Alla f’imħabba vera?

12 Jekk għandna apprezzament ġenwin lejn dak kollu li Alla Jehovah u Ġesù Kristu għamlu għalina, se nuru dan billi minn jeddna nħallsu kwalunkwe prezz biex naqdu lil Missierna tas-​sema u nkunu wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù. Minħabba mħabba vera lejn Alla, irġiel u nisa minn kull stat tal-​ħajja—negozjanti prosperużi, personalitajiet prominenti fl-​isports, eċċetra—bidlu karrieri taʼ vantaġġ persunali għall-​ministeru Kristjan, bħalma għamel l-​appostlu Pawlu. U l-​premjijiet taʼ li jafu u taʼ li jaqdu lil Alla ma jibdluhom maʼ xejn. F’dan ir-​rigward, The Watch Tower darba qal: “Xi drabi staqsejna, Kemm mill-​aħwa lesti li jieħdu elf dollaru għal dak li jafu dwar il-​verità? L-​ebda id ma dehret! Min jieħu għaxart elef dollaru? Ħadd! Min jieħu miljun dollaru? Min jieħu d-​dinja kollha bi bdil maʼ dak li jaf dwar il-​karattru Divin u l-​Pjan Divin? Ħadd! Imbagħad għedna, M’intomx xi folla mdejqa, għeżież ħbieb. Jekk tħossukom daqstant għonja li m’intom lesti li tieħdu xejn bi tpartit mal-​għarfien tagħkom dwar Alla, mela tħossukom għonja daqskemm inħossuna aħna.” (15 taʼ Diċembru, 1914, paġna 377) Iva, għarfien eżatt dwar Alla u dwar il-​għanijiet tiegħu jressaqna eqreb lejh f’imħabba vera li hi tabilħaqq premjanti.

13. Kif għandna nqisu l-​istudju persunali?

13 Jekk inħobbu ’l Alla, se nħabirku biex inkunu nafu u nagħmlu r-​rieda tiegħu. (1 Ġwann 5:3) Se nieħdu ħarsa serja dwar l-​istudju persunali, it-​talb, u l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani. Dan kollu jirrikjedi sagrifiċċju tagħna nfusna, għax dawn l-​attivitajiet jinvolvu l-​infiq taʼ ħin, enerġija, u riżorsi oħra. Jistaʼ jkollna nagħżlu bejn li naraw xi programmi tat-​televiżjoni jew li npoġġu għal studju persunali tal-​Bibbja. Imma kemm insiru iżjed b’saħħitna spiritwalment, kemm insiru iżjed kapaċi li nagħtu xiehda lil oħrajn, u kemm nibbenefikaw iżjed minn laqgħat Kristjani meta nieħdu dan l-​istudju persunali bis-​serjetà u nwarrbu ħin addattat għalih!—Salm 1:1-3.

14. Kemm huma importanti t-​talb u relazzjoni tajba maʼ Alla Jehovah?

14 Nieħdu aħna gost nitkellmu regolarment maʼ Missierna tas-​sema billi ‘nipperseveraw fit-​talb’? (Rumani 12:12) Jew aħna taʼ spiss imħabbtin iżżejjed biex nuru apprezzament sħiħ lejn dan il-​privileġġ prezzjuż? ‘Li titlob bla ma taqtaʼ’ hu mod vitali biex insaħħu r-​relazzjoni tagħna maʼ Alla Jehovah. (1 Tessalonkin 5:17) U m’hemm xejn aħjar minn relazzjoni tajba maʼ Jehovah biex tgħinna meta niffaċċjaw tentazzjonijiet. X’għen lil Ġużeppi biex jirreżisti meta ġie ttantat mill-​mara taʼ Potifar? U għala Danjel ma waqafx jitlob meta l-​liġi tal-​Medi u tal-​Persjani pprojbietu li jagħmel petizzjonijiet lil Jehovah? (Ġenesi 39:7-16; Danjel 6:4-11) Iva, relazzjoni tajba maʼ Alla għenet lil dawk l-​irġiel biex joħorgu rebbiħin, saħansitra bħalma se tgħin lilna biex nagħmlu hekk!

15. Kif għandna nħarsu lejn il-​laqgħat Kristjani, u għala?

15 Imbagħad, kemm nieħdu bis-​serjetà l-​attendenza għall-​ħames laqgħat tagħna taʼ kull ġimgħa? Inħallu l-​għejja, xi indispożizzjoni fiżika żgħira, jew daqsxejn maltemp ifixklu l-​obbligu tagħna biex ma nittraskurawx li niltaqgħu maʼ sħabna fit-​twemmin? (Ebrej 10:24, 25) Ħaddiem Amerikan fuq il-​magni, b’salarju tajjeb, ra li l-​impjieg tiegħu ripetutament qed itellfu milli jkun preżenti għal-​laqgħat Kristjani. Mela hu biddel l-​impjieg, b’telfa finanzjarja, biex ikun jistaʼ jattendi għal-​laqgħat kollha tal-​kongregazzjoni regolarment. Il-​laqgħat tagħna jgħinuna ngawdu bdil taʼ inkuraġġiment u biex insaħħu l-​fidi taʼ xulxin. (Rumani 1:11, 12) F’dawn l-​affarijiet kollha, ma nsibux li “dak li jiżraʼ bil-​kotra se jaħsad ukoll bil-​kotra”? (2 Korintin 9:6) Iva, li nuru mħabba vera f’dawn il-​modi huwa premjanti ħafna.

Imħabba Vera u l-​Ministeru Tagħna

16. X’jistaʼ jirriżulta meta l-​imħabba tqanqalna biex nagħtu xiehda informali?

16 L-​imħabba tqanqalna biex nippridkaw l-​aħbar tajba bħala l-​poplu taʼ Jehovah. Per eżempju, hija tqanqalna biex nieħdu sehem f’għoti taʼ xiehda informali. Aħna forsi noqogħdu naħsbuha biex nagħtu xiehda informalment, imma l-​imħabba ġġigħelna nitkellmu. Tabilħaqq, l-​imħabba se ġġigħelna naħsbu dwar modi taʼ tattika biex nibdew konversazzjoni u mbagħad nidderiġuha lejn is-​Saltna. Biex nagħtu eżempju: Fuq ajruplan, anzjan Kristjan darba sab lilu nnifsu bil-​qiegħda ħdejn qassis Kattoliku Ruman. Għall-​ewwel, l-​anzjan involva l-​qassis f’konversazzjoni permezz taʼ mistoqsijiet inoffensivi. Sal-​mument li l-​qassis niżel minn ġo l-​ajruplan, madankollu, l-​interess tiegħu kien qanqlu biex jieħu tnejn mill-​kotba tagħna. X’riżultat mill-​aħjar għal għoti taʼ xiehda informali!

17, 18. L-​imħabba ġġigħelna nagħmlu liema ħaġa rigward il-​ministeru Kristjan?

17 Imħabba vera tqanqalna wkoll biex nieħdu sehem regolarment fix-​xogħol taʼ ppridkar minn dar għal dar u f’għamliet oħra tal-​ministeru Kristjan. Sal-​punt li jistaʼ jkollna diskussjonijiet Bibliċi, daqshekk ieħor se nġibu unur lil Alla Jehovah u se ngħinu lil uħud bħal ngħaġ biex jiġu fit-​triq tal-​ħajja taʼ dejjem. (Qabbel Mattew 7:13, 14.) Saħansitra jekk aħna ma nistgħux ikollna diskussjonijiet Bibliċi, l-​isforzi tagħna ma jkunux għalxejn. L-​istess preżenza tagħna fid-​djar tan-​nies isservi taʼ xiehda, u aħna nfusna nibbenefikaw mill-​ministeru, għax ma nistgħux niddikjaraw veritajiet Bibliċi mingħajr ma nsaħħu l-​fidi tagħna. Veru, jirrikjedi umiltà biex tmur minn dar għal dar, ‘tagħmel l-​affarijiet kollha minħabba l-​aħbar tajba, biex jistaʼ jkollok sehem minnha maʼ oħrajn.’ (1 Korintin 9:19-23) Imma minħabba mħabba lejn Alla u lejn bnedmin sħabna, aħna bl-​umiltà nagħmlu sforz u niġu ppremjati b’barkiet għonja.—Proverbji 10:22.

18 Jirrikjedi wkoll imħabba vera għall-​qaddejja taʼ Jehovah biex ikunu kuxjenzjużi f’li jagħmlu t-​tieni żjara għand nies li wrew interess fil-​verità tal-​Bibbja. Li tikkonduċi studji tal-​Bibbja ġimgħa wara ġimgħa u xahar wara xahar hija espressjoni taʼ mħabba għal Alla u għal għajrna, għax dan ix-​xogħol jirrikjedi nefqa taʼ ħin, sforz, u riżorsi materjali. (Mark 12:28-31) Madankollu, meta naraw wieħed min dawn l-​istudenti Bibliċi jitgħammed u forsi saħansitra jidħol għal ministeru “full-time,” m’aħniex konvinti li l-​imħabba vera hi premjanti?—Qabbel 2 Korintin 3:1-3.

19. Liema relazzjoni hemm bejn l-​imħabba u s-​servizz “full-time”?

19 Imħabba bla egoiżmu tqanqalna biex nissagrifikaw kumditajiet materjali minħabba servizz “full-time” jekk inhu possibbli għalina li nipparteċipaw f’attività bħal din. Eluf fuq eluf taʼ Xhieda jixhdu li billi esprimew l-​imħabba tagħhom sa dak il-​punt ġew ippremjati bil-​kbir. Jekk iċ-​ċirkustanzi jippermettulek biex tieħu sehem fil-​ministeru “full-time” imma int ma tiħux vantaġġ minnhom, int ma tafx x’barkiet qed titlef.—Qabbel Mark l0:29, 30.

Premjanti f’Modi Oħra

20. L-​imħabba kif tgħinna biex naħfru?

20 Mod ieħor fejn imħabba vera hija premjanti hu għax tgħinna biex naħfru. Iva, l-​imħabba “ma żżommx kont tal-​ħsara.” Fil-​fatt “l-​imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Korintin 13:5; 1 Pietru 4:8) “Kotra” tfisser ħafna dnubiet, hux hekk? U kemm hu premjanti li taħfer! Meta taħfer, dan iġiegħel lilek u lil min dineb kontra tiegħek iħossuhom aħjar. Imma bil-​wisq iżjed importanti hu l-​fatt li jekk aħna ma nkunux diġà ħfirna lil dawk li dinbu kontra tagħna, ma nistgħux nistennew li Jehovah jaħfer lilna.—Mattew 6:12; 18:23-35.

21. L-​imħabba vera kif tgħinna nkunu sottomessi?

21 Barra minn dan, imħabba vera hi premjanti għaliex aħna se numiljaw lilna nfusna taħt l-​id setgħana tiegħu. (1 Pietru 5:6) Imħabba għalih se tqanqalna wkoll biex nissottomettu għall-​istrument magħżul tiegħu, “l-​irsir fidil u għaqli.” Dan jinkludi li nkunu sottomessi lejn dawk li jieħdu l-​inizzjattiva fil-​kongregazzjoni. Dan hu premjanti għaliex nuqqas f’li nagħmlu dan se jkun “taʼ ħsara” għalina. (Mattew 24:45-47; Ebrej 13:17) Naturalment, dan il-​prinċipju li nkunu sottomessi japplika wkoll ġewwa ċ-​ċirku tal-​familja. Korsa bħal din hi premjanti għaliex tavvanza l-​ferħ, il-​paċi u l-​armonija tal-​familja waqt li tagħtina s-​sodisfazzjon li jiġi milli tkun taf li qed togħġob lil Alla.—Efesin 5:22; 6:1-3.

22. Kif nistgħu nkunu verament ferħanin?

22 B’mod ċar, mela, l-​akbar kwalità li nistgħu nikkultivaw hi a·ga’pe, il-​għamla taʼ mħabba bla egoiżmu u taʼ prinċipju. U ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li mħabba vera hi premjanti. Għalhekk, inkunu ferħanin tassew jekk nikkultivaw u nesprimu din il-​kwalità f’ammont dejjem akbar għall-​glorja taʼ Alla tagħna taʼ mħabba Jehovah.

Kif Se Twieġeb?

◻ Alla Jehovah b’liema modi wera mħabba vera?

◻ Kif intweriet imħabba minn Ġesù Kristu?

◻ X’eżempju tana l-​appostlu Pawlu f’li juri mħabba vera?

◻ Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif juru l-​imħabba?

◻ Għala tgħid li l-​imħabba hi premjanti?

[Stampa f’paġna 13]

L-​imħabba taʼ Jehovah lejn il-​bnedmin qanqlitu biex jagħti lil Ibnu sabiex nistgħu niksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Tapprezzaha int imħabba bħal din?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja