Onora lil Bnedmin taʼ Kull Xorta
“Onoraw lil bnedmin taʼ kull xorta, . . . kunu fil-biżaʼ t’Alla, ħa jkollkom unur għas-sultan.”—1 PIETRU 2:17.
1. (a) Minbarra Alla u Kristu min huma onorati b’mod xieraq? (b) Il-bnedmin f’liema aspetti għandhom jintweraw unur skond 1 Pietru 2:17?
RAJNA li għandna l-obbligu li nagħtu unur lil Alla Jehovah u lil Ġesù Kristu. Din hi l-ħaġa tajba, għaqlija, u taʼ mħabba li rridu nagħmlu. Iżda l-Kelma t’Alla turi wkoll li aħna għandna nonoraw lil bnedmin sħabna. “Onoraw lil buedmin taʼ kull xorta,” jintqalilna. (1 Pietru 2:17) Ladarba dan il-vers jikkonkludi bil-kmand, “ħa jkollkom unur għas-sultan,” l-implikazzjoni hi li l-unur għandu jingħata lil dawk li huma intitolati li jirċevuh minħabba fil-pożizzjoni tagħhom. Lil min, allura, għandna nonoraw b’mod xieraq? Il-għadd li jixraqlu unur jistaʼ jinkludi ħafna iktar milli xi wħud jistgħu jaħsbu. Nistgħu ngħidu li hemm erbaʼ aspetti li fihom irridu nuru unur lil persuni oħra.
Onora lil Ħakkiema Politiċi
2. Kif nafu li s-“sultan” imsemmi fl-1 Pietru 2:17 jirreferi għal kwalunkwe sultan uman jew ħakkiem politiku?
2 L-ewwel wieħed minn dawn l-aspetti huwa relatat mal-gvernijiet sekulari. Għandna bżonn nonoraw lill-ħakkiema politiċi. Meta Pietru ta l-parir: “Ħa jkollkom unur għas-sultan,” għala ngħidu li Pietru kellu f’moħħu l-ħakkiema politiċi? Għaliex qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni taʼ barra l-kongregazzjoni Kristjana. Hu kien għadu kif temm igħid: “Issottomettu lilkom infuskom lil kull ħolqien uman: kemm jekk lil sultan bħala li hu superjuri jew lil gvernaturi bħala li huma mibgħutin minnu.” Innota, ukoll, li Pietru jpoġġi lil Alla f’kuntrast mas-“sultan,” billi jgħid: “Kunu fil-biżaʼ t’Alla, ħa jkollkom unur għas-sultan.” (1 Pietru 2:13, 14) Mela s-“sultan” li għalih Pietru jħeġġiġna biex ikollna unur jirreferi għal slaten umani u ħakkiema politiċi.
3. Min huma “l-awtoritajiet superjuri,” u x’għandna nagħtuhom?
3 L-appostlu Pawlu jikkmanda b’mod simili: “Kunu sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri.” Dawn l-“awtoritajiet superjuri” m’humiex Alla Jehovah jew Ġesù Kristu, imma huma ħakkiema politiċi, uffiċjali tal-gvern. B’dawn f’moħħu, Pawlu jissokta jgħid: “Agħtu lil kulħadd sehemhom, . . . lilu li jsejjaħ għall-unur, unur bħal dan.” Iva, uħud bħal dawn li għandhom il-permess t’Alla biex jeżerċitaw ħakma politika huma intitolati għall-unur.—Rumani 13:1, 7.
4. (a) L-unur kif jistaʼ jiġi muri lill-ħakkiema politiċi? (b) L-appostlu Pawlu liema eżempju ta f’li juri unur lil ħakkiema?
4 Kif nuru unur lil ħakkiema politiċi? Mod wieħed hu billi nittrattawhom b’rispett profond. (Qabbel 1 Pietru 3:15.) U minħabba fil-pożizzjoni tagħhom, rispett bħal dan huwa tagħhom għalkemm jistgħu jkunu rġiel mill-agħar. Taċitus, kittieb Ruman tal-istorja, iddeskriva lill-Gvernatur Feliċ bħala raġel li “ħaseb li setaʼ jagħmel kwalunkwe att ħazin ferm mingħajr ma jiġi kkastigat.” Iżda Pawlu fetaħ id-difiża tiegħu quddiem Feliċ b’mod rispettabbli. Bl-istess mod, Pawlu bir-rispett qal lis-Sultan Erodi Agrippa II, “Jien ngħodd lili nnifsi hieni li hu quddiemek li rrid nagħmel id-difiża tiegħi,” għalkemm Pawlu kien jaf li Agrippa kien qed igħix f’inċest. Bl-istess mod, Pawlu wera unur lill-Gvernatur Festus, billi ndiriżzah bħala “l-Eċċellenza Tiegħek,” għalkemm Festus kien jadura l-idoli.—Atti 24:10; 26:2, 3, 24, 25.
5. B’liema mod ieħor huwa l-unur muri lil awtoritajiet governattivi, u x-Xhieda taʼ Jehovah kif jagħtu eżempju tajjeb f’li jagħmlu dan?
5 Mod ieħor kif nuru unur lil uffiċjali tal-gvern huwa indikat mill-appostlu Pawlu meta kiteb dwar li nagħtu lil awtoritajiet governattivi dak li hu sehemhom. Hu qal biex nagħtu “lilu li jsejjaħ għat-taxxa, it-taxxa; lilu li jsejjaħ għall-ħaraġ, il-ħaraġ.” (Rumani 13:7) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħtu dan is-sehem hu liema hu l-pajjiż fid-dinja li fih huma jgħixu. Fl-Italja l-gazzetta La Stampa osservat: “Huma l-iktar ċittadini leali li xi ħadd jistaʼ jixtieq: ma jaħarbux mit-taxxi jew ifittxu li jevadu liġijiet inkonvenjenti għall-profitt tagħhom stess.” U The Post taʼ Palm Beach, Florida, U.S.A., innotat rigward ix-Xhieda taʼ Jehovah: “Huma jħallsu t-taxxi tagħhom. Huma ftit miċ-ċittadini l-iktar onesti fir-Repubblika.”
Uri Unur lil Min Jimpjega
6. L-appostli Pawlu u Pietru lil min iktar igħidu li għandu jingħata unur?
6 It-tieni aspett fejn l-unur huwa mistħoqq huwa fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna. Kemm l-appostlu Pawlu u kemm l-appostlu Pietru jenfasizzaw l-importanza taʼ li l-Kristjani jonoraw lil dawk impoġġijin fuqhom f’relazzjoni taʼ xogħol. Pawlu kiteb: “Ħalli dawk kollha li huma rsiera taħt madmad ikomplu jikkunsidraw lis-sidien tagħhom li jistħoqqilhom unur sħiħ, biex l-isem t’Alla u t-tagħlim jistgħu qatt ma jitkellmu dwarhom b’mod inġurjuż. Barra minn hekk, ħalli dawk li għandhom sidien li jemmnu ma jistmerruhomx, għaliex huma aħwa. Għall-kuntrarju, ħallihom ikunu lesti dejjem iktar li jkunu rsiera.” U Pietru qal: “Ħalli l-qaddejja tad-dar ikunu sottomessi lejn is-sidien tagħhom bil-biżaʼ kollu mistħoqq, mhux biss lejn it-tajbin u raġonevoli, imma wkoll lejn dawk diffiċli biex togħġobhom.”—1 Timotew 6:1, 2; 1 Pietru 2:18; Efesin 6:5; Kolossin 3:22, 23.
7. (a) Il-parir tal-Bibbja biex l-“irsiera” juru unur lis-“sidien” kif inhu applikat b’mod xieraq illum? (b) Impjegati Kristjani li min jimpjegahom huwa Kristjan x’għandhom joqogħdu attenti li josservaw?
7 Naturalment, l-iskjavitù m’huwiex imxerred illum. Imma l-prinċipji li kienu jmexxu lill-Kristjani f’relazzjoni taʼ bejn l-irsir u s-sid iridu jiġu applikati għal relazzjoni taʼ bejn l-impjegat u min iħaddmu. B’hekk, impjegati Kristjani għandhom ir-responsabbiltà li juru unur saħansitra lil imgħallmin li diffiċli biex togħġobhom. U x’ingħidu jekk min jimpjega jinzerta wkoll li jkun sieħeb fit-twemmin. Minflok ma jistenna konsiderazzjoni jew preferenza speċjali minħabba f’dik ir-relazzjoni, l-impjegat għandu jkun dejjem iktar lest li jaqdi lill-imgħallem Kristjan tiegħu, billi qatt ma jieħu vantaġġ minnu b’xi mod.
Unur fil-Familja
8, 9. (a) It-tfal lil min huma mitluba li jonoraw? (b) It-tfal għala għandhom juru dan l-unur, u kif jistgħu juruh?
8 It-tielet aspett fejn l-unur huwa mistħoqq huwa ġewwa l-familja. It-tfal, per eżempju, huma taħt obbligu li jonoraw lill-ġenituri tagħhom. Dan ma kienx biss ħtieġa tal-Ligi mogħtija lil Mosè imma wkoll obbligu għall-Kristjani. L-appostlu Pawlu kiteb: “Tfal, kunu ubbidjenti lejn il-ġenituri tagħkom f’għaqda mal-Mulej, għax dan hu taʼ tjieba: ‘Onora lil missierek u lil ommok.’”—Efesin 6:1, 2; Eżodu 20:12.
9 It-tfal għala għandhom jonoraw lill-ġenituri tagħhom? Għandhom jonorawhom minħabba fl-awtorità tal-ġenituri tagħhom mogħtija minn Alla u wkoll minħabba f’dak li għamlu l-ġenituri tagħhom, wellduhom u ħadu ħsiebhom u rabbewhom minn meta kienu trabi. It-tfal kif għandhom jonoraw lill-ġenituri tagħhom? Għandhom jagħmlu dan b’mod speċjali billi jkunu ubbidjenti u sottomessi lejhom. (Proverbji 23:22, 25, 26; Kolossin 3:20) Li jingħata unur bħal dan jistaʼ jitlob li tfal kbar jagħtu appoġġ akbar, materjali kif ukoll spiritwali, lill-ġenituri xjuħ tagħhom jew lin-nanniet. Dan għandu bżonn ikun ibbilanċjat bil-għaqal maʼ responsabbiltajiet oħra, bħal li wieħed jieħu ħsieb it-tfal tiegħu stess u jieħu seħem bis-sħiħ fi sħubija Kristjana u fil-ministeru tal-għalqa.—Efesin 5:15-17; 1 Timotew 5:8; 1 Ġwann 3:17.
10. In-nisa miżżewġin lil min għandhom l-obbligu li juru unur, u b’liema modi jistgħu juru dan?
10 Iżda t-tfal m’humiex l-uniċi wħud fil-familja li għandhom l-obbligu li juru unur lil oħrajn. In-nisa miżżewġin iridu jagħtu unur lil żwieġhom. L-appostlu Pawlu qal ukoll li “l-mara għandha jkollha rispett profond lejn żewgha.” (Efesin 5:33; 1 Pietru 3:1, 2) Li juru “rispett profond” lejn żwieghom ċertament jinvolvi li jagħtuhom unur. Sara onorat lil żewġha, Abraham, meta rreferiet għalih bħala “mulej.” (1 Pietru 3:6) Mela nisa miżżewġin, imitaw lil Sara. Agħtu lil żwieġkom unur billi taċċettaw id-deċiżjonijiet tagħhom u taħdmu biex tagħmluhom suċċess. Billi tagħmlu dak kollu li tistgħu biex tgħinu lil żwiegkom iġorru t-tagħbijiet tagħhom, minflok ma żżidu maʼ dawn, turuhom unur.
11. Rigward li wieħed juri unur, irġiel miżżewġin liema obbligu għandhom, u għala?
11 X’ingħidu dwar l-irġiel miżżewġin? Jintqalilhom fil-Kelma t’Alla: “Intom l-irġiel miżżewġin, komplu għammru bl-istess manjiera [man-nisa tagħkom] skond it-tagħrif, billi tagħtuhom unur bħal li kieku lil reċipjent iktar dgħajjef, il-femminili, ladarba intom ukoll werrieta magħhom tal-favur mhux mistħoqq tal-ħajja, sabiex it-talb tagħkom ma jkunx imtellef.” (1 Pietru 3:7) Dak ċertament li għandu jġiegħel lil kull raġel miżżewweġ jaħseb. Huwa bħal li kieku mara miżżewġa għandha t-tikketta “Prezzjuża. Delikata. Attent kif timmaniġġjaha! Agħti unur!” Mela ħalli l-irġiel miżżewġin jiftakru li jekk ma jonorawx lin-nisa tagħhom billi juruhom konsiderazzjoni mistħoqqa, huma se jgħarrqu r-relazzjoni tagħhom maʼ Alla Jehovah, għax it-talb tagħhom se jiġi mtellef. Verament, huwa taʼ benefiċċju għal kulħadd jekk membri taʼ familja jonoraw lil xulxin.
Fil-Kongregazzjoni
12. (a) Min għandhom ir-responsabbiltà li juru unur fil-kongregazzjoni? (b) Ġesù kif wera li hija ħaġa xierqa li wieħed jirċievi unur?
12 Hemm ukoll ir-responsabbiltà li kulħadd irid juri unur ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana. Ningħataw il-parir: “F’li turu unur lil xulxin ħudu t-tmexxija.” (Rumani 12:10) Ġesù indika f’waħda mit-tixbihat tiegħu li huwa xieraq li taċċetta unur. Hu qal li meta aħna niġu mistednin għal xi festa, għandna nieħdu l-post l-iktar baxx, għax imbagħad dak li stedinna se jitlobna biex nieħdu post iktar għoli, u se jkollna unur quddiem il-mistednin sħabna kollha. (Luqa 14:10) Issa ladarba lkoll kemm aħna napprezzaw li ningħataw unur, m’għandniex aħna nħossu għal ħaddieħor u nonoraw lil xulxin? Kif nistgħu nagħmlu dan?
13. X’inhuma xi modi kif nistgħu nuru unur lil oħrajn fil-kongregazzjoni?
13 Espressjonijiet taʼ apprezzament għal xi biċċa xogħol magħmula sewwa jammontaw għal li tagħti unur. Mela nistgħu nonoraw lil xulxin billi ngħidu prosit, forsi għal xi taħdida jew kumment li xi ħadd jagħti fil-kongregazzjoni. Barra minn hekk, nistgħu nonoraw lil xulxin billi nħażżmu lilna nfusna bl-umiltà lejn ħutna Kristjani rġiel u nisa, billi nittrattawhom b’rispett profond. (1 Pietru 5:5) Aħna b’hekk nuru li napprezzawhom bħala qaddejja onorabbli mseħbin taʼ Alla Jehovah.
14. (a) L-aħwa rġiel fil-kongregazzjoni kif jistgħu jagħtu lill-aħwa nisa l-unur li jistħoqqilhom? (b) Liema ħaġa turi illi li wieħed jagħti rigali huwa mod wieħed kif nagħtu unur?
14 L-appostlu Pawlu ta parir liż-żagħżugħ Timotew biex jittratta lil aħwa nisa Kristjani u ixjeħ bħala ommijiet u lil dawk iżgħar bħal aħwa nisa tal-laħam, “bis-safa kollha.” Iva, meta l-aħwa rġiel joqogħdu attenti li ma jkollhomx libertajiet żejda maʼ ħuthom in-nisa Kristjani, bħal per eżempju billi juru kunfidenza żejda, huma qed jagħtuhom unur. Pawlu ssokta jikteb: “Onora lil romol li huma romol tassew.” Mod wieħed kif armla fil-bżonn trid tiġi onorata huwa b’appoġġ materjali. Imma biex tikkwalifika għal dan, hi trid ikollha “xiehda li ngħatat għaliha għal xogħlijiet mill-aħjar.” (1 Timotew 5:2-10) F’konnessjoni maʼ rigali materjali, Luqa kiteb rigward in-nies fuq il-gżira taʼ Malta: “Huma onorawna wkoll b’ħafna rigali u, meta konna se nsalpu, għabbewna b’affarijiet għall-ħtiġijiet tagħna.” (Atti 28:10) B’hekk l-unur jistaʼ jintwera lil ħaddieħor billi nipprovdu rigali materjali.
15. (a) Lil min għandna obbligu speċjali biex nuru unur? (b) Liema hu mod wieħed kif nistgħu nuru unur lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija?
15 Billi jkompli l-ittra tiegħu lil Timotew, Pawlu jikteb: “Ħalli l-[anzjani] li jippresiedu b’mod mill-aħjar jitqiesu li jixirqilhom unur doppju, speċjalment dawk li jaħdmu iebes f’li jitkellmu u jgħallmu.” (1 Timotew 5:17) B’liema modi nistgħu nonoraw lill-anzjani, jew indokraturi? Qal Pawlu: “Siru imitaturi tiegħi, saħansitra bħalma jien taʼ Kristu.” (1 Korintin 11:1) Meta nagħtu kas il-kliem taʼ Pawlu biex insiru imitaturi tiegħu, inkunu qed nagħtuh unur. Dan kieku japplika għal dawk li qed jieħdu t-tmexxija fostna llum. Skond kemm nimitawhom billi nsegwu l-eżempju tagħhom, aħna se nkunu qed nagħtuhom unur.
16. Liema huma modi oħra kif l-unur jistaʼ jiġi muri lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija?
16 Mod ieħor kif nuru unur lill-indokraturi huwa billi nagħtu kas it-twissija: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija fostkom u kunu sottomessi, għax huma qed iħarsulkom erwieħkom bħala dawk li se jagħtu kont.” (Ebrej 13:17) Bl-istess mod kif it-tfal jonoraw lill-ġenituri tagħhom billi jkunu ubbidjenti lejhom, hekk ukoll aħna nonoraw lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija fostna billi nkunu ubbidjenti u sottomessi lejhom. U, bħalma Pawlu u sħabu kienu onorati b’rigali materjali minn dawk l-abitanti taʼ qalb tajba taʼ Malta, ħafna rappreżentanti li jivvjaġġaw tas-Soċjetà ġew onorati bl-istess mod darba wara l-oħra. Imma, naturalment, qatt m’għandhom huma jitolbu rigali bħal dawn jew jagħtu xi ħjiel li jkunu apprezzati jew li huma meħtieġa.
17. Dawk li għandhom il-privileġġi taʼ indokrar liema obbligu għandhom inkwantu għal li wieħed juri unur?
17 Mill-banda l-oħra, dawk kollha li qegħdin f’pożizzjonijiet taʼ indokrar fl-organizzazzjoni teokratika—kemm fil-kongregazzjoni lokali, f’circuit jew district bħala indokratur li jivvjaġġa, f’waħda mill-fergħat tal-Watch Tower Society, jew fil-familja—għandhom l-obbligu li jagħtu unur lil dawk li tagħhom qed jieħdu ħsieb. Dan jitlob li jkollhom l-empatija kif ukoll li jħossu għal oħrajn. Għandhom bżonn li jkunu disponibbli l-ħin kollu, billi jkunu kalmi u umli fil-qalb u fil-moħħ, bħalma Ġesù Kristu qal li kien.—Mattew 11:29, 30.
Aħdmu fuq li Tonoraw lil Xulxin
18. (a) Liema ħaġa tistaʼ tfixkilna f’li nuru unur lil dawk li jistħoqqilhom? (b) Attitudni negattiva u kritika għala ma tistax tiġi ġġustifikata?
18 Aħna lkoll irridu naħdmu iebes fuq li nonoraw lil xulxin, għax hemm impediment qawwi ħafna għal li nagħmlu dan. Dak l-impediment, jew xkiel, huwa l-qalb imperfetta tagħna. “L-inklinazzjoni tal-qalb tal-bniedem hi ħażina minn żgħożitu ’l fuq,” tgħid il-Bibbja. (Ġenesi 8:21) Waħda mit-tendenzi tal-bniedem li tistaʼ tfixkilna f’li nuru unur lil oħrajn hija li jkollna attitudni negattiva, kritika. Aħna lkoll bnedmin dgħajfin u imperfetti, billi għandna bżonn il-ħniena u l-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah. (Rumani 3:23, 24) B’apprezzament għal dan, ejjew noqogħdu attenti biex ma noqogħdux naħsbu dwar id-djufijiet taʼ ħutna jew nattribwixxu mottivi dubjużi dwar ħutna.
19. X’se jgħinna biex nikkumbattu kwalunkwe attitudni negattiva?
19 Il-mediċina għal kwalunkwe tendenza negattiva bħal din hija l-imħabba u r-rażna. Għandna bżonn li jkollna attitudni leali, pożittiva, taʼ simpatija lejn ħutna, billi ninnotaw il-kwalitajiet mill-aħjar tagħhom. Jekk hemm xi ħaġa li ma nifhmuhiex, ejjew dejjem inkunu lesti li nagħtu lil ħutna l-benefiċċju tad-dubju u nagħtu kas il-parir taʼ Pietru: “Fuq l-affarijiet kollha, ħa jkollkom imħabba intensa lejn xulxin, għaliex l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pietru 4:8) Irid ikollna dik ix-xorta taʼ mħabba jekk irridu nagħtu lil ħutna l-unur li jistħoqqilhom.
20, 21. (a) Liema hi tendenza oħra li x’aktarx li tfixkilna f’li nuru unur lil xulxin? (b) X’se jgħinna biex nikkumbattu din it-tendenza?
20 Karatteristika oħra li x’aktarx tfixkilna f’li nuru unur mistħoqq lil oħrajn hija t-tendenza li nieħdu għalina malajr, jew li nkunu sensittivi żżejjed. Is-sensittività għandha l-post tagħha. L-artisti jridu jkunu sensittivi għall-ħsejjes jew għall-kuluri bħala parti mill-professjoni tagħhom. Imma li nkunu sensittivi żżejjed, jew li nieħdu għalina malajr, fir-relazzjonijiet tagħna maʼ oħrajn huwa forma taʼ egoiżmu li jistaʼ jtellfilna l-paċi tagħna u jżommna milli nuru unur lil oħrajn.
21 Jagħtuna parir tajjeb f’konnessjoni maʼ dan huma l-kelmiet li nsibu f’Ekkleżjasti 7:9: “Tgħaggilx fl-ispirtu tiegħek biex tieħu għalik, għax li wieħed jieħu għalih huwa dak li hemm fi ħdan l-istupidi.” Mela juri sinjali taʼ nuqqas taʼ għerf u sens tajjeb, kif ukoll nuqqas taʼ mħabba, li nkunu sensittivi żżejjed jew li nieħdu għalina malajr. Irridu noqogħdu għassa biex il-ġibdiet imwaqqaʼ tagħna, bħal li nkunu negattivi, nikkritikaw iżżejjed, jew sensittivi żżejjed, ma jfixkluniex f’li nuru unur lil dawk kollha li jistħoqqilhom.
22. L-obbligu tagħna biex nuru unur kif jistaʼ jiġi miġbur fil-qosor?
22 Verament, għandna ħafna raġunijiet biex nuru unur lil oħrajn. U, bħalma rajna, hemm ħafna, ħafna modi kif nistgħu nuru unur bħal dan. Il-ħin kollu rridu noqogħdu għassa biox ma nħallux lil xi attitudni egoista jew negattiva tfixkilna milli nuru unur. B’mod partikulari, għandna bżonn li noqogħdu attenti biex nuru unur lil dawk fil-familja tagħna, irġiel u nisa miżżewġin lil xulxin u t-tfal lill-ġenituri tagħhom. U fil-kongregazzjoni, għandna l-obbligu li nuru unur lil adoraturi sħabna u, b’mod partikulari, lil dawk li qed jaħdmu iebes fostna f’pożizzjonijiet taʼ indokrar. F’dawn l-aspetti kollha, huwa għall-ġid tagħna li nagħtu unur xieraq lil dawk imsemmijin hawn fuq, ladarba, bħalma qal Ġesù: “Hemm iktar ferħ f’li tagħti milli hemm f’li tirċievi.”—Atti 20:35.
Kif Kont Twieġeb?
◻ Għala u kif irridu nonoraw lill-awtoritajiet governattivi?
◻ Liema parir tal-Bibbja jistaʼ jiġi applikat għar-relazzjoni taʼ bejn l-impjegat u min iħaddmu?
◻ L-unur kif għandu jiġi muri ġewwa l-familja?
◻ Liema unur speċjali jistaʼ jintwera fil-kongregazzjoni, u għala?
◻ Djufijiet umani f’li ma nonorawx lil oħrajn kif jistgħu jiġu megħlubin?