Barkiet jew Maledizzjonijiet—Hemm Għażla!
“Il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħidt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix.”—DEWTERONOMJU 30:19.
1. Il-bnedmin ġew imżejnin b’liema kapaċità?
ALLA JEHOVAH iddisinja lilna—il-ħlejjaq umani intelliġenti tiegħu—biex inkunu aġenti morali ħielsa. Ma ġejniex maħluqin bħala sempliċi magni, jew robots, imma ġejna mogħtijin il-privileġġ u r-responsabbiltà li nagħmlu għażliet. (Salm 100:3) L-ewwel bnedmin—Adam u Eva—kienu ħielsa li jagħżlu l-korsa t’azzjoni tagħhom, u riedu jagħtu kont lil Alla għall-għażla tagħhom.
2. Adam liema għażla għamel, u b’liema riżultat?
2 Il-Ħallieq ipprovda b’mod abbundanti għal ħajja umana taʼ barka perpetwa fuq l-art magħmula ġenna. Għala għadu ma ntlaħaqx dak l-iskop? Għaliex Adam għamel l-għażla żbaljata. Jehovah kien poġġa dan il-kmand fuq il-bniedem: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tiekolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Li kieku Adam għażel li jobdi, l-ewwel ġenituri tagħna kienu jiġu mberkin. Id-diżubbidjenza ġabet il-mewt. (Ġenesi 3:6, 18, 19) Għalhekk id-dnub u l-mewt ġew trasmessi lin-nisel kollu t’Adam.—Rumani 5:12.
Barkiet Magħmulin Possibbli
3. Alla kif ipprovda assiguranza li l-iskop tiegħu għall-umanità kellu jitwettaq?
3 Alla Jehovah stabbilixxa mezz li bih l-iskop tiegħu biex ibierek lill-umanità kellu eventwalment jitwettaq. Hu nnifsu bassar Żerriegħa, billi pprofetizza f’Għeden: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) Alla iktar tard wiegħed li barkiet kellhom jiġu lill-bnedmin ubbidjenti permezz taʼ dan iż-Żerriegħa, dixxendent t’Abraham.—Ġenesi 22:15-18.
4. Jehovah x’arranġament għamel biex ibierek lill-umanità?
4 Dak iż-Żerriegħa mwiegħed taʼ barka wera li kien Ġesù Kristu. Rigward l-irwol taʼ Ġesù fl-arranġament taʼ Jehovah għat-tberik taʼ l-umanità, l-appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.” (Rumani 5:8) Barkiet se jitgawdew minn dawk fost il-bnedmin midinbin li jobdu lil Alla u jieħdu vantaġġ mill-mertu tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu. (Atti 4:12) Se tagħżel int l-ubbidjenza u l-barkiet? Diżubbidjenza se tirriżulta f’xi ħaġa ferm differenti.
Xi Ngħidu Dwar Il-Maledizzjonijiet?
5. X’inhu t-tifsir tal-kelma “maledizzjoni”?
5 L-oppost taʼ barka hija maledizzjoni. Il-kelma “maledizzjoni” tfisser li titkellem ħażin dwar xi ħadd jew li tippronunzja deni kontrih. Il-kelma Ebrajka qela·lahʹ ġejja mill-verb taʼ l-għerq qa·lalʹ, li litteralment ifisser “kun ħafif.” Meta wżata f’sens figurattiv, madankollu, din tfisser li ‘tidgħi’ jew li ‘tistma bi stmerrija.’—Levitiku 20:9; 2 Samwel 19:44 [2 Samwel 19:43, NW].
6. Liema inċident li kien jinvolvi lil Eliżew seħħ ħdejn Betel tal-qedem?
6 Ikkunsidra eżempju drammatiku t’azzjoni fil-pront li tinvolvi maledizzjoni. Dan seħħ meta l-profeta t’Alla Eliżew kien sejjer bil-mixi minn Ġeriko għal Betel. Ir-rakkont jistqarr: “Kif kien tielaʼ fit-triq, ħarġu xi tfal żgħar mill-belt u bdew jiddieħku bih u jgħidulu: ‘Itlaʼ, ja qargħi! Itlaʼ ja qargħi!’ U hu dar lura, ħares lejhom, u seħithom f’isem il-Mulej. U ħarġu żewġ orsijiet mill-foresta u sbranaw tnejn u erbgħin tifel minnhom.” (2 Slaten 2:23, 24) X’qal eżattament Eliżew meta lissen dik il-maledizzjoni billi seħet lil dawk it-tfal li kienu qegħdin jiżżufjettaw m’huwiex irrivelat. Minkejja dan, dik il-pronunzja verbali kellha riżultati għaliex ġiet mitkellma f’isem Jehovah minn profeta t’Alla li kien qiegħed jaġixxi fi qbil mar-rieda divina.
7. Xi ġralhom it-tfal li rredikolaw lil Eliżew, u għala?
7 Ir-raġuni ewlenija għaż-żufjettar jidher li kienet għax Eliżew kien liebes l-ilbies uffiċċjali familjari t’Elija, u t-tfal ma riedu lil ebda suċċessur taʼ dak il-profeta mas-saqajn. (2 Slaten 2:13) Biex iwieġeb għall-isfida dwar jekk kienx is-suċċessur t’Elija u biex jgħallem lil dawn iż-żgħażagħ u lill-ġenituri tagħhom rispett xieraq għall-profeta taʼ Jehovah, Eliżew seħet f’isem dak Alla t’Elija lill-folla li kienet qiegħda tiżżufjetta. Jehovah wera li kien japprova lil Eliżew bħala l-profeta tiegħu billi ġagħal liż-żewġ orsijiet nisa joħorġu mill-bosk u jqattgħu biċċiet 42 minn dawk ir-redikolaturi. Jehovah aġixxa b’mod deċiżiv minħabba n-nuqqas sfaċċat tagħhom taʼ rispett għall-mezz taʼ komunikazzjoni li hu kien qiegħed juża fuq l-art dak iż-żmien.
8. Il-poplu taʼ Israel x’qabel li jagħmel, u b’liema prospetti?
8 Snin qabel, l-Israeliti kienu wrew nuqqas simili taʼ rispett lejn l-arranġamenti t’Alla. Dan huwa kif żviluppa: Fl-1513 Q.E.K., Jehovah wera favur lill-poplu taʼ Israel billi ħelishom mill-jasar Eġizzjan bħal li kieku “fuq il-ġwienaħ taʼ l-ajkli.” Ftit wara dan, taw il-kelma tagħhom li jobdu lil Alla. Innota kif l-ubbidjenza kienet marbuta b’mod inseparabbli maʼ li jirċievu l-approvazzjoni t’Alla. Jehovah qal permezz taʼ Mosè: “Jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi.” Wara dan, il-poplu wieġeb fl-affermattiv, billi qalu: “Kull ma qal il-Mulej aħna nagħmluh.” (Eżodu 19:4, 5, 8; 24:3) L-Israeliti sostnew li kienu jħobbuh lil Jehovah, kienu ddedikati lilu, u ħalfu li jobdu minn leħnu. Li jagħmlu dan kellu jirriżulta f’barkiet kbar.
9, 10. Waqt li Mosè kien fuq il-Muntanja Sinaj, x’għamlu l-Israeliti, u b’liema konsegwenzi?
9 Qabel ma ġew imnaqqxin fil-ġebel “bis-sabaʼ taʼ Alla” r-regolamenti bażiċi taʼ dak il-ftehim, iżda, maledizzjonijiet divini saru neċessarji. (Eżodu 31:18) Għala kienu mistħoqqa konsegwenzi traġiċi bħal dawn? Ma kinux l-Israeliti indikaw xewqa li jagħmlu dak kollu li Jehovah kien tkellem? Iva, bil-kliem fittxew barkiet, imma bl-azzjonijiet tagħhom għażlu korsa li kien jixirqilha maledizzjonijiet.
10 Matul perijodu taʼ 40 jum meta Mosè kien fuq il-Muntanja Sinaj jirċievi l-Għaxar Kmandamenti, l-Israeliti kisru l-wegħda tagħhom taʼ lealtà lejn Jehovah li kienu għamlu iktar kmieni. “Il-poplu,” jgħid ir-rakkont, “meta ra li Mosè ddawwar ma niżel minn fuq il-muntanja, inġabar madwar Aron u qallu: ‘Qum u agħmlilna allat li jimxu quddiemna, għax dan Mosè, il-bniedem li tellagħna mill-art taʼ l-Eġittu, ma nafux x’sar minnu.’” (Eżodu 32:1) Dan hu eżempju ieħor t’attitudni bla rispett murija lejn l-aġenzija umana li Jehovah kien qiegħed juża dak iż-żmien biex tmexxi u tidderieġi lill-poplu tiegħu. L-Israeliti ġew imħajrin f’li jimitaw idolatrija Eġizzjana u ħasdu riżultati koroh meta madwar 3,000 minnhom inqatlu bis-sejf f’jum wieħed.—Eżodu 32:2-6, 25-29.
Pronunzja Taʼ Barkiet u Maledizzjonijiet
11. Liema istruzzjonijiet rigward barkiet u maledizzjonijiet ġew imwettqin minn Ġożwè?
11 Lejn it-tmiem tal-vjaġġ strapazzuż t’40 sena taʼ Israel fix-xagħri, Mosè semma waħda waħda l-barkiet li setgħu jaħsdu billi jagħżlu korsa t’ubbidjenza lejn Alla. Għaddilhom ukoll il-maledizzjonijiet li l-Israeliti kellhom jesperjenzaw kieku kellhom jagħżlu li ma jobdux minn Jehovah. (Dewteronomju 27:11–28:10) Ftit wara li Israel daħal fl-Art Imwiegħda, Ġożwè wettaq l-istruzzjonijiet taʼ Mosè li kienu jinvolvu dawn il-barkiet u l-maledizzjonijiet. Sitt tribujiet taʼ Israel waqfu taħt il-Muntanja Għebal, u s-sitta l-oħra ħadu pożizzjonijiet quddiem il-Muntanja Geriżim. Il-Leviti waqfu fil-wied taʼ bejniethom. Apparentement, it-tribujiet weqfin quddiem il-Muntanja Għebal qalu “Amen” għall-maledizzjonijiet, jew saħtiet, moqrijin lejn dik id-direzzjoni. Oħrajn wieġbu għall-barkiet li l-Leviti qraw lejn id-direzzjoni tagħhom taħt il-Muntanja Geriżim.—Ġożwè 8:30-35.
12. Liema kienu xi ftit mill-maledizzjonijiet ippronunzjati mil-Leviti?
12 Immaġina li int tismaʼ lil-Leviti jgħidu: “Misħut il-bniedem li jagħmel xi xbieha minquxa jew imdewba, li l-Mulej jistkerrah, xogħol taʼ bniedem tas-sengħa, u jqegħidha fil-moħbi. . . . Misħut il-bniedem li jżeblaħ lil missieru u lil ommu. . . . Misħut il-bniedem li jċaqlaq il-plieri tar-rabaʼ taʼ għajru. . . . Misħut il-bniedem li joħroġ l-agħma ’l barra mit-triq. . . . Misħut il-bniedem li jgħawweġ il-ġustizzja tal-barrani, taʼ l-iltima u taʼ l-armla. . . . Misħut il-bniedem li jimtedd mal-mara taʼ missieru, għax ikun jikxef truf il-friex taʼ missieru. . . . Misħut il-bniedem li jimtedd maʼ xi bhima, tkun xi tkun. . . . Misħut il-bniedem li jimtedd maʼ oħtu, bint missieru jew bint ommu. . . . Misħut il-bniedem li jimtedd maʼ omm martu. . . . Misħut il-bniedem li jidrob lil għajru bil-moħbi. . . . Misħut il-bniedem li jieħu l-ħlas biex jidrob għall-mewt lil min ikun bla ħtija. . . . Misħut il-bniedem li ma jżommx il-kliem taʼ din il-liġi u jagħmilhom.” Wara kull maledizzjoni, it-tribujiet quddiem il-Muntanja Għebal jgħidu, “Amen.”—Dewteronomju 27:15-26.
13. Fi kliemek stess, kif tesprimi ċerti barkiet li ppronunzjaw il-Leviti?
13 Issa immaġina li int tismaʼ lil dawk quddiem il-Muntanja Geriżim iwieġbu b’leħen għoli għal kull barka hekk kif il-Leviti jgħajtu: “Imbierek tkun fil-belt u mbierek fir-rabaʼ. Imbierek ikun il-frott taʼ ġufek, il-frott taʼ artek, il-frott tal-bhejjem tiegħek; il-frieħ tal-baqar tiegħek, u l-frieħ taʼ l-imrieħel tiegħek. Imbierka l-qoffa tal-ħobż tiegħek, u l-imgħaġna tiegħek. Imbierek tkun fi dħulek, u mbierek fi ħruġek.”—Dewteronomju 28:3-6.
14. L-Israeliti fuq liema bażi kellhom jirċievu barkiet?
14 X’kien il-bażi biex jirċievu dawn il-barkiet? Ir-rakkont jgħid: “Jekk int tassew tismaʼ l-leħen tal-Mulej, Alla tiegħek, biex tħares u tagħmel l-ordnijiet kollha tiegħu, li jien illum qiegħed nordnalek, jerfgħek il-Mulej, Alla tiegħek, fil-għoli ’l fuq mill-ġnus kollha taʼ l-art. U jiġu fuqek dawn il-barkiet kollha, għax tkun smajt il-leħen tal-Mulej, Alla tiegħek.” (Dewteronomju 28:1, 2) Iva, iċ-ċavetta biex igawdu barkiet divini kienet ubbidjenza lejn Alla. Imma xi ngħidu għalina llum? Se nagħżlu aħna individwalment barkiet u ħajja billi nibqgħu ‘nisimgħu mil-leħen tal-Mulej’?—Dewteronomju 30:19, 20.
Nagħtu Ħarsa Iżjed Mill-Qrib
15. Liema punt intgħamel fil-barka ddokumentata f’Dewteronomju 28:3, u kif nistgħu nibbenefikaw minnu?
15 Ejjew nirriflettu fuq ċerti barkiet li Israelit setaʼ jgawdi talli jkun obda lil Jehovah. Per eżempju, Dewteronomju 28:3 jgħid: “Imbierek tkun fil-belt u mbierek fir-rabaʼ.” Li tkun imbierek minn Alla ma jiddependix fuq xi post jew inkarigu. Xi wħud għandhom mnejn iħossuhom maqbudin fiċ-ċirkostanzi tagħhom, forsi għaliex jgħixu fi nħawi mħarbtin materjalment jew f’xi pajjiż imtertaq bil-gwerer. Oħrajn jistgħu jixxennqu biex jaqdu lil Jehovah f’xi post differenti. Xi rġiel Kristjani jistgħu jiġu skuraġġiti għaliex ma jkunux ġew maħturin bħala qaddejja ministerjali jew bħala anzjani fil-kongregazzjoni. Xi drabi, nisa Kristjani jħossuhom skuraġġiti għaliex m’humiex f’pożizzjoni li jieħdu sehem fil-ministeru full-time bħala pijunieri jew missjunarji. Madankollu, kulmin ‘jismaʼ minn leħen il-Mulej u bir-reqqa jagħmel kulma jirrikjedi’ se jiġi mbierek issa u għall-eternità kollha.
16. Il-prinċipju taʼ Dewteronomju 28:4 kif qiegħed jiġi esperjenzat mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah illum?
16 Dewteronomju 28:4 jgħid: “Imbierek ikun il-frott taʼ ġufek, il-frott taʼ artek, il-frott tal-bhejjem tiegħek; il-frieħ tal-baqar tiegħek, u l-frieħ taʼ l-imrieħel tiegħek.” L-użu tal-pronom Ebrajk fis-singular tradott “tiegħek” jindika li din kellha tkun l-esperjenza persunali taʼ Israelit ubbidjent. Xi ngħidu dwar il-qaddejja ubbidjenti taʼ Jehovah illum? Iż-żjieda u l-espansjoni mad-dinja kollha li qegħdin iseħħu fl-organizzazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah huma r-riżultat tal-barka t’Alla fuq l-isforzi ħerqana taʼ iktar minn 5,000,000 xandâr taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mark 13:10) U l-potenzjal għal żjieda akbar huwa evidenti għaliex ’il fuq minn 13,000,000 attendew l-osservanza taʼ l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej għas-sena 1995. Qiegħed int tgawdi barkiet tas-Saltna?
L-Għażla Taʼ Israel Għamlet Differenza
17. Li tkun ‘milħuq’ minn barkiet jew minn maledizzjonijiet kien jiddependi fuq liema ħaġa?
17 Effettivament, barkiet kellhom isegwu lil Israelit ubbidjent. Kien imwiegħed: “U jiġu fuqek dawn il-barkiet kollha.” (Dewteronomju 28:2) B’mod simili, intqal dwar maledizzjonijiet: “Dawn is-saħtiet jiġu fuqek u jilħquk.” (Dewteronomju 28:15) Li kieku kont Israelit tal-qedem, kont tkun int ‘milħuq’ minn barkiet jew minn maledizzjonijiet? Dak kien jiddependi fuq jekk kontx tobdi lil Alla jew le.
18. L-Israeliti kif setgħu jevitaw il-maledizzjonijiet?
18 F’Dewteronomju 28:15-68, il-konsegwenzi li jweġġgħu tad-diżubbidjenza huma mniżżlin bħala maledizzjonijiet. Ftit minnhom huma eżatt l-oppost tal-barkiet imsemmijin waħda waħda f’Dewteronomju 28:3-14. Taʼ spiss, il-poplu taʼ Israel kien jaħsad ir-riżultati ibsin taʼ maledizzjonijiet għaliex ikun għażel li jieħu sehem f’qima falza. (Esdra 9:7; Ġeremija 6:6-8; 44:2-6) Xi traġedja! Konsegwenzi bħal dawn setgħu ġew evitati li kieku saret l-għażla t-tajba, dik t’ubbidjenza għal-liġijiet u l-prinċipji bnini taʼ Jehovah, li b’mod ċar jiddefinixxu t-tajjeb u l-ħażin. Ħafna llum isofru wġigħ u traġedja għaliex ikunu għażlu li jaġixxu kuntrarju għal prinċipji tal-Bibbja billi jipprattikaw reliġjon falza, jieħdu sehem f’immoralità sesswali, jużaw drogi illegali, jabbużaw mix-xorb alkoħoliku, u affarijiet bħal dawn. Bħal f’Israel u Ġuda tal-qedem, li wieħed jagħmel għażliet ħżiena bħal dawn jirriżulta f’diżapprovazzjoni divina u wġigħ tal-qalb bla bżonn.—Isaija 65:12-14.
19. Iddeskrivi l-kundizzjonijiet gawduti meta Ġuda u Israel għażlu li jobdu lil Jehovah.
19 Barkiet kienu abbundanti u kienet tirrenja t-trankwillità biss meta Israel obda lil Jehovah. Per eżempju, rigward l-era tas-Sultan Salamun, naqraw: “Il-poplu taʼ Ġuda u Israel kien kotran bħar-ramel tal-baħar; u kienu lkoll ferħana jieklu u jixorbu. . . . Il-poplu taʼ Ġuda u Israel kien igħix fiż-żgur, kulħadd taħt id-dielja u t-tina tiegħu, minn Dân sa Birsaba, iż-żmien kollu taʼ Salamun.” (1 Slaten 4:20–5:5 [1 Slaten 4:20-25, NW]) Saħansitra fi żmien is-Sultan David, li kien immarkat b’ħafna oppożizzjoni minn għedewwa t’Alla, il-ġens ħass l-appoġġ u l-barka taʼ Jehovah meta huma għażlu li jobdu lil dak Alla taʼ verità.—2 Samwel 7:28, 29; 8:1-15.
20. Alla hu kunfidenti dwar liema ħaġa rigward xi bnedmin?
20 Se tobdih int lil Alla, jew le? L-Israeliti kellhom għażla. Għalkemm ilkoll kemm aħna writna inklinazzjoni midinba minn Adam, irċevejna wkoll l-għotja t’għażla ħielsa. Minkejja Satana, din id-dinja mill-agħar, u l-imperfezzjonijiet tagħna, aħna nistgħu nagħmlu l-għażla t-tajba. Iktar minn hekk, il-Ħallieq tagħna hu fiduċjuż li quddiem kull prova u tentazzjoni, se jkun hemm dawk li jagħmlu l-għażla t-tajba, mhux biss bil-kliem imma wkoll bl-azzjoni. (1 Pietru 5:8-10) Se tkun int fosthom?
21. X’se jiġi eżaminat fl-artiklu li jmiss?
21 Fl-artiklu li jmiss, se nkunu nistgħu niżnu l-attitudnijiet u l-azzjonijiet tagħna fid-dawl t’eżempji tal-passat. Jalla kull wieħed minna jwieġeb bi gratitudni għall-kliem t’Alla permezz taʼ Mosè: “Il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħidt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix.”—Dewteronomju 30:19. (w96 6/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ Jehovah kif għamel barkiet possibbli għal bnedmin midinbin?
◻ X’inhuma l-maledizzjonijiet?
◻ L-Israeliti kif setgħu jirċievu barkiet minflok maledizzjonijiet?
◻ Israel liema barkiet gawda talli obda lil Alla?
[Stampa f’paġna 7]
L-Israeliti nġemgħu quddiem il-Muntanja Geriżim u l-Muntanja Għebal
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.