LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 5/1 pp. 27-32
  • Messaġġieri tal-Paċi Divina Ddikjarati Henjin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Messaġġieri tal-Paċi Divina Ddikjarati Henjin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nidentifikaw Lill-​Messaġġieri T’Alla Llum
  • L-​Hena Tal-​Messaġġieri T’Alla
  • L-​Organizzazzjoni Taʼ Jehovah Dejjem Miexja
  • Nidentifikaw It-Tip Xieraq taʼ Messaġġier
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Eżekjel—I
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġeħova Kif Jgħinna fix-Xogħol tal-Ippritkar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Jehovah Jagħti Paċi u Verità bl-Abbundanza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 5/1 pp. 27-32

Messaġġieri tal-​Paċi Divina Ddikjarati Henjin

“Jerġgħu lura l-​mifdijin tal-​Mulej, u jidħlu f’Sijon jgħajjtu bil-​ferħ, b’ferħ taʼ dejjem fuq rashom.”—ISAIJA 35:10.

1. Id-​dinja x’teħtieġ b’mod iddisprat?

ILLUM, bħal qatt qabel, l-​umanità teħtieġ messaġġier t’aħbar tajba. Hemm ħtieġa urġenti biex xi ħadd jgħid il-​verità dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu, xhud li ma jafx x’inhu biżaʼ u li se jwissi lil dawk mill-​agħar dwar il-​qerda li ġejja u jgħin lil dawk taʼ qalb retta biex isibu l-​paċi divina.

2, 3. Fil-​każ taʼ Israel, Jehovah kif wettaq il-​wegħda tiegħu mniżżla f’Għamos 3:7?

2 Fi żmien Israel, Jehovah wiegħed li jipprovdi messaġġieri taʼ dik ix-​xorta. Fi tmiem id-​disaʼ seklu Q.E.K., il-​profeta Għamos qal: “Ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-​Mulej, jekk ma jurix il-​ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-​qaddejja tiegħu l-​profeti.” (Għamos 3:7) Fis-​sekli li ġew wara din il-​pronunzja, Jehovah wettaq ħafna atti setgħana. Per eżempju fis-​sena 607 Q.E.K., hu ddixxiplina severament lill-​poplu magħżul tiegħu għaliex kienu ribellużi u ħatjin tad-​demm. Hu kkastiga wkoll lill-​ġnus taʼ madwarhom li ħadu gost bit-​tbatija taʼ Israel. (Ġeremija, kapitli 46-​49) Imbagħad, fis-​sena 539 Q.E.K., Jehovah ġab il-​waqgħa tal-​qawwa dinjija setgħana taʼ Babilonja, u bħala riżultat, fis-​sena 537 Q.E.K., fdal minn Israel irritornaw lejn arthom biex jibnu t-​tempju mill-​ġdid.—2 Kronaki 36:22, 23.

3 Dawn kienu ġrajjiet li regħdu l-​art, u f’armonija mal-​kliem t’Għamos, Jehovah irrivelahom bil-​quddiem lil profeti li qdew bħala messaġġieri, billi wissew lil Israel dwar dak li kellu jiġri. F’nofs it-​tmien seklu Q.E.K., hu qajjem lil Isaija. F’nofs is-​sebaʼ seklu Q.E.K., qajjem lil Ġeremija. Imbagħad, lejn it-​tmiem taʼ dak is-​seklu, qajjem lil Eżekjel. Dawn u profeti leali oħrajn taw xiehda kompleta dwar l-​iskopijiet taʼ Jehovah.

Nidentifikaw Lill-​Messaġġieri T’Alla Llum

4. X’inhu li juri l-​ħtieġa li l-​umanità għandha għal messaġġieri taʼ paċi?

4 Xi ngħidu għal-​lum? Ħafna fid-​dinja jħossu li xi ħaġa terribbli se tiġri hekk kif josservaw id-​deterjorazzjoni tas-​soċjetà umana. Dawk b’imħabba lejn it-​tjieba jħossu wġigħ taʼ qalb meta jaraw l-​ipokresija u l-​ħażen mill-​agħar tal-​Kristjaneżmu. Bħalma bassar Jehovah permezz t’Eżekjel, huma qegħdin “jitniehdu u jitbikkew minħabba l-​qżiżijiet kollha li jsiru fiha.” (Eżekjel 9:4) Madankollu, ħafna ma jirrealizzawx x’inhuma l-​iskopijiet taʼ Jehovah. Għandhom bżonn li xi ħadd jgħidilhom.

5. Ġesù kif wera li kellu jkun hemm messaġġieri fi żmienna?

5 Hemm xi ħadd illum li jitkellem bi spirtu bla biżaʼ bħal taʼ Isaija, Ġeremija, u Eżekjel? Ġesù indika li kellu jkun hemm xi ħadd. Meta kien qiegħed ibassar ġrajjiet taʼ żmienna, hu qal: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) Min illum qiegħed iwettaq dik il-​profezija, billi jaqdi bħala messaġġier, xandâr t’aħbar tajba? Similaritajiet bejn żmienna u żmien Israel tal-​qedem jgħinuna nwieġbu dik il-​mistoqsija.

6. (a) Iddeskrivi l-​esperjenzi taʼ l-​“Iżrael taʼ Alla” matul l-​ewwel gwerra dinjija. (b) Eżekjel 11:17 kif twettaq fuq Israel tal-​qedem?

6 Matul il-​jiem mudlama taʼ l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​poplu taʼ Jehovah taʼ żmienna, il-​fdal midluk taʼ l-​“Iżrael taʼ Alla,” mar f’jasar simili għal dak taʼ Israel fil-​Babilonja. (Galatin 6:16) Huma batew eżilju spiritwali f’Babilonja l-​Kbira, il-​ġemgħa mħallta dinjija taʼ reliġjonijiet foloz li fosthom il-​Kristjaneżmu huwa l-​iktar prominenti u l-​iktar li ħaqqu ċanfir. Minkejja dan, il-​kliem taʼ Jehovah lil Eżekjel wera li huma ma kinux ġew abbandunati. Hu qal: “Jiena niġborkom minn fost il-​ġnus, inreġġagħkom lura mill-​artijiet fejn kont xerridtkom u nagħtikom l-​art taʼ Iżrael.” (Eżekjel 11:17) Sabiex iwettaq dik il-​wegħda għal Israel tal-​qedem, Jehovah qajjem lil Ċiru l-​Persjan, li għeleb lill-​Imperu Dinji Babilonjan u fetaħ it-​triq għal fdal taʼ Israel biex jirritornaw lejn arthom. Imma xi ngħidu għal-​lum?

7. Liema ġrajja fl-​1919 uriet li Ġesù kien aġixxa kontra Babilonja l-​Kbira? Spjega.

7 Iktar kmieni f’dan is-​seklu, kien hemm evidenza qawwija li Ċiru Akbar kien għaddej bil-​ħidma tiegħu. Min kien? Ħadd ħlief Ġesù Kristu, li ħa t-​tron fis-​Saltna tas-​sema mill-​1914 ’l hawn. Dan is-​Sultan kbir wera rieda tajba maʼ ħutu l-​midlukin fuq l-​art meta, fis-​sena 1919, Kristjani midlukin ġew meħlusin minn jasar spiritwali u rritornaw lejn il-​“pajjiż” tagħhom, il-​qasam spiritwali tagħhom. (Isaija 66:8; Apokalissi 18:4) B’hekk, Eżekjel 11:17 kellu twettiq modern. Fi żmien il-​qedem kienet il-​waqgħa taʼ Babilonja li fetħet it-​triq għall-​Israeliti biex jirritornaw lejn arthom. Fi żmienna r-​restawr taʼ l-​Israel t’Alla kien evidenza li Babilonja l-​Kbira kienet ġarrbet waqgħa taħt idejn Ċiru Akbar. Din il-​waqgħa tħabbret mit-​tieni anġlu taʼ Apokalissi kapitlu 14, meta hu għajjat: “Iġġarrfet Babilonja l-​Kbira, dik li sqiet il-​ġnus kollha bl-​inbid ibaqbaq taż-​żina tagħha.” (Apokalissi 14:8) X’disfatta għal Babilonja l-​Kbira, speċjalment għall-​Kristjaneżmu! U x’barka għall-​Kristjani veri!

8. Il-​ktieb t’Eżekjel kif jiddeskrivi l-​hena tal-​poplu t’Alla wara l-​liberazzjoni tiegħu fl-​1919?

8 F’Eżekjel 11:18-20, naqraw id-​deskrizzjoni li ta l-​profeta taʼ l-​hena tal-​poplu t’Alla wara r-​restawr tagħhom. L-​ewwel twettiq taʼ kliemu kien ifisser it-​tindif taʼ Israel fi żmien Esdra u Neħemija. It-​twettiq taż-​żmien modern kien ifisser xi ħaġa simili. Ejjew naraw kif. Jehovah jgħid: “Jiġu fiha u huma jwarrbu minnha [minn arthom] l-​għajb kollu u l-​qżiżijiet kollha tagħha.” Preċiż bħalma ġie pprofetizzat, b’seħħ mill-​1919, Jehovah naddaf lill-​poplu tiegħu u reġaʼ mliehom bil-​ħeġġa biex jaqduh. Huma bdew iwarrbu mill-​ambjent spiritwali tagħhom il-​prattiċi u d-​duttrini Babilonjani kollha li kienu jniġġsuhom f’għajnejh.

9. Jehovah liema barkiet sinjifikanti ta lill-​poplu tiegħu, b’seħħ mill-​1919?

9 Imbagħad skond vers 19, Jehovah jissokta jgħid: “U nagħtihom qalb oħra [“waħda,” NW], u nnissel spirtu ġdid ġewwa fihom; naqlgħalhom il-​qalb tal-​ġebel minn ġisimhom, u nagħtihom qalb tal-​laħam.” Fi qbil maʼ dan il-​kliem, fl-​1919, Jehovah ġab lill-​qaddejja midlukin tiegħu f’unità, tahom “qalb waħda” biex ngħidu hekk, sabiex ikunu jistgħu jaqduh “spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:9, NW) Iktar minn hekk, Jehovah lill-​poplu tiegħu tah l-​ispirtu qaddis biex iħeġġiġhom fix-​xogħol t’għoti taʼ xiehda u biex jipproduċi fihom il-​frott mill-​aħjar deskritt f’Galatin 5:22, 23. U minflok qalb mhix sensittiva u qisha tal-​ġebel, Jehovah tahom qalb disposta, risponsiva u ubbidjenti, qalb li kienet se twieġeb għar-​rieda tiegħu.

10. Jehovah għala bierek lill-​poplu rrestawrat tiegħu mill-​1919 ’il quddiem?

10 Għala għamlu dan? Jehovah innifsu jispjega. Naqraw f’Eżekjel 11:20: “Biex huma jimxu fuq il-​preċetti tiegħi u jħarsu l-​liġijiet tiegħi, u jagħmluhom. Mbagħad huma jkunu l-​poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħhom.” L-​Israel t’Alla tgħallmu jobdu l-​liġi taʼ Jehovah minflok ma jsegwu l-​ideat tagħhom stess. Tgħallmu jagħmlu r-​rieda t’Alla bla biżaʼ mill-​bniedem. B’hekk, spikkaw bħala differenti mill-​Kristjani finta tal-​Kristjaneżmu. Kienu n-​nies taʼ Jehovah. Bħala talin, Jehovah kien lest li jużahom bħala l-​messaġġier tiegħu, l-​“irsir leali u diskret” tiegħu.—Mattew 24:45-47, NW.

L-​Hena Tal-​Messaġġieri T’Alla

11. Il-​ktieb taʼ Isaija kif jiddeskrivi l-​hena tal-​poplu taʼ Jehovah?

11 Tistaʼ timmaġinah l-​hena tagħhom meta rrealizzaw x’pożizzjoni privileġġata kienu qegħdin igawdu? Kollettivament, huma dwew il-​kliem taʼ Isaija 61:10: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-​Mulej, taqbeż bil-​ferħ ruħi b’Alla tiegħi.” Il-​wegħda taʼ Isaija 35:10 twettqet fuqhom: “Jerġgħu lura l-​mifdijin tal-​Mulej, u jidħlu f’Sijon jgħajjtu bil-​ferħ, b’ferħ taʼ dejjem fuq rashom. Il-​ferħ u l-​hena jiksbu, u jgħibu swied il-​qalb u l-​krib.” Hekk kien l-​hena tal-​messaġġieri taʼ Jehovah tal-​paċi divina lura fl-​1919 hekk kif bdew jippridkaw l-​aħbar tajba lill-​umanità kollha. Minn dak in-​nhar sal-​ġurnata tal-​lum, ma waqfux milli jwettqu dan l-​inkarigu, u l-​hena tagħhom żdied. Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù stqarr: “Henjin dawk li jġibu l-​paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.” (Mattew 5:9) Kemm dik il-​pronunzja kienet vera ġie esperjenzat mill-​fdal taʼ l-​‘ulied [midlukin] t’Alla’ mill-​1919 sa llum.

12, 13. (a) Min ngħaqad maʼ l-​Israel t’Alla f’li jaqdi lil Jehovah, u liema xogħol għamlu? (b) Liema ferħ kbir ġie esperjenzat mill-​qaddejja midlukin taʼ Jehovah?

12 Hekk kif gerbbu s-​snin, l-​għadd taʼ l-​Israel t’Alla żdied ġmielu sas-​snin tletin meta l-​ġbir taʼ dawk li kien għad fadal mill-​midlukin wasal biex isir komplut. Waqfet iż-​żjieda fin-​numru taʼ predikaturi taʼ l-​aħbar tajba dak inhar? Dażgur li le. Folla kbira taʼ Kristjani bit-​tama għall-​art kienu diġà bdew ifeġġu, u dawn kienu qegħdin jingħaqdu maʼ ħuthom il-​midlukin fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. L-​appostlu Ġwanni ra lil din il-​folla kbira ġo viżjoni, u l-​mod kif jiddeskrivihom huwa taʼ min jinnotah: “Jinsabu quddiem it-​tron taʼ Alla, lejl u nhar jaqduh.” (Apokalissi 7:15) Iva, il-​folla l-​kbira bdiet tħabrek biex taqdi ’l Alla. Bħala riżultat, meta n-​numru tal-​midlukin beda jonqos, wara l-​1935, ix-​xogħol t’għoti taʼ xiehda nġieb ’il quddiem b’ħeffa miżjuda permezz taʼ dawn l-​imseħbin leali.

13 B’dan il-​mod ġie mwettaq Isaija 60:3, 4: “Il-​ġnus għad jimxu fid-​dawl tiegħek, u s-​slaten fid-​dija taʼ sbiħek. Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara: lkoll miġbura ġejjin għandek. Uliedek ġejjin mill-​bogħod, u bnietek iġorruhom fuq id-​dirgħajn.” L-​hena li dawn l-​iżviluppi ġabu lil Israel t’Alla huwa deskritt b’mod sabiħ f’Isaija 60:5, fejn naqraw: “Mbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek, għax fuqek taqaʼ l-​kotra tal-​ġid taʼ l-​ibħra, u l-​għana tal-​ġnus jiġi għandek.”

L-​Organizzazzjoni Taʼ Jehovah Dejjem Miexja

14. (a) Eżekjel ra liema viżjoni taʼ l-​affarijiet tas-​sema, u liema kmand irċieva? (b) Il-​poplu taʼ Jehovah fi żmienna liema ħaġa raw, u liema obbligu ħassew?

14 Fis-​sena 613 Q.E.K., Eżekjel ġo viżjoni ra l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah, donnha karru dejjem miexi. (Eżekjel 1:4-28) Wara dan, Jehovah qallu: “O bniedem, aqbad u mur għand dar Iżrael, u wasslilhom dan il-​kliem tiegħi.” (Eżekjel 3:4) F’din is-​sena 1997, aħna naraw li l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah għadha miexja bla waqfien biex twettaq l-​iskopijiet t’Alla. Għalhekk, għadna nħossuna mqanqlin biex ngħidu lil oħrajn dwar dawk l-​iskopijiet. Fi żmienu, Eżekjel tkellem kliem li kien ispirat direttament minn Jehovah. Illum, aħna nlissnu kliem mill-​Kelma spirata taʼ Jehovah, il-​Bibbja. U x’messaġġ għandu dak il-​ktieb għall-​umanità! Waqt li ħafna huma inkwetati dwar il-​futur, il-​Bibbja turi li l-​affarijiet huma ferm agħar​—u fl-​istess ħin, ferm aħjar—​milli jimmaġinaw huma.

15. Il-​kundizzjonijiet għala huma agħar milli jaħsbu ħafna llum?

15 L-​affarijiet huma agħar għaliex, bħalma tgħallimna fl-​artikli taʼ qabel dan, il-​Kristjaneżmu u r-​reliġjonijiet foloz l-​oħrajn kollha dalwaqt se jiġu meqrudin, bl-​istess mod komplet kif kienet meqruda Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. Barra minn hekk, l-​entità politika globali kollha kemm hi li ngħatat stampa tagħha fil-​ktieb t’Apokalissi bħala bhima salvaġġa b’sebat irjus u għaxart iqran, waslet biex tiġi mneħħija għalkollox, bħalma kienu ħafna mill-​ġirien pagani taʼ Ġerusalemm. (Apokalissi 13:1, 2; 19:19-21) Fi żmien Eżekjel Jehovah iddeskriva b’mod vivaċi t-​terrur imqanqal mill-​qerda li kienet qiegħda toqrob fuq Ġerusalemm. Imma kliemu se jkollu ferm iktar tifsira meta n-​nies jindunaw bil-​qerda imminenti taʼ din id-​dinja. Jehovah qal lil Eżekjel: “Issa tniehed, o bniedem, tniehed b’qalbek maqsuma bl-​imrar quddiem għajnejhom. U jiġri li jgħidulek: ‘Għala qiegħed titniehed?’ U int tweġibhom: ‘Minħabba aħbar, li malli tasal tinħall kull qalb, jintelqu d-​dirgħajn, u tintreħa kull ruħ, u jimxu fl-​ilma l-​irkubbtejn. Ara! Waslet, seħħet! Oraklu taʼ Sidi l-​Mulej.’” (Eżekjel 21:11, 12 [Eżekjel 21:6, 7, NW]; Mattew 24:30) Ġrajjiet li jispiraw il-​biżaʼ jinsabu preċiż quddiemna. It-​tħassib profond tagħna għal sħabna l-​bnedmin iqanqalna biex insemmgħu t-​twissija, biex ngħidu l-​“aħbar” tal-​korla li ġejja taʼ Jehovah.

16. Għala huma l-​kundizzjonijiet aħjar għall-​ġwejdin milli jaħsbu ħafna?

16 Fl-​istess ħin, għal dawk taʼ qalb onesta l-​affarijiet huma ferm aħjar milli qatt jimmaġinaw il-​biċċa l-​kbira tan-​nies. B’liema mod? F’li Ġesù Kristu miet għal dnubietna u issa jaħkem bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla. (1 Timotju 1:15; Apokalissi 11:15) Il-​problemi taʼ l-​umanità, li tant jidhru li ma jistgħux jiġu solvuti, dalwaqt se jissolvew permezz taʼ dik is-​Saltna tas-​sema. Il-​mewt, il-​mard, il-​korruzzjoni, il-​ġuħ, u l-​kriminalità se jsiru affarijiet taʼ l-​imgħoddi, u s-​Saltna t’Alla se taħkem bla oppożizzjoni taʼ xejn għal fuq art magħmula ġenna. (Apokalissi 21:3, 4) L-​umanità se tgawdi paċi divina​—relazzjoni taʼ paċi m’Alla Jehovah u maʼ xulxin.—Salm 72:7.

17. Liema żjidiet iġibu l-​ferħ fil-​qlub tal-​messaġġieri tal-​paċi divina?

17 F’xi partijiet tad-​dinja, folol impressjonanti taʼ nies ġwejdin qegħdin iwieġbu għal dan il-​messaġġ taʼ paċi divina. Biex insemmu biss ftit eżempji, is-​sena l-​oħra l-​Ukrajna rrapportat żjieda taʼ 17 fil-​mija fil-​pubblikaturi. Il-​Możambik irrapporta żjieda taʼ 17 fil-​mija, il-​Litwanja żjieda taʼ 29 fil-​mija. Ir-​Russja kellha żjieda taʼ 31 fil-​mija, waqt li l-​Albanija esperjenzat żjieda taʼ 52 fil-​mija fil-​pubblikaturi. Dawn iż-​żjidiet jirrappreżentaw għaxriet t’eluf taʼ individwi taʼ qalb onesta li jridu jgawdu paċi divina u li ħadu l-​waqfa tagħhom favur it-​tjieba. Tkabbir mgħaġġel bħal dan iġib ferħ lill-​fratellanza Kristjana kollha kemm hi.

18. Kemm jekk in-​nies jisimgħu jew le, x’se tkun l-​attitudni tagħna?

18 Iwieġbu daqshekk malajr in-​nies fit-​territorju tiegħek? Jekk inhu hekk, aħna nifirħu miegħek. F’xi territorji, iżda, jirrikjedi ħafna u ħafna sigħat taʼ xogħol iebes qabel ma tinstab saħansitra persuna interessata waħda. Qegħdin dawk f’territorji bħal dawn inaqqsu mir-​ritmu tagħhom jew jaqtgħu qalbhom? Le. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jiftakru fil-​kliem li Alla qal lil Eżekjel meta Hu għall-​ewwel darba inkariga lil dak il-​profeta żagħżugħ biex jippriedka lill-​kompatrijotti Lhud tiegħu: “Jisimgħu u ma jisimgħux​—nies taʼ ras iebsa huma—​ħa jkunu jafu li hemm profeta f’nofshom.” (Eżekjel 2:5) Bħal Eżekjel, aħna nibqgħu ngħidu lin-​nies dwar paċi divina kemm jekk iwieġbu u kemm jekk le. Jekk jagħtu widen, aħna nieħdu gost. Jekk jagħtuna l-​ġenb, iwaqqgħuna għaċ-​ċajt, u saħansitra jippersegwitawna, aħna nipperseveraw. Aħna nħobbuh lil Jehovah, u l-​Bibbja tgħid: “L-​imħabba . . . kollox tissaporti.” (1 Korintin 13:4, 7) Minħabba li nippridkaw bis-​sabar, in-​nies jafu min huma x-​Xhieda taʼ Jehovah. Jafu x’inhu l-​messaġġ tagħna. Meta jiġi t-​tmiem, se jkunu jafu li x-​Xhieda taʼ Jehovah ipprovaw jgħinuhom biex igawdu paċi divina.

19. Bħala qaddejja taʼ dak Alla veru, liema privileġġ kbir għandna ngħożżu?

19 Hemm xi privileġġ akbar milli naqdu lil Jehovah? Le! L-​akbar hena tagħna jiġi mir-​relazzjoni tagħna m’Alla u l-​għarfien li qegħdin nagħmlu r-​rieda tiegħu. “Hieni l-​poplu li jaf jgħajjat bil-​ferħ, li jimxi, Mulej, fid-​dawl taʼ wiċċek.” (Salm 89:16 [Salm 89:15, NW]) Jalla dejjem ngħożżu l-​ferħ taʼ li nkunu l-​messaġġieri t’Alla taʼ paċi għall-​umanità. Jalla nagħmlu l-​parti tagħna b’mod ħabriek f’dan ix-​xogħol sakemm Jehovah jgħid li dan ikun twettaq. (w97 5/1)

Tiftakar?

◻ Min huma l-​messaġġieri t’Alla tal-​paċi llum?

◻ Kif nafu li Babilonja l-​Kbira ġarrbet waqgħa fl-​1919?

◻ X’inhu t-​tħassib prinċipali tal-​“folla l-​kbira”?

◻ Il-​futur għala huwa iktar imdallam milli jaħsbu l-​biċċa l-​kbira tan-​nies illum?

◻ Għal dawk taʼ qalb retta, għala jistaʼ l-​futur ikun aħjar milli qatt jistgħu jimmaġinaw?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja