Ebda Paċi Għall-messaġġieri Foloz!
“Il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra . . . Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—SALM 37:9, 11.
1. Għala għandna nistennew li nsibu messaġġieri, kemm veri u kemm foloz, fiż-“żmien taʼ l-aħħar”?
MESSAĠĠIERI—foloz jew veri? Kien hemm iż-żewġ tipi fi żminijiet Bibliċi. Imma xi ngħidu dwar żmienna? F’Danjel 12:9, 10, naqraw li messaġġier mis-sema qal lill-profeta t’Alla: “Dan id-diskors huwa magħluq u ssiġillat saż-żmien taʼ l-aħħar. Ikunu ħafna dawk li jintgħażlu mill-bqija, jindafu u jissaffew; imma l-ħżiena jibqgħu jagħmlu l-ħażin, u ebda wieħed minnhom ma jifhem xejn, jifhmu biss dawk li jkunu bil-għaqal [“għandhom id-dehen,” NW].” Aħna issa qegħdin ngħixu f’dak iż-“żmien taʼ l-aħħar.” Qegħdin aħna naraw distinzjoni qawwija bejn “il-ħżiena” u ‘dawk li għandhom id-dehen’? Ċertament li qegħdin narawha!
2. Isaija 57:20, 21 kif qiegħed jitwettaq illum?
2 F’kapitlu 57, versi 20 u 21, naqraw il-kliem taʼ Isaija l-messaġġier t’Alla: “‘[I]l-ħżiena bħal baħar imqanqal, li ma jistaʼ jsib kwiet b’xejn, u ilmijietu jqanqlu ħama u tajn. M’hemmx sliem għall-ħżiena,’ jgħid Alla tiegħi.” Kemm jiddeskriviha tajjeb dan il-kliem lil din id-dinja hekk kif qiegħda toqrob lejn is-seklu 21! Xi wħud saħansitra jistaqsu, ‘Se jirnexxilna nilħquh dak is-seklu?’ X’għandhom x’jgħidulna l-messaġġieri li għandhom id-dehen?
3. (a) Liema kuntrast jiġi mislut minn 1 Ġwann 5:19? (b) Dawk li “għandhom id-dehen” kif inhuma deskritti f’Apokalissi kapitlu 7?
3 L-appostlu Ġwanni kellu dehen imnebbaħ b’mod divin. Fl-1 Ġwann 5:19, jiġi mistqarr: “Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” B’kuntrast maʼ din id-dinja hemm il-144,000 Israeliti spiritwali, u għad hawn fostna fdal minnhom li kulma jmur qegħdin iktar jixjieħu. Flimkien maʼ dawn illum hemm il-“kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien,” li issa tgħodd iktar minn ħames miljuni, u li wkoll għandhom id-dehen. “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir [“tribulazzjoni l-kbira,” NW].” U għala jiġu ppremjati? Għaliex anki huma “l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf” billi eżerċitaw fidi fir-rahan taʼ Ġesù. Bħala messaġġieri tad-dawl, huma wkoll qegħdin, “lejl u nhar jaqduh [lil Alla] fit-tempju tiegħu.”—Apokalissi 7:4, 9, 14, 15.
It-Taparsi Messaġġieri Tal-Paċi
4. (a) It-taparsi messaġġieri tal-paċi fid-dinja taʼ Satana għala huma kkundannati għall-falliment? (b) Efesin 4:18, 19 kif japplika llum?
4 Xi ngħidu, iżda, dwar it-taparsi messaġġieri tal-paċi fis-sistema dinjija taʼ Satana? F’Isaija kapitlu 33, vers 7 [KŻ], naqraw: “Ara, il-qalbenin tagħhom igħajtu minn barra: il-messaġġieri tas-sliem jibku biki taʼ mrar.” Kemm huwa minnu dan dwar dawk li jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn donnhom f’dillirju minn belt kapitali tad-dinja għal oħra, fi sforzi biex iġibu l-paċi! Kollu taʼ xejn! Dan għala? Għaliex huma jittrattaw mas-sintomi taʼ l-inkwiet tad-dinja minflok ma jissaraw maʼ l-għerq tal-kwistjonijiet. L-ewwelnett, huma għomja rigward l-eżistenza taʼ Satana, li lilu l-appostlu Pawlu jiddeskrivih bħala “l-alla taʼ din id-dinja.” (2 Korintin 4:4) Satana żaraʼ żrieragħ taʼ ħażen fost l-ispeċi umana, bir-riżultat li l-maġġoranza, inklużi ħafna mill-ħakkiema, issa tixirqilhom id-deskrizzjoni f’Efesin 4:18, 19: “Il-fehma tagħhom hi mdallma, maqtugħa mill-ħajja taʼ Alla minħabba l-injoranza li għandhom u l-ebusija taʼ qalbhom. Huma tilfu kull sentiment u ntelqu għal ħajja bla rażan, għal kull xorta taʼ żina bla xabaʼ.”
5. (a) Aġenziji umani għala ma jirnexxux bħala wħud li jġibu l-paċi? (b) Salm 37 jagħti liema messaġġ taʼ faraġ?
5 L-ebda aġenzija taʼ bnedmin imperfetti ma tistaʼ tqaċċat mill-għeruq tal-qlub umani r-regħba, l-egoiżmu, u l-mibegħda li tant huma prevalenti llum. Il-Ħallieq tagħna, il-Mulej Sovran Jehovah biss, jistaʼ jagħmlu dan! Barra minn hekk, huma l-ġwejdin biss, minoranza fost l-umanità, li huma lesti li jissottomettu ruħhom għall-gwida tiegħu. Ir-riżultati għal dawn u għan-nies mill-agħar tad-dinja huma kkuntrastati f’Salm 37:9-11: “Il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra; min jittama fil-Mulej jikseb l-art. Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar . . . Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”
6, 7. Liema rekord tar-reliġjonijiet tad-dinja juri li dawn fallew li jaqdu bħala messaġġieri tal-paċi?
6 Jistgħu, allura, messaġġieri tal-paċi jinstabu fost ir-reliġjonijiet taʼ din id-dinja marida? Sewwa, x’rekord għandha r-reliġjon sal-ġurnata tal-lum? L-istorja turi li r-reliġjon kellha sehem fi, iva, kienet saħansitra l-instigatriċi taʼ ħafna mit-tixrid taʼ demm matul is-sekli. Per eżempju, il-Christian Century tal-ġimgħa tat-30 t’Awissu, 1995, li rrapportat fuq it-taqlib f’dik li qabel kienet il-Jugoslavja, stqarret: “Fil-Bosnja kkontrollata mis-Serbi, qassisin joqogħdu bil-qiegħda fl-ewwel filliera tal-parlament li fformaw huma stess, u qegħdin ukoll fuq il-front tal-gwerra, fejn skwadri u saħansitra armi jiġu mberkin qabel il-battalji.”
7 Seklu taʼ xogħol missjunarju tal-Kristjaneżmu fl-Afrika ma kellux riżultat aħjar, bħalma ġie muri tajjeb fl-Irwanda, pajjiż li għandu r-reputazzjoni li huwa 80 fil-mija Kattoliku. The New York Times tas-7 taʼ Lulju, 1995, irrapportat: “Golias, rivista Kattolika liberali lajka ppubblikata f’Lyons [Franza], tippjana li tidentifika 27 qassis Irwandiż ieħor u erbaʼ sorijiet li din tgħid li qatlu jew inkuraġġew il-qtil is-sena l-oħra fl-Irwanda.” African Rights, organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Londra, għamlet dan il-kumment: “Saħansitra iktar mis-silenzju tagħhom, il-knejjes iridu jagħtu kont tal-kompliċità attiva taʼ xi wħud mill-qassisin, mexxejja spiritwali u sorijiet tagħhom fil-ġenoċidju.” Dan jixbah is-sitwazzjoni f’Israel meta Ġeremija, il-messaġġier veru taʼ Jehovah iddeskriva kif Israel kellu “jirgħex” flimkien mal-ħakkiema tiegħu, mal-qassisin tiegħu, u mal-profeti tiegħu, billi żied: “Fil-kefef taʼ lbiesek jinsab id-demm taʼ nies bla ħtija.”—Ġeremija 2:26, 34.
8. Għala jistaʼ jingħad li Ġeremija kien messaġġier tal-paċi?
8 Ġeremija taʼ spiss ġie msejjaħ profeta taʼ kundanna, imma setaʼ wkoll jissejjaħ il-messaġġier tal-paċi t’Alla. Hu rrefera għal-paċi daqs kemm kien irrefera għaliha Isaija qablu. Jehovah uża lil Ġeremija biex jippronunzja ġudizzju fuq Ġerusalemm, billi qal: “Din il-belt sa minn mindu bnewha sa llum kienet il-kaġun taʼ l-għadab u l-qilla tiegħi; għalhekk issa jkolli niknisha minn quddiemi minħabba l-ħażen kollu taʼ wlied Iżrael u wlied Ġuda li għamlu biex jinkuni, huma, is-slaten tagħhom, il-prinċpijiet tagħhom, il-qassisin tagħhom, il-profeti tagħhom u n-nies taʼ Ġuda u dawk li jgħammru f’Ġerusalemm.” (Ġeremija 32:31, 32) Dan ta stampa bil-quddiem tal-ġudizzju taʼ Jehovah fuq il-ħakkiema u l-kleru fil-Kristjaneżmu llum. Biex issaltan il-paċi vera, dawn l-instigaturi tal-ħażen u l-vjolenza jridu jitneħħew min-nofs! Ċertament li m’huma ebda messaġġieri tal-paċi.
Il-ĠM Bħala Waħda Li Ġġib Il-Paċi?
9. Il-ĠM kif sostniet li hija messaġġier tal-paċi?
9 Ma tistax il-Ġnus Magħquda ssir messaġġier veru tal-paċi? Wara kollox, l-introduzzjoni tal-kostituzzjoni tagħha, ippreżentata f’Ġunju 1945, 41 jum biss qabel ma l-bomba atomika għamlet ħerba lil Ħiroxima, stqarret l-iskop tagħha: “biex issalva lil ġenerazzjonijiet suċċessivi mill-pjaga tal-gwerra.” Il-ħamsin membru prospettiv tal-Ġnus Magħquda kellhom “jgħaqqdu s-saħħa [tagħhom] biex iżommu paċi u sigurtà internazzjonali.” Illum il-ĠM għandha 185 nazzjon bħala membri, ilkoll suppost iddedikati għall-istess kawża.
10, 11. (a) Il-mexxejja reliġjużi kif lissnu l-appoġġ tagħhom għall-ĠM? (b) Il-papiet b’liema mod irrappreżentaw ħażin “l-Aħbar Tajba tas-Saltna t’Alla”?
10 Matul is-snin il-ĠM ġiet imfaħħra bil-kbir, speċjalment minn mexxejja reliġjużi. Fil-11 t’April, 1963, il-Papa Ġwanni XXIII iffirma l-enċiklika tiegħu intitolata “Pacem in Terris” (Paċi Fuq L-Art) li fiha stqarr: “Hija x-xewqa serja tagħna li l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda—fl-istruttura tagħha u fil-mezzi tagħha—tistaʼ ssir dejjem iżjed kapaċi tlaħħaq mal-kobor u n-nobbiltà taʼ l-impennji tagħha.” Iktar tard, f’Ġunju 1965, mexxejja reliġjużi, li suppost jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni tad-dinja, f’San Francisco ċċelebraw l-20 sena mit-twelid tal-ĠM. Anki fl-1965, il-Papa Pawlu VI, fi żjara lill-ĠM iddeskrivieha bħala “l-aħħar tama taʼ qbil u paċi.” Fl-1986, Papa Ġwanni Pawlu II kkopera biex jippromwovi s-Sena Internazzjonali Tal-Paċi tal-ĠM.
11 Għal darb’oħra, matul iż-żjara tiegħu f’Ottubru 1995, il-papa ddikjara: “Illum qegħdin niċċelebraw l-Aħbar Tajba tas-Saltna t’Alla.” Imma huwa hu attwalment il-messaġġier t’Alla taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna? Waqt li tkellem dwar il-problemi tad-dinja, hu ssokta jgħid: “Hekk kif niffaċċjaw dawn l-isfidi enormi, kif nistgħu nonqsu li nirrikonoxxu l-irwol taʼ l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda?” Il-ĠM, iktar milli s-Saltna t’Alla, hija l-għażla tal-papa.
Raġunijiet Għal ‘Biki B’Imrar’
12, 13. (a) Il-ĠM kif aġixxiet bil-mod deskritt f’Ġeremija 6:14? (b) It-tmexxija tal-ĠM għala hija inkluża fid-deskrizzjoni f’Isaija 33:7?
12 Iċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju tal-ĠM naqset li tirrivela xi prospett reali taʼ “paċi fuq l-art.” Raġuni waħda kienet indikata minn kittieb fit-Toronto Star tal-Kanada, li kiteb: “Il-Ġ.M. hija ljun bla snien, li jgħajjat meta jiġi kkonfrontat minn salvaġiżmu uman, imma jkollha tistenna sakemm il-membri tagħha jlibbsuha d-dentatura qabel tkun tistaʼ tigdem.” Taʼ spiss dik il-gidma kienet żgħira wisq u tard wisq. Il-messaġġieri tal-paċi fis-sistema dinjija preżenti, u speċjalment dawk fil-Kristjaneżmu, għadhom jidwu l-kliem taʼ Ġeremija 6:14: “U jippretendu li jdewwu l-ġerħa tal-poplu tiegħi bħallikieku xejn u jgħidu: ‘Sliem, Sliem’ u m’huwa sliem xejn.”
13 Segretarji ġenerali suċċessivi tal-ĠM ħadmu iebes, u bla dubju b’mod sinċier, biex iġagħlu lill-ĠM tirnexxi. Imma t-tilwim kontinwu bejn il-185 membru b’ħafna skopijiet ġo moħħhom dwar kif jikkontrollaw il-gwerer, ifasslu l-politika, u jittrattaw l-iffinanzjar fixkel il-prospetti għas-suċċess. Fir-rapport annwali tiegħu għall-1995, is-segretarju ġenerali taʼ dak inhar kiteb dwar l-“ispettru taʼ katakliżmu nukleari globali” li qiegħed imajna bħala li qiegħed jiftaħ it-triq biex il-“ġnus jaħdmu flimkien lejn progress ekonomiku u soċjali għall-ispeċi umana kollha kemm hi.” Imma żied: “B’sogħba, ir-rekord taʼ ġrajjiet dinjin għal dawn l-aħħar ftit tas-snin ikkontradixxa bil-kbir lil dawk l-istennijiet ottimisti.” Verament, it-taparsi messaġġieri tal-paċi qegħdin ‘jibku b’imrar.’
14. (a) Għala jistaʼ jingħad li l-ĠM hija falluta kemm finanzjarjament u kemm moralment? (b) Ġeremija 8:15 kif qiegħed jitwettaq?
14 Titlu f’The Orange County Register taʼ California qal: “Il-Ġ.M. Hija Falluta Finanzjarjament u Moralment.” L-artiklu stqarr li bejn l-1945 u l-1990, kien hemm iktar minn 80 gwerra, li swew iktar minn 30 miljun ruħ. Dan ikkwota kittieb mill-ħarġa tar-Reader’s Digest t’Ottubru 1995 li “jiddeskrivi operazzjonijiet militari tal-Ġ.M. bħala li huma kkaratterizzati minn ‘kmandanti inkompetenti, suldati bla dixxiplina, alleanzi m’aggressuri, nuqqas li jevitaw atroċitajiet u xi drabi saħansitra jikkontribwixxu għall-orrur.’ Iktar minn hekk, ‘il-livell taʼ ħela, frodi, u abbuż huwa estrem.’” F’sezzjoni intitolata “Il-Ġ.M. taʼ 50,” The New York Times ġabet it-titlu “Immaniġġar Ħażin u Ħela Jherru L-Aqwa Intenzjonijiet Tal-Ġ.M.” The Times taʼ Londra, l-Ingilterra, intitolat artiklu bil-kliem, “Fraġli taʼ Ħamsin—Il-ĠM teħtieġ programm t’eżerċizzju biex terġaʼ tiġi f’tagħha.” Fi qbil mal-fatti, dan huwa bħalma naqraw f’Ġeremija kapitlu 8, vers 15: “Stennejna s-sliem, imma ma sibna ebda riżq; is-siegħa tal-fejqan, imma ma sibniex ħlief twerwir!” U t-theddida t’olokawst nukleari għadha mdendla fuq l-umanità. Jidher ċar li l-ĠM m’hijiex il-messaġġier tal-paċi li l-umanità teħtieġ.
15. Babilonja tal-qedem u n-nisel reliġjuż tagħha kif taw prova li huma kemm distruttivi u kemm li jilloppjawk?
15 X’se jkun ir-riżultat taʼ dan kollu? Il-Kelma profetika taʼ Jehovah ma tħalli ebda dubju. L-ewwelnett, x’hemm fil-futur għar-reliġjonijiet foloz tad-dinja li tant taʼ spiss tħabbew iżżejjed mal-ĠM? Dawn huma n-nisel minn sors idolatruż ewlieni wieħed, Babilonja tal-qedem. Kif jixraq, dawn huma deskritti f’Apokalissi 17:5 bħala “Babilonja l-Kbira, omm in-nisa żienja u l-qżiżijiet taʼ l-art.” Ġeremija ddeskriva l-kundanna taʼ din il-ġemgħa mħallta ipokrita. Bħal prostituta, huma sseduċew lill-politikanti taʼ l-art, billi neffħu lill-ĠM u fformaw relazzjonijiet illeċiti mal-qawwiet politiċi membri tagħha. Kienu parteċipanti ewlenin fil-gwerer taʼ l-istorja. Kummentatur wieħed stqarr b’referenza għall-ġlied reliġjuż fl-Indja: “Karl Marx irrefera għar-reliġjon bħala l-oppju tal-mases. Imma dik l-istqarrija ma tistax tkun eżatta għal kollox għaliex l-oppju jiddippressak, ibennen lin-nies sakemm jiġu lloppjati. Le, ir-reliġjon iktar hija bħall-kokaina irfinuta. Din tiżbroffa fi vjolenza tremenda u hija forza ferm distruttiva.” Lanqas dak il-kittieb m’hu eżatt. Ir-reliġjon falza hija kemm li tilloppjak u kemm distruttiva.
16. Nies taʼ qalb onesta għala għandhom jaħarbu issa minn Babilonja l-Kbira? (Ara wkoll Apokalissi 18:4, 5.)
16 X’għandhom, allura, jagħmlu nies taʼ qalb onesta? Ġeremija, il-messaġġier t’Alla, jagħtina t-tweġiba: “Aħarbu minn nofs Babilonja, u jaħseb kulħadd għal ħajtu. . . . għax hu żmien il-vendetta għall-Mulej.” Ninsabu henjin li miljuni ħarbu mill-konfini taʼ Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Int wieħed minnhom? Allura tistaʼ tifhem tajjeb kif Babilonja l-Kbira effettwat lill-ġnus taʼ l-art: “Il-ġnus xorbu minn inbidha, u għalhekk bliehu l-ġnus.”—Ġeremija 51:6, 7.
17. Liema ġudizzju wasal biex jiġi esegwit fuq Babilonja l-Kbira, u x’se jiġi wara din l-azzjoni?
17 F’qasir żmien, membri ‘boloh’ tal-ĠM se jiġu mmanuvrati minn Jehovah biex iduru għar-reliġjon falza, bħalma hu deskritt f’Apokalissi 17:16: “Dawn ikollhom mibegħda għall-Mara żienja, jagħmluha bħal deżert u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha bin-nar.” Dan se jimmarka l-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira li hemm referenza għaliha f’Mattew 24:21 u li se tilħaq il-quċċata tagħha f’Armageddon, il-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox. Bħal Babilonja tal-qedem, Babilonja l-Kbira se tiffaċċja l-ġudizzju mħabbar f’Ġeremija 51:13, 25: “‘Int li toqgħod ħdejn il-gliegel taʼ l-ilma, li għandek teżori kbar, wasal tmiemek, waslet għall-qtugħ il-medda tiegħek. Arani kontrik, muntanja qerrieda, oraklu tal-Mulej, li qridt l-art kollha. Jien inmidd idejja għal fuqek, u n[g]errbek minn fuq il-blat, u nagħmel minnek muntanja nar.’” Ġnus korrotti li jaqilgħu l-gwerer se jsegwu lir-reliġjon falza għall-qerda hekk kif jilħaqhom ukoll jum il-vendetta taʼ Jehovah.
18. Isaija 48:22 meta u kif għad irid jitwettaq?
18 Fl-1 Tessalonikin 5:3, jingħad dwar dawk mill-agħar: “Meta kulħadd jibda jgħid: ‘Sliem u mistrieħ’, dak il-ħin stess, bħall-uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda u ma jeħilsu b’xejn.” Dawn huma dawk li dwarhom Isaija qal: “Ara, . . . il-messaġġieri tas-sliem jibku biki taʼ mrar.” (Isaija 33:7, KŻ) Tabilħaqq, bħalma naqraw f’Isaija 48:22, “‘Għall-ħżiena, m’hemmx sliem, jgħid il-Mulej.’” Imma x’futur hemm jistenna lill-messaġġieri veri tal-paċi divina? L-artiklu li jmiss se jgħidilna. (w97 5/1)
Mistoqsijiet Għal Reviżjoni
◻ Il-profeti t’Alla b’liema kliem iebes kixfu lill-messaġġieri foloz?
◻ Aġenziji umani għala ma jirnexxux f’li jipprovaw iġibu paċi dejjiema?
◻ Il-messaġġieri veri tal-paċi kif inhuma f’kuntrast maʼ dawk li jappoġġjaw il-ĠM?
◻ Il-ġwejdin x’iridu jagħmlu sabiex isibu għaxqa fil-paċi mwiegħda taʼ Jehovah?
[Stampi f’paġna 25]
Isaija, Ġeremija, u Danjel kollha bassru l-falliment tas-sempliċi sforzi għall-paċi mill-bniedem
[Stampa f’paġna 26]
“[I]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.”—L-appostlu Ġwanni
[Stampa f’paġna 27]
“Il-fehma tagħhom hija mdallma.”—L-appostlu Pawlu