Min Se Jibqaʼ Ħaj F’“Jum il-Mulej”?
“Araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum taʼ Alla.”—2 PIETRU 3:11, 12.
1. Min ħadem bl-ispirtu u l-qawwa t’Elija?
ALLA JEHOVAH għażel minn fost il-bnedmin individwi li se jsiru werrieta sħab maʼ Ibnu, Ġesù Kristu, fis-Saltna tas-sema. (Rumani 8:16, 17) Waqt li għadhom fuq l-art, Kristjani midlukin ħadmu bl-ispirtu u l-qawwa t’Elija. (Luqa 1:17) Fl-artiklu taʼ qabel, innotajna ċerti paralleli bejn l-attivitajiet tagħhom u dawk tal-profeta Elija. Imma xi ngħidu għax-xogħol tas-suċċessur t’Elija, il-profeta Eliżew?—1 Slaten 19:15, 16.
2. (a) X’kien l-aħħar miraklu t’Elija, u l-ewwel wieħed t’Eliżew? (b) Liema prova hemm li Elija ma marx is-sema?
2 L-aħħar miraklu mwettaq minn Elija kien dak taʼ li jifred l-ilmijiet tax-Xmara Ġordan billi jolqothom bil-libsa uffiċjali tiegħu. Dan ippermetta lil Elija u lil Eliżew biex jaqsmu fuq art niexfa. Waqt li mxew fuq in-naħa tal-Lvant tax-xmara, maltempata tar-riħ ġarret lil Elija lil hemm lejn lokalità oħra fuq l-art. (Ara l-kaxxa f’paġna 15 intitolata “Lejn Liema Smewwiet Telaʼ Elija?”) Il-libsa uffiċjali t’Elija tħalliet warajh. Meta Eliżew użaha biex jolqot il-Ġordan, l-ilmijiet tagħha għal darb’oħra nfirdu, u ħallewh jirritorna fuq art niexfa. Dan il-miraklu għamilha ċara li Eliżew kien sar is-suċċessur t’Elija f’li jippromwovi l-qima vera ġewwa Iżrael.—2 Slaten 2:6-15.
Kwalitajiet Bħal T’Alla Essenzjali
3. Pawlu u Pietru x’qalu dwar il-preżenza taʼ Ġesù u dwar “jum il-Mulej”?
3 Sekli wara żmien Elija u Eliżew, l-appostli Pawlu u Pietru assoċjaw “jum il-Mulej” li ġej mal-preżenza taʼ Ġesù Kristu u s-“smewwiet ġodda u art ġdida” li dak iż-żmien kienu għadhom fil-futur. (2 Tessalonikin 2:1, 2; 2 Pietru 3:10-13) Biex nibqgħu ħajjin fil-jum il-kbir taʼ Jehovah—meta Alla jeqred lill-għedewwa u jsalva lill-poplu tiegħu—irridu nfittxu lil Jehovah u nuru li aħna ġwejdin u li nħobbu t-tjieba. (Sofonija 2:1-3) Imma jispikkaw ukoll kwalitajiet oħrajn hekk kif nikkunsidraw xi ġrajjiet li jinvolvu lill-profeta Eliżew.
4. Xi rwol għandu ż-żelu fis-servizz taʼ Jehovah?
4 Żelu għas-servizz t’Alla huwa vitali jekk irridu nibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej.” Elija u Eliżew kienu żelużi fis-servizz taʼ Jehovah. B’żelu simili, il-fdal taʼ Kristjani midlukin illum jagħtu servizz sagru lil Jehovah u jieħdu l-inizjattiva fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba.a Minn nofs is-snin tletin, huma inkuraġġew lil dawk kollha li jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna u li jittamaw li jgħixu fuq l-art biex jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah u jitgħammdu. (Mark 8:34; 1 Pietru 3:21) Miljuni aġixxew b’mod favorevoli għal dan l-inkuraġġiment. Darba huma kienu fi dlam spiritwali u mejtin fid-dnub, imma issa tgħallmu l-verità t’Alla, ħaddnu t-tama taʼ ħajja eterna f’ġenna fuq l-art, u huma żelużi fis-servizz taʼ Jehovah. (Salm 37:29; Apokalissi 21:3-5) Biż-żelu, il-koperazzjoni, l-ospitalità tagħhom, u xogħlijiet tajbin oħrajn, huma jagħtu serħan kbir lill-aħwa spiritwali taʼ Kristu li għad hawn fuq l-art.—Mattew 25:31-46.
5. Għala hu tant importanti li nagħmlu t-tajjeb maʼ ‘ħut’ Ġesù, u liema eżempju għandna minn żmien Eliżew?
5 Dawk li jagħmlu t-tajjeb maʼ ‘ħut’ Ġesù għaliex dawn l-uħud midlukin huma s-segwaċi tiegħu għandhom it-tama li jibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej.” Koppja miżżewġa fir-raħal taʼ Sunem ġiet imbierka bil-kbir talli wriet qalb tajba u ospitalità m’Eliżew u l-qaddej tiegħu. Din il-koppja ma kellha ebda iben, u r-raġel kien xiħ. Imma Eliżew wiegħed lill-mara Sunamija li hi għad twelled iben, u dan veru seħħ. Meta dan l-uniku iben miet xi snin wara, Eliżew mar Sunem u qajmu mill-mewt. (2 Slaten 4:8-17, 32-37) Kemm ġew ippremjati b’mod għani talli wrew ospitalità lil Eliżew!
6, 7. Nagħman x’eżempju ħalla, u dan kif jorbot maʼ li nibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej”?
6 L-umiltà hi meħtieġa sabiex naċċettaw direzzjoni bbażata fuq il-Bibbja mingħand ‘ħut’ Kristu bit-tama li nibqgħu ħajjin f’jum Jehovah. Nagħman, il-kap lebbruż taʼ l-armata Sirjana, kellu juri umiltà biex isegwi s-suġġeriment taʼ tifla Iżraelita fil-jasar u jfittex fejqan billi jmur Iżrael biex isib lil Eliżew. Minflok ma ħareġ minn daru biex jilqaʼ lil Nagħman, Eliżew bagħatlu dan il-messaġġ: “Mur inħasel sebaʼ darbiet fil-Ġordan, u ġismek jerġaʼ jindaflek.” (2 Slaten 5:10) Il-kburija taʼ Nagħman ġagħlitu jħossu mweġġaʼ, u rrabja, imma wara li bl-umiltà mar u ntefaʼ fl-ilma tal-Ġordan sebaʼ darbiet, “ġismu raġaʼ sarlu qisu l-ġisem taʼ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mill-ġdiem tiegħu.” (2 Slaten 5:14) Qabel ma mar lura d-dar, Nagħman ivvjaġġa t-triq kollha lura lejn is-Samarija biex jirringrazzja lill-profeta taʼ Jehovah. Determinat li ma jagħmilx qligħ materjali minn qawwiet mogħtija minn Alla, Eliżew ħareġ biex jiltaqaʼ maʼ Nagħman imma ma ried jaċċetta l-ebda rigal. Nagħman b’umiltà qal lil Eliżew: “Il-qaddej tiegħek m’huwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej.”—2 Slaten 5:17.
7 Billi b’umiltà jsegwu l-pariri Skritturali t’uħud midlukin, miljuni qegħdin jiġu mberkin bil-kbir illum. Iktar minn hekk, billi jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù, dawn l-uħud taʼ qalb onesta ġew imnaddfin spiritwalment. Issa huma jgawdu l-privileġġ taʼ li jkunu ħbieb t’Alla Jehovah u taʼ Ġesù Kristu. (Salm 15:1, 2; Luqa 16:9) U d-devozzjoni tagħhom lejn Alla u lejn is-servizz tiegħu se tiġi ppremjata billi huma jinħelsu mill-qerda eterna li dalwaqt se tiġi fuq midinbin kburin u bla ndiema f’“jum il-Mulej” li qed joqrob bil-għaġla.—Luqa 13:24; 1 Ġwanni 1:7.
“Min Hawn Miegħi? Min?”
8. (a) Dawk li se jibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej” x’attitudni għandhom lejn it-twettiq tar-rieda divina? (b) Ġeħu liema inkarigu ngħata? (ċ) X’kellu jiġrilha Ġeżabel?
8 Dawk li jittamaw li jibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej” iridu wkoll ikunu deċiżi f’li jagħmlu r-rieda divina. Elija bil-qlubija bassar il-qerda tal-familja qattiela tas-Sultan Aħab, li kienet tadura lil Bagħal. (1 Slaten 21:17-26) Qabel ma twettqet din l-esekuzzjoni, madankollu, Eliżew, is-suċċessur t’Elija kellu bżonn jispiċċa xi xogħol mhux mitmum. (1 Slaten 19:15-17) Meta wasal iż-żmien maħtur taʼ Jehovah, Eliżew inkariga lil wieħed qaddej biex imur u jidlek lil Ġeħu, il-kap taʼ l-armata, bħala s-sultan il-ġdid taʼ Iżrael. Wara li ferraʼ ż-żejt fuq ras Ġeħu, il-messaġġier qallu: “Dan jgħid il-Mulej, Alla taʼ Iżrael: ‘Jien dliktek sultan fuq il-poplu tal-Mulej, fuq Iżrael. Int tidrob lil dar Aħab, sidek, u hekk nitħallas tad-demm tal-qaddejja tiegħi l-profeti, u tad-demm tal-qaddejja kollha tal-Mulej minn id Ġeżabel. Id-dar kollha taʼ Aħab tinqered.’” Ir-Reġina mill-agħar Ġeżabel kellha tintefaʼ lill-klieb u ma jkollhiex difna diċenti.—2 Slaten 9:1-10.
9, 10. Il-kelma t’Elija kif twettqet fil-każ taʼ Ġeżabel?
9 L-irġiel taʼ Ġeħu rrikonoxxew il-validità tad-dlik tiegħu u pproklamawh bħala s-sultan il-ġdid taʼ Iżrael. Billi aġixxa b’mod deċiżiv, Ġeħu telaq bil-ħeffa lejn Ġeżragħel biex jibda x-xogħol tiegħu t’esekuzzjoni tal-mexxejja apostati tal-qima taʼ Bagħal. L-ewwel wieħed li ħass il-vleġġa t’esekuzzjoni mingħand Ġeħu kien bin Aħab, is-Sultan Ġeħoram. Hu saq ’il barra mill-belt biex jistaqsi jekk Ġeħu kienx ġie fuq missjoni taʼ paċi. “Xi sliem, sakemm idumu ż-żína taʼ ommok Ġeżabel u l-qabda sħarijiet tagħha?” wieġeb Ġeħu. Kif qal dan, il-vleġġa taʼ Ġeħu nifdet qalb Ġeħoram.—2 Slaten 9:22-24.
10 Nisa li għandhom il-biżaʼ t’Alla jevitaw li jkunu bħal Ġeżabel jew xi ħadd ieħor bħalha. (Apokalissi 2:18-23) Sakemm Ġeħu wasal Ġeżragħel, hi pprovat tirranġa ruħha biex tidher attraenti. Waqt li ttawlet minn tieqa, hi laqgħetu b’theddida moħbija. Hu staqsa lill-qaddejja tagħha: “Min hawn miegħi? Min?” Immedjatament, tnejn jew tliet uffiċjali rjali ttawlu ’l isfel. Kienu dawn fuq in-naħa taʼ Ġeħu? “Waddbuha għal isfel!” ħeġġiġhom. Għal dan, aġixxew b’mod deċiżiv, billi waddbu lill-ħażina Ġeżabel mit-tieqa għal isfel. Hi x’aktarx ġiet mgħaffġa taħt saqajn iż-żwiemel. Meta ġew biex jidfnuha, “ma sabu xejn minnha ħlief il-qorriegħa, riġlejha u keffejn idejha.” Xi twettiq drammatiku dak tal-kliem t’Elija: “Laħam Ġeżabel jikluh il-klieb”!—2 Slaten 9:30-37.
Appoġġ Mill-Qalb Għall-Qima Vera
11. Min kien Ġeħonadab, u kif wera l-appoġġ tiegħu għall-qima vera?
11 Dawk li jittamaw li jibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej” u li jgħixu għal dejjem fuq l-art iridu jappoġġjaw b’qalbhom kollha l-qima vera. Iridu jkunu bħal Ġeħonadab, jew Ġonadab, adoratur taʼ Jehovah li ma kienx Iżraelit. Hekk kif Ġeħu kompla jwettaq l-inkarigu tiegħu b’żelu, Ġeħonadab ried juri l-approvazzjoni u l-appoġġ tiegħu. Għalhekk ħareġ biex jiltaqaʼ mas-sultan il-ġdid taʼ Iżrael, li kien sejjer lejn is-Samarija biex joqtol lill-bqija taʼ dar Aħab. Meta ra lil Ġeħonadab, Ġeħu staqsieh: “Qalbek sinċiera miegħi bħalma qalbi hi maʼ qalbek?” It-tweġiba pożittiva taʼ Ġeħonadab qanqlet lil Ġeħu biex jestendi idu u jistieden lil Ġeħonadab biex jitlaʼ fuq il-karru tiegħu tal-gwerra waqt li qallu: “Ejja miegħi, u tara l-ħeġġa tiegħi għall-Mulej.” Bla dewmien, Ġeħonadab aċċetta l-privileġġ li juri l-appoġġ tiegħu għall-esekutur midluk taʼ Jehovah.—2 Slaten 10:15-17.
12. Jehovah għala bi dritt jesiġi devozzjoni esklussiva?
12 Appoġġ mill-qalb għall-qima vera ċertament li hu xieraq, għax Jehovah hu l-Ħallieq u s-Sovran Universali, li bid-dritt jesiġi u jixraqlu d-devozzjoni esklussiva tagħna. Hu kkmanda lill-Iżraeliti: “La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha taʼ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: La tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur [“nesiġi devozzjoni esklussiva,” NW].” (Eżodu 20:4, 5) Dawk li jittamaw li jibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej” għandhom iqimu lilu biss, billi dan jagħmluh “fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwanni 4:23, 24) Iridu jkunu sodi għall-qima vera, bħal Elija, Eliżew, u Ġeħonadab.
13. Bħalma qalb Ġeħonadab kienet maʼ Ġeħu, min huma dawk li jirrikonoxxu lis-Sultan Messjaniku, u dan kif juruh?
13 Wara l-esekuzzjoni tad-dar taʼ Aħab, is-Sultan Ġeħu ħa passi oħrajn biex jidentifika lill-adoraturi taʼ Bagħal u jelimina din ir-reliġjon falza f’Iżrael. (2 Slaten 10:18-28) Illum, is-Sultan tas-sema Ġesù Kristu ġie maħtur biex jesegwixxi lill-għedewwa taʼ Jehovah u jivvindika s-sovranità Tiegħu. Bħalma qalb Ġeħonadab kienet maʼ Ġeħu, illum il-“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra” taʼ Ġesù b’qalbhom kollha jirrikonoxxu lil Kristu bħala s-Sultan Messjaniku u jikkoperaw maʼ ħutu spiritwali fuq l-art. (Apokalissi 7:9, 10; Ġwanni 10:16) Huma jagħtu evidenza taʼ dan billi jipprattikaw r-reliġjon vera u billi jieħdu sehem żeluż fil-ministeru Kristjan, biex tingħata twissija lill-għedewwa t’Alla dwar kemm “jum il-Mulej” qed joqrob bil-għaġla.—Mattew 10:32, 33; Rumani 10:9, 10.
Ġrajjiet Drammatiċi Se Jseħħu Dalwaqt!
14. X’hemm maħżun għar-reliġjon falza?
14 Ġeħu ħa azzjoni biex itemm il-qima taʼ Bagħal f’Iżrael. Fi żmienna, permezz taʼ Ġeħu Akbar, Ġesù Kristu, Alla se jwettaq il-qerda taʼ Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Dalwaqt se naraw it-twettiq tal-kliem li l-anġlu qal lill-appostlu Ġwanni: “L-għaxart iqrun u l-Bhima li rajt, dawn ikollhom mibegħda għall-Mara żienja [Babilonja l-Kbira], jagħmluha bħal deżert u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha bin-nar. Għax Alla webbilhom biex jagħmlu l-fehma tiegħu, ħalli huma wkoll fehma waħda jkollhom, li jagħtu s-saltna tagħhom lill-Bhima, sa ma l-kliem taʼ Alla jkun seħħ.” (Apokalissi 17:16, 17; 18:2-5) “L-għaxart iqrun” jiffiguraw lill-qawwiet politiċi mmilitarizzati li jaħkmu fuq l-art. Għalkemm issa għandhom relazzjoni spiritwalment adulteruża maʼ Babilonja l-Kbira, din ftit baqgħalha ħajja. L-element politiku taʼ din id-dinja se jeqred lir-reliġjon falza, u l-“Bhima”—il-Ġnus Magħquda—se jkollha rwol prinċipali maʼ l-“għaxart iqrun” f’li jħarbtuha.b X’okkażjoni din biex infaħħru lil Jehovah!—Apokalissi 19:1-6.
15. X’se jiġri meta jsir attentat biex tiġi meqruda l-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art?
15 Wara l-attakk qawwi tas-Sultan Ġeħu kontra l-qima taʼ Bagħal, id-dar irjali tiegħu dawret l-attenzjoni tagħha lejn l-għedewwa politiċi taʼ Iżrael. Is-Sultan Ġesù Kristu se jieħu azzjoni simili. Qawwiet politiċi se jkunu għadhom hawn wara l-qerda tar-reliġjon falza bħal taʼ Bagħal. Taħt l-influwenza taʼ Satana x-Xitan, dawn l-għedewwa tas-sovranità taʼ Jehovah se jagħmlu attakk aħrax f’attentat biex jeqirdu l-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art. (Eżekjel 38:14-16) Imma Jehovah se jġiegħel lis-Sultan Ġesù Kristu jidrobhom billi jeqridhom f’Ħarmagedon, il-“gwerra taʼ nhar il-Jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox,” u b’hekk itemm l-ivvindikar tas-sovranità taʼ Jehovah.—Apokalissi 16:14, 16; 19:11-21; Eżekjel 38:18-23.
Naqdu Biż-Żelu T’Eliżew
16, 17. (a) Kif nafu li Eliżew kien żeluż sa l-aħħar taʼ ħajtu? (b) X’għandna nagħmlu bil-vleġeġ taʼ verità?
16 Sakemm “jum il-Mulej” iġib fi tmiem lis-sistema t’affarijiet mill-agħar taʼ Satana kollha kemm hi, il-qaddejja t’Alla se jkunu kuraġġużi u żelużi daqs Eliżew. Minbarra xogħlu bħala l-qaddej t’Elija, Eliżew qeda waħdu bħala l-profeta taʼ Jehovah għal iktar minn 50 sena! U Eliżew kien żeluż sa l-aħħarnett tal-ħajja twila tiegħu. Eżatt qabel mewtu, mar iżuru n-neputi taʼ Ġeħu, is-Sultan Ġowas. Eliżew qallu biex jispara vleġġa ’l barra mit-tieqa. Il-vleġġa ġriet lejn il-marka tagħha, u Eliżew esklama: “Dik hi vleġġa taʼ rebħa mingħand il-Mulej, u vleġġa taʼ rebħa fuq Aram [Sirja]; għax int għad tidrob lil Aram f’Afek sakemm teqirdu.” Fuq ir-rikjesta t’Eliżew, Ġowas imbagħad darab l-art bil-vleġeġ tiegħu. Imma dan għamlu b’nuqqas taʼ żelu, billi darab tliet darbiet biss. Eliżew imbagħad qal li, bħala riżultat, Ġowas kien se jingħata tliet rebħiet biss fuq is-Sirja, u dak hu li ġara. (2 Slaten 13:14-19, 25) Is-Sultan Ġowas ma darabx lis-Sirjani b’mod sħiħ, ‘sakemm qeridhom.’
17 B’żelu bħal dak t’Eliżew, madankollu, il-fdal midluk ikompli fil-ġlieda kontra l-qima falza. L-imseħbin tiegħu b’tamiet għall-art qed jagħmlu l-istess ħaġa. Iktar minn hekk, dawk kollha li jittamaw li jibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej” jagħmlu tajjeb li jżommu f’moħħhom il-kliem taż-żeluż Eliżew rigward li jolqtu b’saħħa lill-art. Ħalli naqbdu l-vleġeġ taʼ verità u b’mod żeluż nidorbu bihom—darba wara l-oħra—iva, sakemm Jehovah jgħid li xogħolna bihom tlesta.
18. Kif għandna nwieġbu għall-kliem tat-2 Pietru 3:11, 12?
18 “Jum il-Mulej” dalwaqt se jġib fi tmiem lil din is-sistema t’affarijiet preżenti mill-agħar. Ejjew mela nħallu lilna nfusna niġu stimulati mill-kliem li jqawwi l-qalb taʼ l-appostlu Pietru. “Ladarba hekk kollox għandu jintemm,” esklama Pietru, “araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum taʼ Alla.” (2 Pietru 3:11, 12) Meta kull parti taʼ din is-sistema ddub bin-nar tal-qilla t’Alla espress permezz taʼ Ġesù Kristu, dawk biss li għandhom rekord taʼ kondotta retta u taʼ devozzjoni lejn Alla se jaħarbu. Safa morali u spiritwali hija essenzjali. Hekk ukoll hi l-imħabba għal bnedmin sħabna, murija billi nwieġbu għall-bżonnijiet tagħhom, speċjalment b’mod spiritwali permezz tal-ministeru Kristjan tagħna.
19. X’għandna nagħmlu biex nibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej”?
19 Jidentifikawk il-kliem u l-għemejjel tiegħek bħala qaddej leali u żeluż t’Alla? Jekk inhu hekk, int tistaʼ tħaddan it-tama li tibqaʼ ħaj f’“jum il-Mulej” għal ġod-dinja ġdida mwiegħda t’Alla. Iva, is-sopravivenza tistaʼ tkun l-esperjenza tiegħek jekk int tagħmel it-tajjeb maʼ l-aħwa spiritwali taʼ Kristu għaliex dawn huma s-segwaċi tiegħu, bħalma l-koppja Sunamija kienet ospitabbli m’Eliżew. Biex tibqaʼ ħaj trid ukoll tkun bħal Nagħman, li umilment aċċetta istruzzjoni divina u sar adoratur taʼ Jehovah. Jekk tixxennaq biex tgħix għal dejjem f’ġenna taʼ l-art, trid turi li tappoġġja b’qalbek kollha ’l-qima vera, bħalma għamel Ġeħonadab. Imbagħad tistaʼ tkun fost il-qaddejja leali taʼ Jehovah, li dalwaqt se jesperjenzaw it-twettiq tal-kliem taʼ Ġesù: “Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.”—Mattew 25:34. (w97 9/15)
[Noti taʼ taħt]
a Ara kapitli 18 u 19 tal-ktieb “Let Your Name Be Sanctified,” ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Ara paġni 254-6 taʼ Revelation—Its Grand Climax At Hand!, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Kif Twieġeb Int?
◻ Liema huma xi kwalitajiet meħtieġa sabiex nibqgħu ħajjin f’“jum il-Mulej”?
◻ Liema eżempju ħallietilna l-koppja Sunamija fi żmien Eliżew?
◻ Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Nagħman?
◻ Kif nistgħu nsegwu l-eżempju taʼ Ġeħonadab?
◻ It-Tieni Pietru 3:11, 12 kif għandu jeffettwana?