LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 10/1 pp. 10-15
  • Se Tkun Int Leali Bħal Elija?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Se Tkun Int Leali Bħal Elija?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Prova Drammatika Taʼ Min Hu L-​Veru Alla
  • “Elija L-​Profeta” Għad Irid Jiġi?
  • Għandhom L-​Ispirtu T’Elija
  • Leali Taħt Prova
  • Kun Leali Bħal Elija
  • Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Ġieli tħossok waħdek u beżgħan?
    Għallem lil Uliedek
  • Iddefenda l-Qima Pura
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 10/1 pp. 10-15

Se Tkun Int Leali Bħal Elija?

“Jiena nibagħtilkom ’l Elija l-​profeta qabel ma jasal Jum il-​Mulej u Jum il-​biżaʼ.”—MALAKIJA 3:23 [MALAKIJA 4:5, New World Translation].

1. Liema kriżi sseħħ wara li Iżrael ikun ilu xi 500 sena fl-​Art Imwiegħda?

“ART tnixxi ħalib u għasel.” (Eżodu 3:7, 8) Dak huwa li Alla Jehovah ta lill-​Iżraeliti wara li ħelishom mill-​jasar Eġizzjan fis-​seklu 16 Q.E.K. Imma ara! Għaddew ħames sekli, u issa s-​saltna t’għaxar tribujiet taʼ Iżrael tinsab maħkuma minn ġuħ aħrax. Diffiċli biex issib xi ftit tal-​ħdura. L-​annimali qegħdin imutu, u l-​ebda xita ma niżlet għal tliet snin u nofs. (1 Slaten 18:5; Luqa 4:25) Liema ħaġa hija responsabbli għal dan il-​gwaj?

2. X’inhu l-​kaġun tal-​kriżi nazzjonali taʼ Iżrael?

2 L-​apostasija kkaġunat din il-​kriżi. Bi ksur tal-​Liġi t’Alla, is-​Sultan Aħab iżżewweġ lill-​prinċipessa Kangħanita Ġeżabel u ppermettielha li ddaħħal il-​qima taʼ Bagħal ġewwa Iżrael. Agħar minn hekk, hu bena tempju lil dan l-​alla falz fis-​Samarija, il-​belt kapitali. Oħroġ il-​għaġeb, lill-​Iżraeliti bellgħuhielhom li l-​qima taʼ Bagħal se ġġibilhom uċuħ tar-​rabaʼ abbundanti! Bħalma wissa Jehovah, madankollu, huma issa qegħdin fil-​periklu li ‘jinqerdu minn wiċċ din l-​art għammiela.’—Dewteronomju 7:3, 4; 11:16, 17; 1 Slaten 16:30-33.

Prova Drammatika Taʼ Min Hu L-​Veru Alla

3. Il-​profeta Elija kif jiffoka l-​attenzjoni fuq il-​problema vera taʼ Iżrael?

3 Meta jibda l-​ġuħ, Elija, il-​profeta leali t’Alla, jgħid lis-​Sultan Aħab: “Daqs kemm hu ħaj il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael, li jien inservi quddiemu, ma jkunx hemm dawn is-​snin la nida u lanqas xita, jekk mhux meta nitkellem jien.” (1 Slaten 17:1) Wara li jġarrab il-​verità terribbli taʼ din il-​pronunzja, is-​sultan iwaħħal f’Elija talli ġab saħta fuq Iżrael. Imma Elija jwieġeb li Aħab u daru huma l-​ħatjin minħabba l-​apostasija tagħhom bħala adoraturi taʼ Bagħal. Biex jissetilja l-​kwistjoni, il-​profeta taʼ Jehovah jħeġġeġ lis-​Sultan Aħab biex jiġbor lil Iżrael kollu fuq il-​Muntanja Karmel flimkien maʼ l-​450 profeta taʼ Bagħal u l-​400 profeta taʼ l-​arblu sagru. Aħab u s-​sudditi tiegħu jinġabru hemmhekk, forsi bit-​tama li din l-​okkażjoni ttemm in-​nixfa. Imma Elija jiffoka l-​attenzjoni fuq il-​kwistjoni li hi ferm iżjed serja. “Kemm se ddumu,” jistaqsi, “titlajjaw minn naħa għal oħra? Jekk il-​Mulej hu Alla, morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk inhu hu.” L-​Iżraeliti ma jafux x’se jaqbdu jgħidu.—1 Slaten 18:18-21.

4. Biex jissetilja l-​kwistjoni taʼ min hu l-​veru Alla, Elija x’jipproponi?

4 Għal snin sħaħ l-​Iżraeliti pprovaw iħalltu l-​qima taʼ Jehovah maʼ dik taʼ Bagħal. Biex jissetilja l-​kwistjoni taʼ min hu l-​veru Alla, Elija issa jipproponi mħatra. Hu jħejji għoġol għal sagrifiċċju, u ieħor jiġi mħejji mill-​profeti taʼ Bagħal. Elija mbagħad jgħid: “Intom sejjħu l-​alla tagħkom, u jiena nsejjaħ isem il-​Mulej. Dak l-​alla li jwieġeb permezz tan-​nar, dan ikun hu Alla.” (1 Slaten 18:23, 24) Immaġina nar ħiereġ mis-​sema bi tweġiba għal talba!

5. Kif jinkixef li l-​qima taʼ Bagħal ma tiswa għal xejn?

5 Elija jistieden lill-​profeti taʼ Bagħal biex jibdew huma. Iħejju barri għal sagrifiċċju u jpoġġuh fuq l-​artal. Imbagħad jibdew jaqbżu madwar l-​artal u jitolbu: “Bagħal, weġibna!” Dan jibqaʼ sejjer “mis-​sbiħ sa nofsinhar.” “Għajjtu b’leħen ogħla,” jinkihom Elija. Bagħal żgur li mħabbat b’xi ħaġa urġenti, jew “inkella rieqed, ħa jistenbaħ.” Ma ddumx ma taqbadhom ferneżija ’l-profeti taʼ Bagħal. Ara! Qegħdin iqattgħu lilhom infushom bl-​istalletti, u d-​demm qed iċarċar mill-​feriti. U xi storbju hemm hekk kif l-​450 kollha kemm huma jgħajtu kemm jifilħu! Imma m’hemm ebda tweġiba.—1 Slaten 18:26-29.

6. Elija liema tħejjija jagħmel għall-​prova taʼ min hu l-​veru Alla?

6 Issa jmiss lil Elija. Hu jibni mill-​ġdid l-​artal taʼ Jehovah, jagħmel trinka madwaru, u jħejji s-​sagrifiċċju. Imbagħad ixarrab l-​injam u s-​sagrifiċċju bl-​ilma. Tnax-il ġarra kbira taʼ ilma jitferrgħu fuq l-​artal sakemm it-​trinka nfisha timtela. Immaġina t-​tensjoni hekk kif Elija jitlob: “Mulej [Jehovah], Alla taʼ Abraham, taʼ Iżakk u taʼ Iżrael, uri llum li inti Alla fost Iżrael, u li jiena l-​qaddej tiegħek, u li dan kollu għamiltu għall-​kelma tiegħek. Weġibni, Mulej [Jehovah], weġibni, ħalli jkun jaf dan il-​poplu li int, Mulej [Jehovah], int Alla, u li int dawwartilhom qalbhom lura!”—1 Slaten 18:30-37.

7, 8. (a) Jehovah kif iwieġeb it-​talba t’Elija? (b) X’jitwettaq bil-​ġrajjiet taʼ fuq il-​Muntanja Karmel?

7 Bi tweġiba għat-​talba t’Elija, ‘jinżel nar mingħand il-​Mulej, u jaħraq il-​vittma, u l-​ħatab, u l-​ġebel, u t-​trab, sa ma jixrob l-​ilma fil-​gandott.’ In-​nies jinxteħtu wiċċhom maʼ l-​art u jgħidu: “Jaħweh, Alla hu! Jaħweh, Alla hu!” (1 Slaten 18:38, 39) Elija issa jieħu azzjoni deċiżiva. Jikkmanda: “Aqbdu l-​profeti taʼ Bagħal, tħallu ’l ħadd minnhom jeħles.” Wara li jiġu maqtulin fil-​wied taʼ Kison, sħab iswed jiksi s-​sema. Sa fl-​aħħar, ħalba xita ttemm in-​nixfa!—1 Slaten 18:40-45; qabbel Dewteronomju 13:2-6 [Dewteronomju 13:1-5, NW].

8 X’jum grandjuż! Jehovah jittrijonfa f’din il-​prova taʼ l-​għaġeb dwar min hu l-​veru Alla. Iktar minn hekk, dawn il-​ġrajjiet idawru l-​qlub taʼ ħafna Iżraeliti lura lejn Alla. B’dan u b’modi oħrajn, Elija wera li kien leali bħala profeta, u personalment hu għandu rwol profetiku.

“Elija L-​Profeta” Għad Irid Jiġi?

9. X’kien imbassar f’Malakija 3:23, 24?

9 Iktar tard, permezz taʼ Malakija, Alla bassar: “Ara, jiena nibagħtilkom ’l Elija l-​profeta qabel ma jasal Jum il-​Mulej u Jum il-​biżaʼ. U jdawwar qalb il-​missirijiet lejn uliedhom u qalb l-​ulied lejn missirijiethom, li ma niġix naħbat għall-​art u nħalliha tinqered.” (Malakija 3:23, 24 [Malakija 4:5, 6, NW]) Elija kien jgħix madwar 500 sena qabel ma tlissen dak il-​kliem. Ladarba din kienet profezija, Lhud taʼ l-​ewwel seklu E.K. kienu qegħdin jistennew lil Elija jiġi biex iwettaqha.—Mattew 17:10.

10. Min kien l-​Elija mbassar, u kif nafu?

10 Min, mela, kien dan Elija li kellu jiġi? L-​identità tiegħu ġiet irrivelata meta Ġesù Kristu qal: “Minn żmien Ġwanni l-​Battista sa llum is-​Saltna tas-​Smewwiet il-​bnedmin qegħdin jitħabtu bis-​sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-​sħiħ jaħtfuha. Għax il-​Profeti kollha, u wkoll il-​Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni, u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi.” Iva, Ġwanni l-​Għammied kien il-​pariġġ imbassar t’Elija. (Mattew 11:12-14; Mark 9:11-13) Anġlu kien qal lil Żakkarija, missier Ġwanni, li Ġwanni kien se jkun “mimli bl-​ispirtu u l-​qawwa taʼ Elija” u kien se “jlesti poplu mħejji sewwa għall-​Mulej.” (Luqa 1:17) Il-​magħmudija li wettaq Ġwanni kienet simbolu pubbliku taʼ l-​indiema taʼ individwu għad-​dnubiet kontra l-​Liġi, li kellha twassal ’il-Lhud lejn Kristu. (Luqa 3:3-6; Galatin 3:24) Ix-​xogħol taʼ Ġwanni b’hekk ‘lesta poplu mħejji sewwa għall-​Mulej.’

11. F’Pentekoste, Pietru x’qal dwar “jum il-​Mulej,” u dan meta seħħ?

11 Ix-​xogħol taʼ Ġwanni l-​Għammied bħala “Elija” wera li kien riesaq xi “Jum il-​Mulej.” L-​appostlu Pietru wkoll indika kemm kien qrib dak il-​jum meta Alla kien se jaġixxi kontra l-​għedewwa tiegħu u jħares lill-​poplu tiegħu. Indika li l-​ġrajjiet mirakolużi li seħħew f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. kienu bi twettiq tal-​profezija taʼ Ġoel dwar it-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu t’Alla. Pietru wera li dan kellu jiġri qabel “jum il-​Mulej, jum kbir u glorjuż.” (Atti 2:16-21; Ġoel 2:28-32) Kien fis-​sena 70 E.K. li Jehovah wettaq Kelmtu billi ġiegħel lill-​armati Rumani jesegwixxu ġudizzju divin fuq il-​ġens li rrifjuta lil Ibnu.—Danjel 9:24-27; Ġwanni 19:15.

12. (a) Pawlu u Pietru x’qalu dwar “jum il-​Mulej” li għad irid jiġi? (b) Għala żgur li xi ħaġa kienet se sseħħ bħalma hu rrappreżentat mix-​xogħol t’Elija?

12 Madankollu, kien hemm iktar x’iseħħ wara s-​sena 70 E.K. L-​appostlu Pawlu assoċja “jum il-​Mulej” li għandu jiġi mal-​preżenza taʼ Ġesù Kristu. Iktar minn hekk, l-​appostlu Pietru tkellem dwar dak il-​jum f’konnessjoni maʼ “smewwiet ġodda u art ġdida” li għadhom futuri. (2 Tessalonikin 2:1, 2; 2 Pietru 3:10-13) Żomm f’moħħok li Ġwanni l-​Għammied għamel xogħol bħal t’Elija qabel ma ġie “jum il-​Mulej” fis-​sena 70 E.K. Dan kollu meħud f’daqqa indika li kellha tiġri xi ħaġ’oħra li kienet irrappreżentata mix-​xogħol li kien għamel Elija. Din x’inhi?

Għandhom L-​Ispirtu T’Elija

13, 14. (a) Liema parallel hemm bejn l-​attivitajiet t’Elija u dawk taʼ Kristjani midlukin taʼ żmienna? (b) X’għamlu l-​apostati tal-​Kristjaneżmu?

13 Ix-​xogħol t’Elija ma kellux biss parallel fl-​attivitajiet taʼ Ġwanni l-​Għammied imma wkoll fix-​xogħol taʼ Kristjani midlukin f’dan il-​perijodu kritiku li jwassal għal “jum il-​Mulej” li riesaq. (2 Timotju 3:1-5) Bl-​ispirtu u l-​qawwa t’Elija, huma jappoġġjaw lealment il-​qima vera. U kemm kien neċessarju dan! Wara l-​mewt taʼ l-​appostli taʼ Kristu, kien hemm apostasija mill-​Kristjanità vera, saħansitra bħalma l-​qima taʼ Bagħal iffjorixxiet f’Iżrael fi żmien Elija. (2 Pietru 2:1) Kristjani taʼ l-​isem bdew iħalltu l-​Kristjanità maʼ duttrini u prattiċi reliġjużi foloz. Per eżempju, adottaw it-​tagħlim pagan u mhux skritturali li l-​bniedem jippossiedi ruħ immortali. (Koħèlet 9:5, 10; Eżekjel 18:4) L-​apostati tal-​Kristjaneżmu ma baqgħux jużaw l-​isem taʼ l-​uniku Alla veru, Jehovah. Minflok, qegħdin jaduraw Trinità. Adottaw ukoll id-​drawwa bħal taʼ Bagħal li jmilu quddiem xbihat taʼ Ġesù u t’ommu, Marija. (Rumani 1:23; 1 Ġwanni 5:21) Imma dak mhux kollox.

14 Mis-​seklu 19 ’l hawn, mexxejja taʼ knejjes fil-​Kristjaneżmu bdew jesprimu dubji dwar ħafna partijiet mill-​Bibbja. Per eżempju, irrifjutaw ir-​rakkont taʼ Ġenesi dwar il-​ħolqien u faħħru t-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni, billi sejħulha “xjentifika.” Din kienet f’konflitt dirett mat-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu u l-​appostli tiegħu. (Mattew 19:4, 5; 1 Korintin 15:47) Bħal Ġesù u s-​segwaċi bikrin tiegħu, madankollu, Kristjani midlukin bl-​ispirtu llum jappoġġjaw ir-​rakkont Bibliku tal-​ħolqien.—Ġenesi 1:27.

15, 16. F’kuntrast mal-​Kristjaneżmu, min gawda provisti regulari taʼ ikel spiritwali, u kif?

15 Hekk kif id-​dinja daħlet fiż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” ġuħ spiritwali ħakem lill-​Kristjaneżmu. (Danjel 12:4; Għamos 8:11, 12) Imma l-​grupp żgħir taʼ Kristjani midlukin gawda provisti regulari taʼ ikel spiritwali mogħti minn Alla “fil-​ħin,” saħansitra bħalma Jehovah ħa ħsieb li Elija jiġi mitmugħ matul il-​ġuħ taʼ żmienu. (Mattew 24:45; 1 Slaten 17:6, 13-16) Dawn il-​qaddejja leali t’Alla, li qabel kienu magħrufin bħala Studenti Internazzjonali tal-​Bibbja, iktar tard irċevew l-​isem Skritturali Xhieda taʼ Jehovah.—Isaija 43:10.

16 Elija għex fi qbil maʼ ismu, li jfisser “Alla Tiegħi Hu Jehovah.” Bħala r-​rivista uffiċjali tal-​qaddejja taʼ Jehovah fuq l-​art, It-​Torri Taʼ L-​Għassa konsistentement kien u għadu juża l-​isem t’Alla. Fil-​fatt, fit-​tieni ħarġa tiegħu (Awissu 1879) esprima l-​fiduċja li r-​rivista kellha lil Jehovah biex jappoġġjaha. Din ir-​rivista u pubblikazzjonijiet oħrajn tal-​Watch Tower Society jikxfu t-​tagħlim mhux skritturali tal-​Kristjaneżmu u l-​bqija taʼ Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, fil-​waqt li jappoġġjaw il-​verità tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.—2 Timotju 3:16, 17; Apokalissi 18:1-5.

Leali Taħt Prova

17, 18. Ġeżabel kif irreaġixxiet għall-​qtil tal-​profeti taʼ Bagħal, imma Elija kif ġie megħjun?

17 Ir-​reazzjoni tal-​kleru meta ġew mikxufin kienet simili għal dik taʼ Ġeżabel meta saret taf li Elija kien qatel lill-​profeti taʼ Bagħal. Hi bagħtet messaġġ lill-​profeta leali taʼ Jehovah, billi ħalfet li toqtlu. Din ma kinitx xi theddida vojta, għax Ġeżabel kienet diġà qatlet ħafna mill-​profeti t’Alla. Bil-​biżaʼ, Elija ħarab lejn il-​Lbiċ għal Birsaba. Fil-​waqt li ħalla lill-​qaddej tiegħu hemmhekk, hu baqaʼ sejjer iżjed ’il bogħod, għal ġod-​deżert, jitlob li jmut. Imma Jehovah ma kienx abbanduna lill-​profeta tiegħu. Anġlu deher lil Elija biex jippreparah għall-​vjaġġ twil lejn il-​Muntanja Ħoreb. Hu b’hekk irċieva susteniment għall-​vjaġġ t’erbgħin jum li kien itwal minn 190 mil. F’Ħoreb, Alla tkellem miegħu wara turija taʼ l-​għaġeb taʼ qawwa f’riefnu, terremot, u nar. Jehovah ma kienx f’dawn il-​manifestazzjonijiet. Dawn kienu espressjonijiet taʼ l-​ispirtu qaddis, jew forza attiva, tiegħu. Imbagħad Jehovah kellem lill-​profeta tiegħu. Immaġina kemm saħħitu din l-​esperjenza lil Elija. (1 Slaten 19:1-12) Xi ngħidu jekk, bħal Elija, insiru xi ftit beżgħana meta nkunu mhedda minn għedewwa tal-​qima vera? L-​esperjenza tiegħu għandha tgħinna nirrealizzaw li Jehovah ma jabbandunax lin-​nies tiegħu.—1 Samwel 12:22.

18 Alla għamilha ċara li Elija kien għad baqagħlu x-​xogħol x’jagħmel bħala profeta. Iktar minn hekk, għalkemm Elija ħaseb li hu kien l-​uniku adoratur taʼ Dak Alla veru f’Iżrael, Jehovah wrieh li 7,000 ma kinux mielu quddiem Bagħal. Alla mbagħad bagħat lil Elija lura lejn l-​inkarigu tiegħu. (1 Slaten 19:13-18) Bħal Elija, għandu mnejn inkunu mfittxijin minn għedewwa tal-​qima vera. Forsi naqgħu vittmi taʼ persekuzzjoni intensa, bħalma bassar Ġesù. (Ġwanni 15:17-20) Xi drabi, għandu mnejn insiru ħosbenin. Madankollu, nistgħu nkunu bħal Elija, li rċieva aċċertar divin u mbagħad ippersevera fedelment fis-​servizz taʼ Jehovah.

19. Minn xiex għaddew il-​Kristjani midlukin matul l-​era taʼ l-​Ewwel Gwerra Dinjija?

19 Minħabba persekuzzjoni intensa matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, xi Kristjani midlukin ċedew għall-​biżaʼ u ma baqgħux jippridkaw. Żbaljaw fil-​ħsieb tagħhom li xogħolhom fuq l-​art kien intemm. Imma Alla ma warrabhomx. Minflok, bi ħniena sostniehom, saħansitra bħalma kien ipprovda ikel għal Elija. Bħal Elija, uħud midlukin leali aċċettaw korrezzjoni divina u fiequ mill-​inattività. Għajnejhom infetħu għall-​privileġġ grandjuż taʼ li jippridkaw il-​messaġġ tas-​Saltna.

20. Illum, liema privileġġ jingħata lil dawk li huma leali bħal Elija?

20 Fil-​profezija tiegħu dwar il-​preżenza tiegħu, Ġesù semma x-​xogħol li jilħaq il-​globu kollu li kellu jintemm qabel it-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. (Mattew 24:14) Illum, dan ix-​xogħol qed jitwettaq minn Kristjani midlukin u l-​miljuni taʼ sħabhom li jħarsu ’l quddiem lejn ħajja f’ġenna fuq l-​art. It-​twettiq tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna sakemm jintemm huwa privileġġ mogħti biss lil dawk li huma leali bħal Elija.

Kun Leali Bħal Elija

21, 22. (a) Illum, il-​Kristjani midlukin f’liema xogħol ħadu t-​tmun f’idejhom? (b) Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar b’liema għajnuna qed jiġi mwettaq, u għala hu bżonnjuż?

21 B’żelu bħal dak t’Elija, il-​fdal ċkejken taʼ Kristjani midlukin ġenwini wettqu r-​responsabbiltà tagħhom taʼ li jieħdu ħsieb taʼ l-​interessi taʼ l-​art tas-​Sultan fuq it-​tron, Ġesù Kristu. (Mattew 24:47) U għal iktar minn 60 sena issa, Alla kien u għadu qed juża lil dawn l-​uħud midlukin biex jieħdu t-​tmun f’idejhom fix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli minn nies li lilhom ta t-​tama taʼ l-​għaġeb taʼ ħajja eterna f’ġenna taʼ l-​art. (Mattew 28:19, 20) Kemm jistgħu jkunu grati dawn il-​miljuni, li r-​relattivament ftit uħud midlukin li fadal qegħdin fedelment u b’mod żeluż jieħdu ħsieb tar-​responsabbiltajiet tagħhom!

22 Dan ix-​xogħol taʼ ppridkar tas-​Saltna twettaq minn bnedmin imperfetti u biss bis-​saħħa li Jehovah jagħti lil dawk li bit-​talb jistrieħu fuqu. “Elija bniedem bħalna kien,” qal id-​dixxiplu Ġakbu meta semma l-​eżempju tat-​talb tal-​profeta biex juri l-​forza tat-​talb taʼ bniedem twajjeb. (Ġakbu 5:16-18) Elija ma kienx dejjem jipprofetizza jew jagħmel il-​mirakli. Hu kellu l-​istess sentimenti u dgħjufijiet umani li għandna aħna, imma hu qeda lil Alla fedelment. Ladarba aħna wkoll għandna l-​għajnuna t’Alla u hu jsaħħaħna, nistgħu nuru fedeltà bħal Elija.

23. Għala għandna raġuni tajba għal fedeltà u ottimiżmu?

23 Għandna raġuni tajba għal fedeltà u ottimiżmu. Ftakar li Ġwanni l-​Għammied għamel xogħol bħal t’Elija qabel faqqaʼ “Jum il-​Mulej” fis-​sena 70 E.K. Bl-​ispirtu u l-​qawwa t’Elija, Kristjani midlukin wettqu xogħol simili mogħti minn Alla madwar l-​art. Dan jagħti prova b’mod ċar li l-​‘jum il-​kbir tal-​Mulej’ huwa qrib. (w97 9/15)

Kif Twieġeb Int?

◻ Il-​fatt li Jehovah hu l-​veru Alla kif intwera fuq il-​Muntanja Karmel?

◻ Min kien ‘Elija li għad irid jiġi,’ u x’għamel?

◻ Il-​Kristjani midlukin taʼ żmienna kif urew li għandhom l-​ispirtu t’Elija?

◻ Għala huwa possibbli għalina li nkunu leali bħal Elija?

[Kaxxa f’paġna 15]

Lejn Liema Smewwiet Telaʼ Elija?

“U ĠARA li huma u sejrin [Elija u Eliżew], jimxu u jitkellmu, f’daqqa waħda karru tan-​nar bi żwiemel tan-​nar firidhom minn xulxin, u Elija talaʼ s-​sema fir-​riefnu.”—2 Slaten 2:11.

Xi tfisser il-​kelma “smewwiet” f’dan il-​każ? It-​terminu xi kultant japplika għall-​post t’għamara spiritwali t’Alla u taʼ wliedu, l-​anġli. (Mattew 6:9; 18:10) Il-​kelma “smewwiet” tistaʼ tindika wkoll l-​univers fiżiku. (Dewteronomju 4:19) U l-​Bibbja tuża dan it-​terminu biex tirreferi għall-​atmosfera immedjata taʼ l-​art, fejn itiru l-​għasafar u jonfoħ ir-​riħ.—Salm 78:26; Mattew 6:26.

Lejn liema smewwiet minn dawn telaʼ l-​profeta Elija? Evidentement, hu ġie ttrasferit minn ġo l-​atmosfera taʼ l-​art u mqiegħed f’parti differenti tal-​globu. Elija kien għadu fuq l-​art snin iktar tard, għax hu kiteb ittra lis-​Sultan Ġeħoram taʼ Ġuda. (2 Kronaki 21:1, 12-15) Li Elija ma telax lejn il-​post spiritwali fejn jgħammar Alla Jehovah kien iktar tard ikkonfermat minn Ġesù Kristu, li ddikjara: “Ħadd ma telaʼ s-​sema ħlief Bin il-​bniedem, li niżel mis-​sema,” jiġifieri, Ġesù nnifsu. (Ġwanni 3:13) Il-​mogħdija għal ħajja fis-​smewwiet kienet miftuħa għall-​ewwel darba lil bnedmin imperfetti wara l-​mewt, l-​irxoxt, u t-​tlugħ taʼ Ġesù Kristu fis-​sema.—Ġwanni 14:2, 3; Lhud 9:24; 10:19, 20.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja