Sultan b’Ġid u Għerf
Taħseb int li l-għana jagħmlek hieni? Kieku xi ħadd jagħtik kemxa flus ġmielha, ma tiħux gost biha? Probabbli li tieħu. X’aktarx li tistaʼ taħseb dwar modi kif tonfoqha.
NAMMETTU li hemm bosta affarijiet x’tixtri biex il-ħajja tagħmilha iktar komda u pjaċevoli. Il-flus jistgħu jservu wkoll taʼ “kenn” kontra problemi mhux mistennijin, bħal xi marda jew il-qgħad.—Koħèlet 7:12.
Imma x’inhi r-relazzjoni bejn il-flus u l-hena? Taħseb int, bħalma jagħmlu ħafna, li l-hena huwa prodott li joħroġ awtomatikament mill-ġid? Jistaʼ jkun diffiċli li jinstabu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet għaliex il-flus jistgħu jitkejlu, jew jingħaddu, faċilment, mentri l-hena ma jistax. Ma tistax tpoġġi l-hena fuq miżien u tiżnu.
Imbagħad, ukoll, xi nies għonja jidhru li huma henjin, waqt li oħrajn huma miżerabbli. L-istess huwa minnu dwar dawk li huma foqra. Xorta waħda, il-biċċa l-kbira tan-nies—saħansitra dawk li diġà għandhom il-ġid—jemmnu li iktar flus se jġibulhom hena akbar.
Individwu li kiteb dwar dawn il-kwistjonijiet kien is-Sultan Salamun f’Iżrael tal-qedem. Hu kien wieħed mill-iktar bnedmin għonja li qatt għexu. Tistaʼ taqra deskrizzjoni tal-ġid enormi li kellu fl-10 kapitlu tal-ktieb tal-Bibbja taʼ l-Ewwel Slaten. Innota, per eżempju, li vers 14 jgħid: “U d-deheb li kien idaħħal kull sena Salamun kien ilaħħaq mas-sitt mija u sitta u sittin talent.” (Korsiv tagħna.) Dik il-figura hija ekwivalenti għal 25 tunnellata deheb. Illum, dak l-ammont taʼ deheb ikun jiswa ’l fuq sew minn 200,000,000 dollaru Amerikan [Lm77,000,000]!
Madankollu, Salamun ma kienx biss għani; kien imbierek minn Alla bil-għerf. Il-Bibbja tirrakkonta: “U s-slaten taʼ l-art għaddiehom ilkoll is-sultan Salamun fl-għana u fl-għerf. Id-dinja kollha kienet tfittex li tara wiċċ Salamun biex tismaʼ għerfu li Alla żejjinlu moħħu bih.” (1 Slaten 10:23, 24) Aħna wkoll nistgħu nibbenefikaw mill-għerf taʼ Salamun, ladarba l-kitbiet tiegħu jifformaw parti minn dak li hu miktub fil-Bibbja. Ħalli naraw x’kellu x’jgħid dwar ir-relazzjoni bejn il-ġid u l-hena.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Riprodotta minn Die Heilige Schrift - Übersetzt von Dr. Joseph Franz von Allioli. Druck und Verlag von Eduard Hallberger, Stuttgart