LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 8/1 pp. 25-29
  • Ikollna Stima Kbira għall-Privileġġi tas-Servizz Sagru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ikollna Stima Kbira għall-Privileġġi tas-Servizz Sagru
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta Jkun Hemm Bżonnijiet Urġenti fil-​Familja
  • Jerfgħu r-​Responsabbiltà Tagħhom
  • Bil-​Kooperazzjoni tal-​Familja
  • Ġenituri li Jagħtu mill-​Qalb lil Jehovah
  • Kongregazzjonijiet li Jappoġġjaw
  • Żomm f’moħħok lil dawk fis-servizz fultajm
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Onora lil dawk fostkom imdaħħlin fiż-żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Il-Ferħ li Jiġi mis-Servizz Full-Time
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 8/1 pp. 25-29

Ikollna Stima Kbira għall-​Privileġġi tas-​Servizz Sagru

L-​INKARIGI tas-​servizz sagru m’għandhomx jiġu stmati ħafif ħafif. Meta l-​qassisin f’Ġuda tal-​qedem urew attitudni indifferenti lejn il-​privileġġi tagħhom f’konnessjoni mat-​tempju taʼ Jehovah, hu widdibhom bl-​aħrax. (Malakija 1:6-14) U meta xi wħud f’Iżrael ħeġġew lin-​Nażrin biex jieħdu ħafif ħafif ir-​responsabbiltajiet li kienu aċċettaw f’konnessjoni mas-​servizz sagru tagħhom, Jehovah ċanfar lil dawk l-​Iżraeliti midinbin. (Għamos 2:11-16) Il-​Kristjani veri wkoll jieħdu sehem fis-​servizz sagru, u dan jiħduh bis-​serjetà. (Rumani 12:1) Dan is-​servizz sagru għandu ħafna aspetti, kollha kemm huma importanti.

Waqt li Ġesù kien għadu fuq l-​art mas-​segwaċi tiegħu, hu rawwimhom biex ikunu proklamaturi tas-​Saltna t’Alla. Maż-​żmien, il-​messaġġ tagħhom kellu jilħaq sa truf l-​art. (Mattew 28:19, 20; Atti 1:8) Dan l-​ippridkar huwa saħansitra iktar urġenti matul l-​aħħar jiem tas-​sistema preżenti t’affarijiet.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah kollha jieħdu sehem f’dan ix-​xogħol. Mijiet t’eluf isibu l-​ferħ f’li jkunu jistgħu jagħmlu dan bħala pijunieri. Biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet importanti fix-​xogħol mad-​dinja kollha, eluf għamlu lilhom infushom disponibbli għas-​servizz full-time speċjali f’Betel, fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar bħala indokraturi tas-​circuit u tad-​distrett, jew fis-​servizz missjunarju. Dan x’jistaʼ jinvolvi min-​naħa taʼ dawk li jridu jkomplu f’servizz speċjali bħal dan?

Meta Jkun Hemm Bżonnijiet Urġenti fil-​Familja

Qabel ma jibda s-​servizz full-time speċjali, wieħed irid normalment jagħmel xi aġġustamenti fiċ-​ċirkustanzi tiegħu. Mhux kulħadd jistaʼ jagħmlu dan. L-​obbligi Skritturali li wieħed diġà jkollu jistgħu jagħmlu dan impossibbli. Iżda, x’jiġri meta dawk li diġà huma fis-​servizz speċjali jħabbtu wiċċhom maʼ bżonnijiet urġenti fil-​familja, forsi li jinvolvu ġenituri anzjani? Prinċipji u pariri Bibliċi bħal dawn li ġejjin jagħtu d-​direzzjoni meħtieġa.

Il-ħajja kollha tagħna għandha tkun mibnija fuq ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. (Koħèlet 12:13; Mark 12:28-30) L-​affarijiet sagri li jiġu fdati f’idejna għandna jkollna stima kbira lejhom. (Luqa 1:74, 75; Lhud 12:16) F’okkażjoni waħda, Ġesù qal lil wieħed raġel li kellu bżonn jibdel il-​prijoritajiet tiegħu biex ikun okkupat bis-​sħiħ f’li jiddikjara s-​Saltna t’Alla. Evidentement, ir-​raġel kellu l-​intenzjoni li dik l-​attività jħalliha għal wara li jkun miet missieru. (Luqa 9:59, 60) Mill-​banda l-​oħra, Ġesù wera l-​ħsieb żbaljat taʼ kulmin stqarr li ddedika kollox lil Alla u mbagħad ma “jagħmel xejn iżjed għal missieru jew ommu.” (Mark 7:9-13) L-​appostlu Pawlu wera wkoll ir-​responsabbiltà serja taʼ li wieħed jipprovdi għal “niesu,” inkluż il-​ġenituri u n-​nanniet.—1 Timotju 5:3-8.

Ifisser dan li meta jinqalgħu bżonnijiet urġenti, dawk fis-​servizz speċjali għandhom iħallu l-​inkarigi tagħhom biex jgħinu? Dan jiddependi minn ħafna fatturi. Id-​deċiżjoni hija waħda persunali. (Galatin 6:5) Għalkemm kienu jgħożżu l-​inkarigu tagħhom ħafna ddeċidew li jkun iktar għaqli li jkunu mal-​ġenituri tagħhom biex jagħtuhom l-​għajnuna meħtieġa. Għala? Il-​bżonn setaʼ kien wieħed kritiku, forsi ma kienx hemm membru ieħor tal-​familja li setaʼ jgħin, jew il-​kongregazzjoni lokali ma setgħetx tlaħħaq mal-​bżonnijiet meħtiġin. Xi wħud setgħu jagħmlu x-​xogħol taʼ pijunier waqt li taw l-​għajnuna. Oħrajn setgħu jerġgħu jibdew fis-​servizz full-time speċjali wara li jkunu ħadu ħsieb is-​sitwazzjoni tal-​familja. Madankollu, f’ħafna każi, kien possibbli li jimmaniġġaw is-​sitwazzjoni b’modi oħrajn.

Jerfgħu r-​Responsabbiltà Tagħhom

Meta qamu bżonnijiet urġenti, xi wħud fis-​servizz full-time speċjali kienu kapaċi jieħdu ħsieb dawk il-​bżonnijiet mingħajr ma jħallu l-​inkarigi tagħhom. Ikkunsidra ftit minn dawn l-​eżempji.

Koppja li qed taqdi fil-​kwartieri ġenerali dinjin tax-​Xhieda taʼ Jehovah bdew fis-​servizz f’Betel fl-​1978, wara li kienu diġà ħadu sehem fix-​xogħol tas-​circuit u tad-​distrett. L-​inkarigu tal-​ħu jinvolvi tagħbija tqila taʼ responsabbiltà fl-​organizzazzjoni teokratika. Imma anki l-​ġenituri tiegħu kellhom bżonn l-​għajnuna. Din il-​koppja taʼ Betel kienu jagħmlu tlieta jew erbaʼ żjajjar kull sena​—jivvjaġġaw madwar 3,500 kilometru—​biex jieħdu ħsieb il-​ġenituri. Huma personalment bnew dar apposta kif kellhom bżonnha l-​ġenituri. Kienu jivvjaġġaw biex jieħdu ħsieb xi emerġenzi taʼ saħħa. Fil-​fatt, għal madwar 20 sena huma wżaw il-​vaganza tagħhom kollha biex jieħdu ħsieb din ir-​responsabbiltà. Huma jħobbu u jonoraw lill-​ġenituri, imma jgħożżu wkoll il-​privileġġi tagħhom taʼ servizz sagru.

Ħu ieħor kien ilu fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar għal 36 sena meta ġie ffaċċjat minn dik li hu ddeskrivieha bħala waħda mill-​iktar sitwazzjonijiet taʼ sfida f’ħajtu. Il-​kunjata tiegħu taʼ 85 sena, qaddejja leali taʼ Jehovah, kellha bżonn taʼ xi ħadd li jgħix magħha u li setaʼ jgħinha. Dak iż-​żmien, il-​biċċa l-​kbira minn uliedha ħassew li ma kienx ikun konvenjenti li hi tgħix magħhom. Wieħed mill-​qraba qal lill-​indokratur li jivvjaġġa li hu u martu jmisshom iħallu dak is-​servizz u, għan-​nom tal-​familja kollha, jieħdu ħsiebha huma. Imma l-​koppja ma waqfux mis-​servizz prezzjuż tagħhom, lanqas ma ċekknu l-​bżonnijiet tagħha. Għad-​disaʼ snin taʼ wara, kienet magħhom għall-​biċċa l-​kbira taż-​żmien. Għall-​ewwel kienu jgħixu ġo dar li tinġarr fuq ir-​roti, imbagħad f’diversi appartamenti pprovduti mis-​circuits. Għal perijodi twal, il-​ħu, li dak iż-​żmien kien indokratur tad-​distrett, baqaʼ jivvjaġġa biex jieħu ħsieb l-​inkarigi tiegħu waqt li martu qagħdet m’ommha biex bl-​imħabba tieħu ħsiebha l-​ħin kollu. Kull nhar taʼ Ħadd wara l-​laqgħat, ir-​raġel kien jagħmel vjaġġi twal lura biex jgħinhom. Ħafna li kienu konxji tas-​sitwazzjoni esprimew apprezzament profond għal dak li kienet qed tagħmel din il-​koppja. Maż-​żmien, membri oħrajn tal-​familja wkoll tqanqlu biex jipprovdu ftit għajnuna. Eluf min-​nies taʼ Jehovah għadhom qed jibbenefikaw mis-​servizz taʼ dik il-​koppja li ssagrifikat lilha nfisha għaliex dawn żammew sod il-​privileġġ tagħhom tas-​servizz full-time speċjali.

Bil-​Kooperazzjoni tal-​Familja

Meta diversi membri tal-​familja japprezzaw il-​valur tas-​servizz full-time speċjali, jistgħu jikkooperaw biex almenu xi wħud minnhom jistgħu jieħdu sehem fih.

Spirtu taʼ kooperazzjoni bħal dan fil-​familja kien t’għajnuna għal koppja Kanadiża li jaqdu bħala missjunarji fl-​Afrika tal-​Punent. Ma qagħdux jistennew sakemm tqum xi emerġenza, billi sempliċement kienu jittamaw li ma jiġri xejn. Qabel ma marru l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), bi tħejjija għal servizz barra l-​pajjiż, ir-​raġel iddiskuta maʼ ħuh iż-​żgħir dwar min kien se jieħu ħsieb ommhom jekk din timrad jew issir inkapaċitata. Billi wera mħabba għal ommu kif ukoll apprezzament għall-​valur tax-​xogħol missjunarju, ħuh iż-​żgħir qallu: “Jien issa għandi familja u t-​tfal. Ma nistax immur ’il bogħod u nagħmel l-​affarijiet li tistaʼ tagħmel int. Għalhekk, jekk ommi jiġrilha xi ħaġa, nieħu ħsiebha jien.”

Koppja li jaqdu bħala missjunarji fl-​Amerka taʼIsfel kellhom ħafna kooperazzjoni mill-​familja tal-​mara f’li jieħdu ħsieb ommha li kienet anzjana. Waħda minn ħutha u żewġha ħadu ħsiebha sakemm din oħtha ntlaqtet minn marda fatali. Imbagħad x’ġara? Biex inaqqas kwalunkwe ansjetà, ir-​raġel t’oħtha kiteb: “Sakemm jien u t-​tfal għadna ħajjin, intom qatt ma se jkollkom għalfejn tħallu s-​servizz tagħkom bħala missjunarji.” Iktar għajnuna mill-​familja ġiet meta oħthom oħra u żewġha telqu darhom u marru joqogħdu ħdejha biex jieħdu ħsiebha, u dan għamluh sakemm din mietet. Xi spirtu taʼ kooperazzjoni mill-​aħjar! Kollha kemm huma kienu qed jgħinu biex jappoġġjaw is-​servizz taʼ missjunarju.

Ġenituri li Jagħtu mill-​Qalb lil Jehovah

Taʼ spiss apprezzament impressjonanti għas-​servizz sagru jintwera mill-​ġenituri. Fost l-​affarijiet taʼ l-​iktar valur li jippossiedu u li bihom jistgħu jonoraw lil Jehovah huma għandhom lil uliedhom stess. (Proverbji 3:9) Ħafna ġenituri Kristjani jinkuraġġixxu lil uliedhom biex jidħlu fis-​servizz full-time. U xi wħud minnhom iħossuhom bħal Anna, li tat lil binha Samwel lil Jehovah għas-​servizz tiegħu “għal dejjem,” jiġifieri, għall-​“jiem kollha taʼ ħajtu.”—1 Samwel 1:22, 28.

Waħda minn dawn il-​ġenituri kitbet lil bintha fl-​Afrika: “Aħna nirringrazzjaw lil Jehovah għall-​privileġġ meraviljuż li għandek. Ma stajniex nittamaw għal aħjar minn hekk.” U f’okkażjoni oħra hi qalet: “Veru li rridu nagħmlu s-​sagrifiċċju taʼ li nkunu ’l bogħod minn xulxin, imma x’ferħ inħossu meta naraw kif Jehovah qed jieħu ħsiebek!”

Wara li reġaʼ rrifletta fuq id-​diversi sitwazzjonijiet li kienu qamu f’li jipprovdi l-​għajnuna meħtieġa għall-​ġenituri anzjani tiegħu, wieħed missjunarju fl-​Ekwador kiteb: “Jien naħseb li l-​akbar għajnuna li jien u marti rċevejna kienet it-​talb taʼ missieri. Wara mewtu, ommi qaltilna: ‘M’għaddietx ġurnata li missierek ma talabx lil Jehovah biex jgħinkom tibqgħu fl-​inkarigu tagħkom.’”

Koppja anzjana fil-​Kalifornja, ġewwa l-​Amerka, kienu ferħanin li wieħed minn uliedhom kien fis-​servizz full-time. Hu u martu kienu ġewwa Spanja meta mietet ommu. Membri oħrajn tal-​familja ħassew li kien hemm bżonn t’arranġamenti biex jieħdu ħsieb il-​missier. Minħabba li kienu medhijin fix-​xogħol sekulari u f’li jrabbu lil uliedhom, ma ħassewhomx li setgħu jieħdu dik ir-​responsabbiltà. Minflok, huma għamlu pressjoni fuq il-​koppja li kienu fis-​servizz full-time speċjali biex jiġu lura d-​dar u jieħdu ħsieb il-​missier. Madankollu, il-​missier, għalkemm kellu 79 sena, kien għadu b’saħħtu u kellu wkoll vista spiritwali ċara. F’laqgħa tal-​familja, wara li diversi wħud kienu esprimew l-​opinjoni tagħhom, il-​missier qam bil-​wieqfa u b’mod deċiżiv qal: “Jien irridhom imorru lura lejn Spanja u jkomplu jaħdmu.” Hekk għamlu, imma huma għenuh ukoll b’affarijiet tanġibbli. L-​inkarigu li għandhom issa huwa fix-​xogħol tas-​circuit ġewwa Spanja. Mindu saret dik il-​laqgħa tal-​familja, membri oħrajn tal-​familja wrew apprezzament għal dak li l-​koppja qed jagħmlu fis-​servizz barra l-​pajjiż. Wara ftit tas-​snin, wieħed mill-​ulied l-​oħrajn ħa lil missieru joqgħod għandu biex jieħu ħsiebu sakemm miet.

Fil-Pennsylvania, ġewwa l-​Amerka, wieħed mill-​midlukin li kien għamel ix-​xogħol taʼ pijunier għal madwar 40 sena kellu iktar minn 90 sena meta l-​mara tiegħu mardet serjament u mietet. Kellu tifel u tlett ibniet, minbarra bosta tfal spiritwali. Waħda minn uliedu l-​bniet kienet ilha fis-​servizz full-time għal iktar minn 40 sena, billi qdiet maʼ żewġha bħala missjunarja, fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar, u f’Betel. Hi għenet biex isiru arranġamenti ħalli tkun tistaʼ tieħu ħsieb missierha. L-​aħwa lokali għenuh ukoll billi kienu jiħduh għal-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna. Iktar tard, wara li żewġha miet, staqsiet lil missierha jekk ridhiex titlaq minn Betel biex tieħu ħsiebu. Hu għandu stima kbira għal affarijiet sagri, u ħass li l-​bżonnijiet tiegħu setgħu jiġu milħuqin b’modi oħrajn. Għalhekk, hu wieġeb: “Dik tkun l-​agħar ħaġa li tistaʼ tagħmel, u jkun saħansitra agħar jekk jien inħallik tagħmilha.”

Kongregazzjonijiet li Jappoġġjaw

Xi kongregazzjonijiet kienu t’għajnuna kbira f’li jieħdu ħsieb il-​ġenituri anzjani taʼ dawk li qegħdin fis-​servizz full-time speċjali. Huma speċjalment japprezzaw lil dawk li ddedikaw ħafna snin f’servizz bħal dan. Waqt li ma jistgħux jiħdulhom ir-​responsabbiltajiet Skritturali tagħhom, dawn il-​kongregazzjonijiet jagħmlu kemm jistgħu biex iħaffulhom it-​tagħbija biex b’hekk jistaʼ ma jkunx neċessarju għal uliedhom li jħallu l-​inkarigi speċjali tagħhom.

Koppja mill-​Ġermanja kien ilhom għal madwar 17-il sena fl-​inkarigu tagħhom barra l-​pajjiż, il-​biċċa l-​kbira minn dak iż-​żmien kien fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar, meta omm ir-​raġel li kienet anzjana kellha bżonn ħafna għajnuna. Kull sena kienu jużaw il-​vaganza tagħhom biex jgħinuha. Aħwa li kienu ġirien ipprovdew ukoll għajnuna bl-​imħabba. Imbagħad, meta l-​koppja fis-​servizz full-time kienu magħha matul perijodu kritiku, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni lokali rranġaw biex jiltaqgħu magħhom. Huma kienu tassew konxji taʼ dak li l-​koppja kienu qed jagħmlu regolarment għall-​omm. Apprezzaw ukoll il-​valur tas-​servizz speċjali li kienu qed jieħdu sehem fih dik il-​koppja. Għalhekk, l-​anzjani organizzaw programm li kienu pproponew biex jieħdu ħsieb dik l-​omm u mbagħad qalulhom: “Ma tistgħux tieħdu ħsiebha iktar milli qegħdin tagħmlu; aħna se ngħinukom biex b’hekk intom tkunu tistgħu tibqgħu fl-​inkarigu tagħkom ġewwa Spanja.” Għal dawn l-​aħħar sebaʼ snin, dawn l-​anzjani komplew jagħmlu hekk.

B’mod simili, ħu li ilu jaqdi fis-​Senegal mill-​1967 irċieva ħafna appoġġ bl-​imħabba mill-​kongregazzjoni fejn kien imur missieru. Meta qamet kriżi, ir-​raġel, bil-​kooperazzjoni kollha taʼ l-​għażiża martu, ivvjaġġa waħdu lejn l-​Istati Uniti biex jgħin lill-​ġenituri tiegħu. Hu ħass il-​bżonn li jibqaʼ hemmhekk għal diversi xhur. Is-​sitwazzjoni kienet diffiċli, imma meta kien għamel dak li setaʼ, il-​kongregazzjoni indaħlet biex tagħti l-​għajnuna ħalli b’hekk hu setaʼ jibqaʼ fis-​servizz tiegħu bħala missjunarju. Matul perijodu taʼ madwar 18-il sena, il-​kongregazzjoni pprovdiet għajnuna bl-​imħabba b’għadd taʼ modi, l-​ewwel għall-​missier (avolja ma baqax jagħraf lil ħafna minnhom) u mbagħad għall-​omm. Kien binhom meħlus mir-​responsabbiltà? Le; hu taʼ spiss ivvjaġġa mis-​Senegal u uża l-​vaganza tiegħu biex jipprovdi l-​għajnuna kollha li setaʼ jagħti. Imma ħafna f’dik il-​kongregazzjoni kellhom is-​sodisfazzjon li jkunu jafu li kellhom sehem f’li jżommu koppja li tant taħdem iebes fis-​servizz full-time speċjali fis-​Senegal.

Ġesù qal li dawk li ħallew kollox minħabba l-​aħbar tajba se jkollhom mijiet t’aħwa rġiel u nisa, ommijiet, u tfal. (Mark 10:29, 30) Dan verament qed jiġri fost il-​qaddejja taʼ Jehovah. Koppja li issa qed taqdi f’Benin, fl-​Afrika tal-​Punent, esperjenzaw dan b’mod speċjali meta żewġ aħwa fil-​kongregazzjoni tal-​ġenituri tagħhom qalulhom li ma kellhomx għalfejn jinkwetaw għall-​ġenituri tagħhom. Huma żiedu: “Il-​ġenituri tagħkom huma l-​ġenituri tagħna wkoll.”

Iva, hemm ħafna modi kif nistgħu nuru li nistmaw bil-​kbir il-​privileġġi tas-​servizz sagru. Hemm xi modi kif int tistaʼ tagħmel dan saħansitra iktar bis-​sħiħ?

[Stampi f’paġni 26]

Huma għamlu lilhom infushom disponibbli għas-​servizz full-time speċjali

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja