LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 8/1 pp. 19-24
  • ‘Għamilna dak li Kellna Nagħmlu’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Għamilna dak li Kellna Nagħmlu’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kuntatt mal-​Verità tal-​Bibbja
  • Progress fil-​Verità
  • Bidliet fl-​Inkarigu
  • Il-​Ħajja f’Betel Hija Sinjifikanti
  • Sehem Ipprivileġġjat fl-​Espansjoni
  • Lezzjonijiet li Tgħallimt
  • Tistaʼ Din Tkun l-Aħjar Karriera Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Il-ministeru fultajm—⁠Fejn wassalni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Ħajja Mimlija Għana fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 8/1 pp. 19-24

‘Għamilna dak li Kellna Nagħmlu’

KIF IRRAKKONTAT MINN GEORGE COUCH

Wara li qattajna n-​nofs taʼ nhar taʼ fil-​għodu fil-​ministeru minn dar għal dar, il-​ħu li kelli miegħi ħareġ żewġ biċċtejn ħobż. Meta spiċċajna nieklu, jien ħriġt sigarett biex inpejpu. “Kemm ilek fil-​verità?” staqsieni hu. “Il-​bieraħ fil-​għaxija kienet l-​ewwel darba li attendejt għal-​laqgħa,” għedtlu.

JIEN twelidt fit-​3 taʼ Marzu, 1917, ġo razzett madwar 50 kilometru fil-​Lvant taʼ Pittsburgh, fil-​Pennsylvania, ġewwa l-​Amerka, qrib il-​belt żgħira t’Avonmore. Hemmhekk rabbewna l-​ġenituri lili, lill-​erbaʼ ħuti subjien u lil oħti.

Ma tantx kellna taħriġ reliġjuż. Il-​ġenituri tiegħi kienu xi darba jmorru l-​knisja, imma ma baqgħux jattendu meta aħna konna għadna żgħar. Però, konna nemmnu fil-​Ħallieq u fil-​familja tagħna konna nsegwu prinċipji bażiċi li jinsabu fil-​Bibbja.

L-aqwa taħriġ li rċevejt mingħand il-​ġenituri tiegħi kien rigward ir-​responsabbiltà​—kif naċċettaha u kif inwettaqha. Dak hu li kienet tinvolvi l-​ħajja fir-​razzett. Imma l-​ħajja tagħna ma kinitx xogħol biss. Kellna rikreazzjoni edifikanti, bħal ngħidu aħna nilagħbu l-​bâskitbol u l-​béjżbol, nirkbu ż-​żwiemel, u ngħumu. Flus ftit kellna dak iż-​żmien, madankollu, il-​ħajja fir-​razzett kienet pjaċevoli. Konna nattendu l-​iskola primarja ġo kamra f’dar li kienet tintuża bħala skola u konna nattendu l-​iskola sekondarja li kienet fil-​belt.

Lejla waħda kont qed nippassiġġa l-​belt maʼ ħabib tiegħi. Ħarġet tfajla gustuża mid-​dar tagħha biex tkellem lil ħabibi. Dan introduċieni maʼ Fern Prugh. Taʼ vantaġġ, hi kienet toqgħod fit-​triq taʼ l-​iskola. Taʼ spiss meta kont ngħaddi minn ħdejn id-​dar tagħha, Fern kienet tkun barra tagħmel xi xogħol taʼ kuljum. Ovvjament, hi kienet tfajla bieżla, ħaġa li tant impressjonatni. Bejnietna żviluppat ħbiberija intima u sirna ninħabbu u f’April taʼ l-​1936 iżżewwiġna.

Kuntatt mal-​Verità tal-​Bibbja

Qabel ma twelidt jien, kien hemm mara mdaħħla fiż-​żmien li n-​nies tal-​belt tgħidx kemm kienu jagħtuha mill-​agħar minħabba r-​reliġjon tagħha. Ommi kienet iżżurha kull nhar taʼ Sibt meta kienet tmur il-​belt biex tixtri. Ommi kienet tnaddfilha d-​dar u tagħmlilha xi qadjiet, u dan baqgħet tagħmlu sakemm din il-​mara mietet. Jien nemmen li Jehovah bierek lil ommi minħabba li tant kellha qalbha tajba maʼ din il-​mara, li kienet Studenta tal-​Bibbja, bħalma kienu jissejħu dak iż-​żmien ix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Xi ftit taż-​żmien wara, mietet għal għarrieda t-​tifla ċkejkna t’oħt missieri. Mill-​knisja, ziti, ma tantx sabet faraġ, imma dan sabitu mingħand waħda ġâra li kienet Studenta tal-​Bibbja. Din l-​Istudenta tal-​Bibbja spjegatilha x’jiġri meta persuna tmut. (Ġob 14:13-15; Koħèlet 9:5, 10) Dak kien sors taʼ faraġ kbir. Imbagħad, ziti tkellmet m’ommi dwar it-​tama taʼ l-​irxoxt. Dan qanqal l-​interess t’ommi, peress li l-​ġenituri tagħha mietu meta kienet għadha żgħira u kienet ansjuża li tkun taf x’jiġrilha persuna meta tmut. Dik l-​esperjenza impressjonat fuqi l-​importanza taʼ li dejjem nieħu vantaġġ mill-​opportunitajiet sabiex inxandar b’mod informali.

Fis-snin 30, kull nhar taʼ Ħadd fil-​għodu ommi kienet toqgħod tismaʼ minn fuq ir-​radju l-​programm taʼ Joseph F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society. Matul dawk is-​snin, ix-​Xhieda bdew ukoll ix-​xogħol minn dar għal dar fl-​inħawi fejn konna noqogħdu. Kienu jpoġġu fonografu li setaʼ jinġarr fil-​bitħa tagħna taħt siġra għad-​dell u jsemmgħu t-​taħditiet irrekordjati taʼ Ħuna Rutherford. Dawk it-​taħditiet irrekordjati u r-​rivisti tat-​Torri taʼ l-​Għassa u l-​Golden Age (issa Stenbaħ!) żammew ħaj l-​interess t’ommi.

Xi ftit snin wara, fl-​1938, intbagħtet kartolina lil dawk li kellhom abbonament fit-​Torri taʼ l-​Għassa bħala stedina għal-​laqgħa speċjali ġewwa dar privata madwar 25 kilometru ’l bogħod. Ommi riedet tattendi, u għalhekk jien, Fern u tnejn minn ħuti subjien morna magħha. John Booth u Charles Hessler, indokraturi li jivvjaġġaw tax-​Xhieda taʼ Jehovah, taw taħditiet lil madwar tnax minna. Wara, bdew jorganizzaw grupp biex jieħu sehem fil-​ministeru l-​għada fil-​għodu. Ħadd ma offra li jmur magħhom, għalhekk, Ħuna Hessler għażel lili u staqsieni, “Għax ma tiġix magħna?” Ma kontx naf eżattament x’kienu se jagħmlu, imma ma stajt insib ebda raġuni għala m’għandix ngħinhom.

Ħdimna minn dar għal dar kważi sa nofsinhar, u mbagħad Ħuna Hessler ħareġ żewġ biċċtejn ħobż. Qgħadna bil-​qiegħda fuq it-​taraġ tal-​knisja u bdejna nieklu. Kien wara li ħriġt dak is-​sigarett li Ħuna Hessler sar jaf li kont attendejt laqgħa waħda biss. Hu stieden ruħu b’idejh għall-​ikel dik il-​lejla stess u talabna nistiednu lill-​ġirien tagħna għal diskussjoni minn fuq il-​Bibbja. Wara l-​ikla, għamel studju tal-​Bibbja magħna u ta taħdita lill-​grupp taʼ madwar għaxar ġirien li kienu ġew. Qalilna li jmissna jkollna studju tal-​Bibbja kull ġimgħa. Għalkemm il-​ġirien tagħna ma qablux maʼ dan, jien u Fern irranġajna biex ikollna studju tal-​Bibbja fid-​dar kull ġimgħa.

Progress fil-​Verità

Ftit wara, jien u Fern ħriġna fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Konna bil-​qiegħda wara fil-​karozza, u konna għadna kemm qabbadna sigarett meta ħija dar lejna u qalilna: “Għadni kemm sirt naf li x-​Xhieda ma jpejpux.” Immedjatament, Fern kienet pronta rmiet is-​sigarett tagħha ’l barra mit-​tieqa​—imma jien pejjiptu kollu. Avolja qabel konna nieħdu pjaċir inpejpu, qatt m’erġajna qbadna sigarett b’idejna.

Wara l-​magħmudija tagħna fl-​1940, jien u Fern konna f’laqgħa fejn studjajna artiklu li inkuraġġixxa x-​xogħol taʼ pijunier, kif inhu msejjaħ ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar full-time. Fi triqitna lura lejn id-​dar, wieħed ħu qalilna: “Int u Fern għala ma tibdewx fix-​xogħol taʼ pijunier? M’għandkom xejn x’iżommkom.” Ma stajniex ma naqblux miegħu, u għalhekk għamilna lilna nfusna disponibbli. Tletin ġurnata qabel avżajt lill-​imgħallem fejn kont naħdem li kont se nieqaf mix-​xogħol, u għamilna l-​arranġamenti biex inkunu pijunieri.

Ikkonsultajna mal-​Watch Tower Society dwar fejn kellna naqdu, u morna Baltimore, fil-​Maryland. Hemmhekk kien hemm dar għall-​pijunieri, u għal kamra bl-​ikel inkluż konna nħallsu 10 dollari (Lm3.80) fix-​xahar. Kellna xi ħaġa tal-​flus imfaddlin u konna naħsbu li dawn kienu se jservuna s’Armageddon. (Apokalissi 16:​14, 16) Wara kollox, dejjem konna naħsbu li Armageddon kienet verament qrib. Għalhekk, meta bdejna bħala pijunieri, tlaqna d-​dar tagħna u ma bqajniex moħħna fl-​affarijiet taʼ qabel.

Qdejna bħala pijunieri f’Baltimore mill-​1942 sa l-​1947. Matul dawk is-​snin l-​oppożizzjoni għax-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah kienet fl-​aqwa tagħha. Minflok ma konna mmorru bil-​karozza tagħna fid-​dar taʼ l-​istudenti tagħna tal-​Bibbja, konna xi drabi ngħidu lil xi ħaddieħor iwassalna hemmhekk. B’dak il-​mod konna niffrankaw li jċarrtulna t-​tajers. Oppożizzjoni bħal dik ħadd ma jieħu gost biha, imma nistaʼ ngħid li dejjem ħadna pjaċir fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Fil-​fatt, konna nħarsu ’l quddiem għal dak il-​ftit eċċitament waqt li nagħmlu x-​xogħol tal-​Mulej.

Malajr infaqna l-​flus kollha li konna faddalna. It-​tajers tal-​karozza tagħna qdiemu, u l-​istess ġralhom il-​ħwejjeġ u ż-​żraben. Imraddna xi darbtejn jew tlieta b’mard fit-​tul. Ma kienx faċli li nkomplu, imma qatt m’għaddielna minn moħħna li nieqfu. Saħansitra lanqas qatt ma tkellimna fuq hekk. Ħajjitna għamilnieha iktar sempliċi biex b’hekk stajna nibqgħu fix-​xogħol taʼ pijunier.

Bidliet fl-​Inkarigu

Fl-​1947, morna għall-​konvenzjoni f’Los Angeles, il-​Kalifornja. Waqt li konna hemm, lili u lil ħija William tawna ittra kull wieħed li inkarigatna għax-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar biex inżuru u ngħinu lill-​kongregazzjonijiet. Dak iż-​żmien ma konna ħadna ebda taħriġ speċjali għal dak ix-​xogħol. Sempliċement aċċettajna l-​inkarigu. Matul is-​sebaʼ snin taʼ wara, jien u Fern qdejna ġewwa Ohio, Michigan, Indiana, Illinois, u New York. Fl-​1954, ġejna mistednin biex nattendu l-​24 klassi taʼ Gilgħad, skola taʼ taħriġ għall-​missjunarji. Waqt li konna hemmhekk Fern mardet bil-​poljo. B’ferħ, hi fieqet kompletament u ġejna inkarigati għax-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar fi New York u Connecticut.

Waqt li konna qed naqdu ġewwa Stamford, fil-​Connecticut, Nathan H. Knorr, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Society, stedinna biex inqattgħu tmiem il-​ġimgħa miegħu u maʼ martu, Audrey. Ħejjewlna ikla kompluta, b’biċċa laħam verament tajba. Konna sirna nafuhom qabel, u lil Ħuna Knorr kont nafu biżżejjed li, mill-​ewwel indunajt li kellu xi ħaġa oħra f’moħħu minbarra l-​ikla u l-​kumpanija tagħna. Iktar tard dik il-​lejla staqsieni, “Tixtieq tiġi taqdi f’Betel?”

“M’iniex ċert; ma nafx ħafna dwar il-​ħajja f’Betel,” weġibtu jien.

Wara li ħsibna dwar dan għal diversi ġimgħat, lil Ħuna Knorr għednielu li stajna mmorru jekk hu ried hekk. Ġimgħa wara, irċevejna ittra biex immorru Betel fis-​27 t’April, 1957, fil-​21 anniversarju taż-​żwieġ tagħna.

L-ewwel ġurnata f’Betel, Ħuna Knorr tani istruzzjonijiet ċari dwar dak li kien mistenni minni. Qalli: “M’għadekx iżjed qaddej tas-​circuit; qiegħed hawn biex taħdem ġewwa Betel. Dan huwa l-​iktar xogħol importanti li għandek tagħmel, u rriduk tiddedika l-​ħin u l-​enerġija tiegħek biex tapplika t-​taħriġ li tirċievi hawn f’Betel. Irriduk tibqaʼ.”

Il-​Ħajja f’Betel Hija Sinjifikanti

L-​ewwel inkarigu li kelli kien fid-​Dipartimenti taʼ l-​Abbonamenti u tal-​Posta. Iktar tard, wara kważi tliet snin, Ħuna Knorr għajjatli fl-​uffiċċju tiegħu. Hu informani li r-​raġuni prinċipali għala ġabuni f’Betel kienet biex naħdem fid-​dar. L-​istruzzjonijiet tiegħu kienu verament diretti, “Int qiegħed hawn biex timmaniġġa d-​Dar Betel.”

L-immaniġġar tad-​Dar Betel fakkarni fil-​lezzjonijiet li kienu għallmuni l-​ġenituri tiegħi waqt li kont qed nitrabba fir-​razzett. Dar Betel tixbah ħafna lil dar normali. Irid isir il-​ħasil tal-​ħwejjeġ, jiġi ppreparat l-​ikel, jinħaslu l-​platti, isiru s-​sodod, u l-​kumplament. L-​organizzar tad-​dar taʼ Betel huwa li tipprova tagħmilha post konfortabbli fejn wieħed jgħix u li jistaʼ jsejħilha daru.

Jien nemmen li l-​familji jistgħu jitgħallmu ħafna minn kif taħdem Betel. Aħna nqumu kmieni fil-​għodu u nibdew il-​ġurnata tagħna b’nota spiritwali billi nikkunsidraw l-​iskrittura tal-​jum. Hu mistenni li aħna naħdmu iebes u ngħixu ħajja bbilanċjata għalkemm mimlija daqs bajda. Betel m’hijiex xi monasteru, bħalma jaħsbu xi wħud. Aħna nwettqu ħafna minħabba li nżommu skeda tajba f’ħajjitna. Ħafna qalu li t-​taħriġ li rċevew minn hawnhekk għenhom iktar tard biex jaċċettaw responsabbiltajiet fil-​familji tagħhom u fil-​kongregazzjoni Kristjana.

Irġiel u nisa żgħażagħ li jiġu Betel jistgħu jiġu inkarigati biex jagħmlu xogħol taʼ tindif, fil-​lôndri, jew fil-​fabbrika. Id-​dinja għandha mnejn iġġagħalna nemmnu li dak ix-​xogħol fiżiku jbaxxina u ma jixirqilniex. Madankollu, iż-​żgħażagħ f’Betel isiru japprezzaw li inkarigi taʼ xogħol bħal dawn huma neċessarji biex il-​familja tagħna tirnexxi u tkun ferħana.

Id-dinja għandha mnejn tippromwovi wkoll il-​ħsieb li għandna bżonn pożizzjoni u prestiġju biex inkunu verament ferħanin. Dak huwa żbaljat. Meta aħna nwettqu l-​inkarigu tagħna, inkunu qed ‘nagħmlu dak li għandna nagħmlu,’ u nirċievu l-​barka taʼ Jehovah. (Luqa 17:10) Jistaʼ jkollna kuntentizza u ferħ veri, biss jekk niftakru x’inhu l-​iskop tax-​xogħol tagħna​—li nagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah u navanzaw l-​interessi tas-​Saltna. Jekk inżommu dan f’moħħna, kwalunkwe inkarigu jistaʼ jkun pjaċevoli u sodisfaċenti.

Sehem Ipprivileġġjat fl-​Espansjoni

Fl-​1942, fil-​konvenzjoni taʼ Cleveland, f’Ohio, iktar minn għaxar snin qabel ma ġejna Betel, Ħuna Knorr kien ta t-​taħdita “Peace​—Can It Last?” (Il-Paċi​—Tistaʼ Tibqaʼ?) Hu għamilha ċara li t-​Tieni Gwerra Dinjija, li kienet fl-​aqwa tagħha, kellha tispiċċa u kellu jkun hemm żmien taʼ paċi li kien se jipprovdi opportunità għal kampanja akbar taʼ ppridkar. Fl-​1943, ġew stabbiliti l-​Iskola taʼ Gilgħad biex tħarreġ lill-​missjunarji u l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku biex ittejjeb l-​abbiltajiet taʼ l-​aħwa bħala kelliema. Ġew organizzati wkoll konvenzjonijiet kbar. Speċjalment prominenti matul is-​snin 50 kien hemm dawk li saru fil-​Yankee Stadium, fi New York. F’konnessjoni mal-​konvenzjonijiet li saru hemmhekk fl-​1950 u fl-​1953, kelli l-​opportunità li ngħin fl-​arranġamenti għat-​Trailer City enormi li akkomodat għaxriet t’eluf għat-​tmint ijiem taʼ kull konvenzjoni li saret.

Wara dawk il-​konvenzjonijiet, inkluż l-​akbar waħda minnhom fl-​1958, kien hemm żjieda kbira fil-​pubblikaturi tas-​Saltna. Dan effettwa direttament ix-​xogħol tagħna f’Betel. Fl-​aħħar tas-​snin 60 u kmieni fis-​snin 70, ma konniex nafu x’se naqbdu nagħmlu minħabba n-​nuqqas taʼ spazju u kmamar għall-​ħaddiema li kienu jaħdmu hemmhekk. Biex nakkomodaw lill-​familja tagħna li dejjem tiżdied, kellna bżonn taʼ iktar kmamar tas-​sodda, kċejjen u kmamar taʼ l-​ikel.

Ħuna Knorr staqsa lili u lil Ħuna Max Larson, l-​indokratur tal-​fabbrika, biex insibu propjetà addattata għal din l-​espansjoni. Fl-​1957, meta ġejt Betel, il-​familja tagħna taʼ madwar 500 kienet akkomodata f’bini residenzjali kbir wieħed. Imma matul is-​snin, is-​Soċjetà xtrat u rrinnovat tliet lukandi kbar fil-​viċin​—it-​Towers, l-​Istandish, u l-​Bossert—​kif ukoll ħafna blokki iżgħar t’appartamenti. Fl-​1986, is-​Soċjetà xtrat il-​propjetà fejn qabel kien hemm il-​Lukanda Margaret u l-​bini ġdid u sabiħ li nbena flokha għamlitu dar għal madwar 250 persuna. Imbagħad kmieni fis-​snin 90, inbniet residenza taʼ 30 sular biex takkomoda 1,000 ħaddiem ieħor. Il-​Betel taʼ Brooklyn issa tistaʼ takkomoda u titmaʼ iktar mit-​3,300 membru tal-​familja tagħna.

Inxtrat ukoll propjetà ġewwa Wallkill, fi New York, kważi 160 kilometru ’l bogħod mill-​Betel taʼ Brooklyn. Matul is-​snin, mill-​aħħar tas-​snin 60, inbnew hemmhekk residenzi u stamperija kbira. Issa, madwar 1,200 membru tal-​familja tagħna taʼ Betel qed jgħixu u jaħdmu hemmhekk. Fl-​1980 bdew ifittxu art taʼ madwar 2,500,000 metru kwadru qrib il-​Belt taʼ New York u li kellha aċċess konvenjenti għat-​triq ewlenija. L-​aġent tal-​propjetà immobbli tgħidx kemm daħak u qalilna: “Fejn se ssibu propjetà bħal dik? Impossibbli.” Imma l-​għada fil-​għodu ċemplilna u qalilna: “Sibthielkom il-​propjetà li xtaqtu.” Illum, din hija magħrufa bħala l-​Watchtower Educational Center ġewwa Patterson, fi New York. Hemmhekk isiru l-​iskejjel u hemm familja taʼ iktar minn 1,300 ministru.

Lezzjonijiet li Tgħallimt

Tgħallimt li indokratur tajjeb huwa wieħed li jislet informazzjoni taʼ valur mingħand ħaddieħor. Il-​biċċa l-​kbira mill-​ideat li kont ipprivileġġjat li npoġġihom fil-​prattika bħala l-​indokratur taʼ Betel ġew mingħand ħaddieħor.

Meta ġejt Betel, ħafna kienu akbar minni fl-​età, bħali llum. Il-​biċċa l-​kbira minnhom issa mietu. Min jieħu post dawk li jixjieħu u jmutu? Mhux dejjem ikunu dawk li għandhom kapaċità kbira. Huma dawk li qegħdin hawn, li jwettqu x-​xogħol tagħhom bil-​lealtà u billi jagħmlu lilhom infushom disponibbli.

Fattur importanti ieħor li wieħed għandu jiftakar huwa l-​valur li għandha mara tajba. L-​appoġġ taʼ l-​għażiża marti, Fern, kien t’għajnuna kbira għalija f’li nwettaq l-​inkarigi teokratiċi tiegħi. L-​irġiel għandhom ir-​responsabbiltà li jkunu ċerti li n-​nisa tagħhom ikunu kuntenti fl-​inkarigi tagħhom. Jien nipprova jkolli xi ħaġa ppjanata li jien u Fern inħobbu nagħmlu. M’hemmx għalfejn tkun tiswa l-​flus, sempliċement xi ħaġa differenti mis-​soltu. Hija r-​responsabbiltà tar-​raġel li jagħmel affarijiet biex jikkuntenta lil martu. Iż-​żmien li jqattaʼ magħha huwa prezzjuż u malajr jgħaddi, u għalhekk għandu bżonn jagħmel l-​aħjar li jistaʼ.

Jien ferħan li qed ngħix fl-​aħħar jiem li tkellem dwarhom Ġesù. Dan huwa l-​iktar żmien taʼ l-​għaġeb fl-​istorja umana kollha. Aħna nistgħu noqogħdu għassa u naraw bil-​għajnejn tal-​fidi tagħna kif il-​Mulej jiżviluppa l-​organizzazzjoni tiegħu bi tħejjija għall-​miġja tad-​dinja l-​ġdida mwiegħda. Hekk kif inħares lura lejn ħajti fis-​servizz taʼ Jehovah, nistaʼ nara li hu Jehovah li qed imexxi din l-​organizzazzjoni​—u mhux il-​bnedmin. Aħna sempliċement il-​qaddejja tiegħu. Bħala talin, għandna dejjem induru lejh għall-​gwida. Hekk kif jurina b’mod ċar dak li għandna nagħmlu, aħna rridu nobdu mill-​ewwel u nikkooperaw.

Ikkoopera bis-​sħiħ maʼ l-​organizzazzjoni, u jkollok garanzija għal ħajja mimlija u ferħana. Hu x’inhu dak li qed tagħmel​—kemm jekk taqdi bħala pijunier, fix-​xogħol tas-​circuit, bħala pubblikatur fil-​kongregazzjoni, f’Betel, jew fix-​xogħol taʼ missjunarju—​segwi d-​direzzjoni li tingħata, u għożż l-​inkarigu tiegħek. Agħmel mill-​aħjar biex tgawdi kull inkarigu u kull jum taʼ xogħol fis-​servizz taʼ Jehovah. Veru li se tgħejja, u forsi tkun maqtul bix-​xogħol jew tħossok skuraġġit. F’dak il-​ħin trid tiftakar dwar l-​iskop għala ddedikajt ħajtek lil Jehovah. Huwa biex tagħmel ir-​rieda tiegħu, mhux ir-​rieda tiegħek.

Ma kienx hemm ġurnata li ġejt għax-​xogħol u ma ħadtx pjaċir b’dak li nkun għamilt. Għala? Għax meta nagħtu lilna nfusna b’ruħna kollha lil Jehovah, ikollna s-​sodisfazzjon li nkunu nafu li ‘għamilna dak li kellna nagħmlu.’

[Stampa f’paġna 19]

Id-​Dipartiment taʼ l-​Abbonamenti

[Stampa f’paġna 19]

Fit-​Trailer City fl-​1950

[Stampa f’paġna 19]

Meta konna pijunieri f’Baltimore, fl-​1946

[Stampa f’paġna 19]

It-​Trailer City maʼ Fern , fl-​1950

[Stampa f’paġna 22]

Maʼ Audrey u Nathan Knorr

[Stampa f’paġna 23]

Il-​Watchtower Educational Center ġewwa Patterson, fi New York

[Stampa f’paġna 24]

Maʼ Fern illum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja