LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 9/15 pp. 10-15
  • Iż-Żminijiet u l-Istaġuni f’Idejn Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iż-Żminijiet u l-Istaġuni f’Idejn Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iż-​Żminijiet u l-​Istaġuni taʼ Jehovah
  • “Kien Qiegħed Joqrob iż-​Żmien”
  • ‘Meta Wasal iż-​Żmien’
  • Ġrajjiet​—Mhux Kalkoli taż-​Żmien
  • Afda f’Ġeħova l-Alla taż-“Żminijiet u l-Istaġuni”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Irrivelat Żmien il-​Miġja tal-​Messija
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • “Sibna lill-Messija”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Kif il-​Profezija taʼ Danjel Tbassar il-​Wasla tal-​Messija
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 9/15 pp. 10-15

Iż-​Żminijiet u l-​Istaġuni f’Idejn Jehovah

“M’hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-​waqt u ż-​żmien [“iż-​żminijiet jew l-​istaġuni,” “NW”] li l-​Missier għażel bis-​setgħa tiegħu.”—ATTI 1:7.

1. Ġesù kif wieġeb il-​mistoqsijiet li kienu jirrigwardaw iż-​żmien li sarulu mill-​appostli tiegħu?

M’HIJIEX ħaġa naturali li dawk, li “jitniehdu u jitbikkew minħabba l-​qżiżijiet kollha li jsiru” fil-​Kristjaneżmu u maʼ l-​art kollha, jistaqsu meta se tintemm din is-​sistema mill-​agħar u flokha tiġi d-​dinja l-​ġdida u taʼ tjieba t’Alla? (Eżekjel 9:4; 2 Pietru 3:13) L-​appostli taʼ Ġesù staqsewh mistoqsijiet li jirrigwardaw iż-​żmien preċiż qabel mewtu u wara l-​irxoxt tiegħu. (Mattew 24:3; Atti 1:6) Bi tweġiba, madankollu, Ġesù ma tahomx xi mezz kif jikkalkulaw id-​dati. F’każ minnhom tahom sinjal kompost minn ħafna affarijiet, u fil-​każ l-​ieħor qalilhom li ‘ma kinitx biċċa tagħhom li jkunu jafu l-​waqt u ż-​żmien li l-​Missier għażel bis-​setgħa tiegħu.’—Atti 1:7.

2. Għala jistaʼ jingħad li Ġesù ma kienx jaf minn dejjem il-​ħin iffissat minn Missieru għal ġrajjiet li għandhom iseħħu matul iż-​żmien tat-​tmiem?

2 Għalkemm Ġesù hu l-​Iben uniġenitu taʼ Jehovah, kien hemm żmien li hu nnifsu ma kienx jaf l-​iskeda taʼ Missieru għal ċerti ġrajjiet. Fil-​profezija tiegħu dwar l-​aħħar jiem, Ġesù rrikonoxxa umilment: “Dwar dak il-​jum u s-​siegħa ħadd ma jaf xejn la meta se jaslu, la l-​anġli tas-​sema u lanqas l-​Iben; ħadd ħlief il-​Missier waħdu.” (Mattew 24:36) Ġesù kien lest li jistenna bil-​paċenzja sakemm Missieru jirrivelalu l-​waqt eżatt meta kellha tittieħed azzjoni distruttiva kontra din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar.a

3. X’nistgħu nitgħallmu mit-​tweġibiet taʼ Ġesù għal mistoqsijiet li jirrigwardaw l-​iskop t’Alla?

3 Nistgħu nikkonkludu żewġ affarijiet mill-​mod kif Ġesù wieġeb mistoqsijiet irrelatati maż-​żmien meta kellhom iseħħu l-​affarijiet bi twettiq taʼ l-​iskop t’Alla. L-​ewwel, li Jehovah għandu skeda; u t-​tieni, li hu biss jistabbiliha, u l-​qaddejja tiegħu m’għandhomx jistennew li jingħataw informazzjoni preċiża bil-​quddiem dwar iż-​żminijiet jew l-​istaġuni tiegħu.

Iż-​Żminijiet u l-​Istaġuni taʼ Jehovah

4. X’ifissru l-​kelmiet Griegi tradotti “żminijiet” u “staġuni” f’Atti 1:7?

4 X’ifissru “żminijiet” u “staġuni”? L-​istqarrija taʼ Ġesù ddokumentata f’Atti 1:7 fiha żewġ aspetti taʼ żmien. Il-​kelma Griega tradotta “żminijiet” tfisser “żmien fis-​sens taʼ dewmien,” spazju taʼ żmien (twil jew qasir). “Staġuni” hija t-​traduzzjoni taʼ kelma li tirreferi għal żmien fiss jew maħtur, staġun partikulari, jew perijodu, immarkat b’ċerti fatturi. Rigward dawn iż-​żewġ kelmiet oriġinali, W. E. Vine jgħid: “F’Atti 1:7, ‘il-​Missier poġġa taħt l-​awtorità Tiegħu stess’ kemm iż-​żminijiet (chronos), it-​tul tal-​perijodi, u kemm l-​istaġuni (kairos), epoki kkaratterizzati minn ċerti ġrajjiet.”

5. Jehovah meta informa lil Noè dwar l-​iskop Tiegħu biex jeqred lid-​dinja korrotta, u liema inkarigu doppju wettaq Noè?

5 Qabel id-​Dilluvju, Alla stabbilixxa limitu taʼ żmien taʼ 120 sena għad-​dinja korrotta li kienu pproduċew il-​bnedmin u l-​anġli mmaterjalizzati ribellużi. (Ġenesi 6:1-3) Noè, li kellu l-​biżaʼ t’Alla, f’dan il-​punt kellu 480 sena. (Ġenesi 7:6) Kien għadu bla tfal u baqaʼ hekk għal 20 sena oħra. (Ġenesi 5:32) Ħafna wara, mhux qabel ma wlied Noè kienu saru rġiel u żżewġu, Alla informa lil Noè dwar l-​iskop Tiegħu li jneħħi l-​ħażen mill-​art. (Ġenesi 6:9-13, 18) Saħansitra dak in-​nhar, avolja Noè kien ġie fdat bl-​inkarigu doppju tal-​bini taʼ l-​arka u l-​ippridkar lin-​nies taʼ żmienu, Jehovah ma rrivelalux l-​iskeda tiegħu taż-​żmien.—Ġenesi 6:14; 2 Pietru 2:5.

6. (a) Noè kif wera li ħalla f’idejn Jehovah l-​fatturi taż-​żmien? (b) Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Noè?

6 Għal għaxriet taʼ snin​—forsi nofs seklu—​“Noè, għamel kull ma ordnalu Alla.” Noè dan għamlu “minħabba fil-​fidi,” mingħajr ma kien jaf xi data preċiża. (Ġenesi 6:22; Lhud 11:7) Jehovah baqaʼ ma informahx dwar iż-​żmien preċiż meta kellhom iseħħu l-​ġrajjiet sa ġimgħa qabel ma kellha tibda l-​Għarqa. (Ġenesi 7:1-5) Il-​fiduċja u l-​fidi assoluti taʼ Noè f’Jehovah għenuh biex iħalli l-​fatturi taż-​żmien f’idejn Alla. U min jaf kemm ħassu grat Noè meta ġarrab il-​protezzjoni taʼ Jehovah matul id-​Dilluvju u iktar tard ħareġ mill-​arka għal fuq art imnaddfa! B’tama taʼ ħelsien simili quddiemna, m’għandniex aħna neżerċitaw fidi bħal din f’Alla?

7, 8. (a) Kif bdew jeżistu l-​ġnus u l-​qawwiet dinjin? (b) Jehovah b’liema mod ‘qassam bil-​qjies iż-​żminijiet u t-​truf taʼ l-​art fejn jgħammru’ l-​bnedmin?

7 Wara d-​Dilluvju, il-​biċċa l-​kbira mid-​dixxendenti taʼ Noè abbandunaw il-​qima vera taʼ Jehovah. Bl-​iskop li jibqgħu f’post wieħed, huma bdew jibnu belt u torri għall-​qima falza. Jehovah ddeċieda li kien wasal iż-​żmien biex jindaħal. Hu ħawwad il-​lingwa tagħhom u “xerridhom minn hemm [minn Babel] għal fuq wiċċ l-​art kollha.” (Ġenesi 11:4, 8, 9) Iktar tard, il-​gruppi lingwistiċi żviluppaw fi ġnus, li biċċiet minnhom belgħu lil ġnus oħrajn u saru qawwiet reġjonali, u saħansitra qawwiet dinjin.—Ġenesi 10:32.

8 Fi qbil mat-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu, xi drabi Alla ddetermina fruntieri nazzjonali u f’liema punt fiż-​żmien ċertu ġens kellu jippredomina lokalment jew bħala qawwa dinjija. (Ġenesi 15:13, 14, 18-21; Eżodu 23:31; Dewteronomju 2:17-22; Danjel 8:5-7, 20, 21) L-​appostlu Pawlu rrefera għal dan l-​aspett taż-​żminijiet u l-​istaġuni taʼ Jehovah meta qal lil xi intellettwali Griegi f’Ateni: “Alla, li għamel id-​dinja u kull ma fiha, . . . minn bniedem wieħed għamel il-​ġens kollu tal-​bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-​art kollha, u qassmilhom bil-​qjies iż-​żminijiet u t-​truf taʼ l-​art fejn għandhom jgħammru.”—Atti 17:24, 26.

9. Jehovah kif ‘biddel iż-​żminijiet u l-​istaġuni’ rigward is-​slaten?

9 Dan ma jfissirx li Jehovah hu responsabbli għall-​konkwisti politiċi u l-​bidliet kollha fost il-​ġnus. Madankollu, hu jistaʼ jintervieni meta jagħżel li jagħmel hekk sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu. B’hekk il-​profeta Danjel, li kellu jkun xhud tal-​waqgħa tal-​Qawwa Dinjija Babiloniża u tas-​sostituzzjoni tagħha mill-​Medo-Persja, qal dwar Jehovah: “Hu jbiddel f’waqthom il-​jiem u l-​iżmna [“żminijiet u staġuni,” NW], ineħħi slaten u jqajjem slaten, jagħti għerf lill-​għorrief, u dehen lil min jagħraf l-​għaqal.”—Danjel 2:21; Isaija 44:24–45:7.

“Kien Qiegħed Joqrob iż-​Żmien”

10, 11. (a) Jehovah minn kemm qabel kien iffissa ż-​żmien meta kellu jeħles lid-​dixxendenti t’Abraham mill-​jasar? (b) Liema ħaġa tissuġġerixxi li l-​Iżraeliti ma kinux jafu eżatt meta kienu se jinħelsu?

10 ’Il fuq minn erbaʼ sekli bil-​quddiem, Jehovah stabbilixxa s-​sena preċiża meta kellu jumilja lis-​sultan tal-​Qawwa Dinjija Eġizzjana u jillibera lid-​dixxendenti t’Abraham mill-​jasar. Waqt li rrivela l-​iskop tiegħu lil Abraham, Alla wiegħed: “Frustier għad jgħammar nislek f’art li ma tkunx tiegħu. Hemm iħaddmuhom u jgħakksuhom għal erbaʼ mitt sena. Imma l-​ġens li huma jaqdu nagħmel ħaqq minnu jien. U wara dan joħorġu b’ġid kbir.” (Ġenesi 15:13, 14) Meta ġabar fil-​qosor l-​istorja taʼ Iżrael quddiem is-​Sinedriju, Stiefnu rrefera għal dan il-​perijodu taʼ 400 sena u qal: “Meta kien qiegħed joqrob iż-​żmien biex isseħħ il-​wegħda li Alla kien għamel lil Abraham, il-​poplu żdied u kiber fl-​Eġittu, sakemm laħaq fl-​Eġittu sultan ieħor, li ma kienx jaf b’Ġużeppi.”—Atti 7:6, 17, 18.

11 Dan il-​Fargħun ġdid tefaʼ lill-​Iżraeliti fil-​jasar. Il-​ktieb taʼ Ġenesi kien għadu ma nkitibx minn Mosè, għalkemm huwa wisq probabbli li l-​wegħdi taʼ Jehovah lil Abraham kienu ġew mgħoddijin oralment jew bil-​miktub minn nisel għal ieħor. Minkejja dan, jidher li l-​informazzjoni li kellhom l-​Iżraeliti ma kinitx tippermettilhom li jikkalkulaw id-​data preċiża tal-​ħelsien tagħhom mill-​moħqrija. Alla kien jaf meta kien se jeħlishom, imma milli jidher l-​Iżraeliti sofferenti ma ġewx informati. Naqraw: “Għadda ż-​żmien u miet is-​sultan taʼ l-​Eġittu; u wlied Iżrael bdew jitniehdu taħt il-​jasar u jgħajjtu. L-​għajat tagħhom mill-​jasar wasal sa għand Alla. U Alla samaʼ l-​krib tagħhom u ftakar fil-​patt tiegħu maʼ Abraham, maʼ Iżakk u maʼ Ġakobb. Alla xeħet ħarstu fuq ulied Iżrael u ra f’liema stat kienu.”—Eżodu 2:23-25.

12. Stiefnu kif wera li Mosè aġixxa qabel iż-​żmien taʼ Jehovah?

12 Dan in-​nuqqas t’għarfien dwar iż-​żmien eżatt tal-​ħelsien taʼ Iżrael nistgħu naslu għalih ukoll mir-​rakkont qasir taʼ Stiefnu. Billi tkellem dwar Mosè, hu qal: “Meta kellu erbgħin sena, ġieh il-​ħsieb li jżur lil ħutu, ulied Iżrael. Hemm ra raġel Eġizzjan jaħqar lil wieħed minnhom u qabeż għalih billi tħallas minn dak li kien qiegħed jaħqru, u qatlu. Mosè ħaseb li ħutu fehmu li Alla kien se jeħlishom permezz tiegħu; iżda huma ma kienu fehmu xejn.” (Korsiv tagħna.) (Atti 7:23-25) Mosè hawn aġixxa 40 sena qabel iż-​żmien t’Alla. Stiefnu rrefera għall-​fatt li Mosè kellu jistenna 40 sena oħra qabel ma Alla ‘ħeles lill-​Iżraeliti permezz tiegħu.’—Atti 7:30-36.

13. Is-​sitwazzjoni tagħna kif inhi simili għal dik taʼ l-​Iżraeliti qabel ma nħelsu mill-​Eġittu?

13 Għalkemm “kien qiegħed joqrob iż-​żmien biex isseħħ il-​wegħda” u dik is-​sena preċiża kienet ġiet stabbilita minn Alla, Mosè u Iżrael kollu kellhom jeżerċitaw fidi. Huma kellhom jistennew iż-​żmien maħtur taʼ Jehovah, milli jidher mingħajr ma setgħu jikkalkulaw bil-​quddiem. Aħna wkoll konvinti li l-​ħelsien tagħna mis-​sistema t’affarijiet preżenti u mill-​agħar qiegħed joqrob. Nafu li qegħdin ngħixu fl-​“aħħar tad-​dinja.” (2 Timotju 3:1-5) Għalhekk, m’għandniex aħna nkunu lesti li nuru l-​fidi tagħna u nistennew iż-​żmien xieraq taʼ Jehovah għall-​jum il-​kbir tiegħu? (2 Pietru 3:11-13) Imbagħad, bħal Mosè u l-​Iżraeliti, inkunu nistgħu bix-​xieraq inkantaw għanja glorjuża taʼ ħelsien, għat-​tifħir taʼ Jehovah.—Eżodu 15:1-19.

‘Meta Wasal iż-​Żmien’

14, 15. Kif nafu li Alla kien stabbilixxa żmien biex Ibnu jiġi fuq l-​art, u l-​profeti u saħansitra l-​anġli għal liema ħaġa baqgħu għassa?

14 Jehovah stabbilixxa żmien fiss għal meta l-​Iben uniġenitu tiegħu kellu jiġi fuq l-​art bħala l-​Messija. Pawlu kiteb: “Meta waslet il-​milja taż-​żmien, Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara, mwieled taħt il-​Liġi.” (Galatin 4:4) Dan kien bi twettiq tal-​wegħda t’Alla li jibgħat Żerriegħa​—‘Xilo, u lilu kellha tappartjeni l-​ubbidjenza tal-​popli.’—Ġenesi 3:15; 49:10, NW.

15 Il-​profeti t’Alla​—saħansitra l-​anġli—​qagħdu għassa għall-​‘istaġun’ meta kellu jidher il-​Messija fuq l-​art u s-​salvazzjoni tintgħamel possibbli għall-​umanità midinba. “Il-​profeti, li ħabbru l-​grazzja li kellha tingħata lilkom,” qal Pietru, “stħarrġu u tkixxfu fuq din is-​salvazzjoni; huma kienu jitkixxfu l-​mod u f’liema żmien [“staġun,” NW] kif qiegħed jaħseb l-​Ispirtu taʼ Kristu, li kien fihom, meta kien jixhdilhom minn qabel it-​tbatijiet taʼ Kristu u l-​glorji tiegħu li kellhom jiġu warajhom. . . . Dawn huma ħwejjeġ li l-​anġli stess jixtiequ jifhmuhom sewwa.”—1 Pietru 1:1-5, 10-12.

16, 17. (a) Jehovah permezz taʼ liema profezija għen lil-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu biex jistennew lill-​Messija? (b) Il-​profezija taʼ Danjel kif effettwat l-​istennija Lhudija għall-​Messija?

16 Permezz tal-​profeta tiegħu Danjel​—raġel taʼ fidi li ma titħarrikx—​Jehovah kien ta profezija li tinvolvi “sebgħin ġimgħa.” Dik il-​profezija kellha tgħin lil-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu biex ikunu jafu li d-​dehra tal-​Messija mwiegħed kienet qorbot. Parti mill-​profezija kienet tgħid: “Mill-​ħruġ tal-​kelma biex Ġerusalemm tiġi rrestawrata u mibnija mill-​ġdid sal-​Messija l-​Mexxej, se jkun hemm sebaʼ ġimgħat, ukoll tnejn u sittin ġimgħa.” (Danjel 9:24, 25, NW) Studjużi Lhud, Kattoliċi, u Protestanti ġeneralment jaqblu li l-​‘ġimgħat’ imsemmijin hawn ifissru ġimgħat taʼ snin. Id-​disgħa u sittin “ġimgħa” (483 sena) taʼ Danjel 9:25 bdew fis-​sena 455 Q.E.K., meta Artasersi, is-​Sultan tal-​Persja, awtorizza lil Neħemija “biex Ġerusalemm tiġi rrestawrata u mibnija mill-​ġdid.” (Neħemija 2:1-8) Dawn intemmu 483 sena wara​—fis-​sena 29 E.K., meta Ġesù ġie mgħammed u midluk bl-​ispirtu qaddis, u b’hekk sar il-​Messija, jew Kristu.—Mattew 3:13-17.

17 Jekk il-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu kinux jafu preċiżament meta bdew l-​483 sena m’huwiex magħruf. Iżda meta Ġwanni l-​Għammied beda l-​ministeru tiegħu, “il-​poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-​Messija.” (Luqa 3:15) Xi studjużi tal-​Bibbja jorbtu din l-​istennija mal-​profezija taʼ Danjel. Meta kkummenta dwar dan il-​vers, Matthew Henry kiteb: “Hawnhekk jintqalilna . . . kif in-​nies ikkonkludew, mill-​ministeru u l-​magħmudija taʼ Ġwanni, li jaħsbu dwar il-​Messija, u li jaħsbu dwaru bħallikieku kien wara l-​bieb. . . . Is-​sebgħin ġimgħa taʼ Danjel kienu issa se jagħlqu.” Ix-​xogħol Franċiż Manuel Biblique, minn Vigouroux, Bacuez, u Brassac jgħid: “In-​nies kienu jafu li s-​sebgħin ġimgħa taʼ snin stabbiliti minn Danjel kienu waslu biex jagħlqu; ħadd ma kien sorpriż jismaʼ lil Ġwanni l-​Battista jħabbar li s-​saltna t’Alla kienet qorbot.” L-​istudjuż Lhudi Abba Hillel Silver kiteb li skond il-​“kronoloġija popolari” taʼ dak iż-​żmien, “il-​Messija kien mistenni għall-​ħabta tat-​tieni kwart taʼ l-​ewwel seklu E.K.”

Ġrajjiet​—Mhux Kalkoli taż-​Żmien

18. Fil-​waqt li l-​profezija taʼ Danjel għenet lil-​Lhud biex jidentifikaw iż-​żmien meta l-​Messija setaʼ jkun mistenni li jidher, x’kienet l-​iktar evidenza konvinċenti dwar li Ġesù kien il-​Messija?

18 Għalkemm milli jidher il-​kronoloġija għenet lill-​poplu Lhudi jkollu idea ġenerali dwar meta kellu jidher il-​Messija, ġrajjiet li seħħew wara juru li din ma għenitx biex tikkonvinċi lill-​biċċa l-​kbira minnhom li Ġesù kien il-​Messija. Inqas minn sena qabel mewtu, Ġesù staqsa lid-​dixxipli tiegħu: “Min jgħidu n-​nies li jien?” Huma weġbuh: “Ġwanni l-​Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-​profeti taʼ l-​imgħoddi.” (Luqa 9:18, 19) M’għandna mkien imniżżel li Ġesù qatt ikkwota l-​profezija tal-​ġimgħat simboliċi biex jagħti prova li hu kien il-​Messija. Imma f’okkażjoni minnhom, hu qal: “Jien għandi xhieda akbar minn dik taʼ Ġwanni; għax l-​għemejjel li tani l-​Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-​istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-​Missier li bagħatni.” (Ġwann 5:36) Minflok xi kronoloġija rrivelata, kienu l-​ippridkar taʼ Ġesù, il-​mirakli tiegħu, u l-​ġrajjiet konnessi mal-​mewt tiegħu (id-dalma mirakoluża, it-​tiċrit tal-​purtiera tat-​tempju, u t-​terremot) li taw xiehda li hu kien il-​Messija mibgħut minn Alla.—Mattew 27:45, 51, 54; Ġwann 7:31; Atti 2:22.

19. (a) Il-​Kristjani kif kellhom ikunu jafu li l-​qerda taʼ Ġerusalemm kienet qrib? (b) Il-​Kristjani bikrin li ħarbu minn Ġerusalemm għala xorta waħda kienu jeħtieġu ħafna fidi?

19 Bl-​istess mod, wara l-​mewt taʼ Ġesù, il-​Kristjani bikrin ma ngħataw ebda indikazzjoni kif jikkalkulaw it-​tmiem li kien riesaq tas-​sistema t’affarijiet Lhudija. Veru, il-​profezija taʼ Danjel tal-​ġimgħat simboliċi semmiet il-​qerda taʼ dik is-​sistema. (Danjel 9:26b, 27b) Imma dan kellu jseħħ wara t-​tmiem tas-​“sebgħin ġimgħa” (455 Q.E.K.–36 E.K.). Fi kliem ieħor, wara li l-​ewwel Ġentili saru segwaċi taʼ Ġesù fis-​sena 36 E.K., il-​Kristjani ma setgħux jieħdu iżjed gwida kronoloġika minn Danjel kapitlu 9. Għalihom, il-​ġrajjiet, mhux il-​kronoloġija, kellhom jindikaw li s-​sistema Lhudija żgur kienet waslet biex tispiċċa. Dawk il-​ġrajjiet, imbassrin minn Ġesù, bdew jilħqu l-​quċċata tagħhom mis-​sena 66 E.K., meta l-​leġjuni Rumani attakkaw lil Ġerusalemm u mbagħad irtiraw. Dan ta l-​opportunità lill-​Kristjani leali u attenti li kienu f’Ġerusalemm u fil-​Ġudea biex ‘jaħarbu lejn il-​muntanji.’ (Luqa 21:20-22) Billi ma kellhom ebda indikazzjonijiet kronoloġiċi, dawk il-​Kristjani bikrin ma kinux jafu meta kellha sseħħ il-​qerda taʼ Ġerusalemm. X’fidi ried ikollhom biex jitilqu minn djarhom, mill-​irziezet tagħhom, u mill-​ħwienet tagħhom u jibqgħu barra minn Ġerusalemm għal xi erbaʼ snin sakemm l-​armata Rumana rritornat fis-​sena 70 E.K. u qerdet għalkollox lis-​sistema Lhudija!—Luqa 19:41-44.

20. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​eżempji taʼ Noè, Mosè, u l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu fil-​Ġudea? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

20 Bħal Noè, Mosè, u l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu fil-​Ġudea, aħna llum nistgħu b’mod fiduċjuż inħallu ż-​żminijiet u l-​istaġuni f’idejn Jehovah. Il-​konvinzjoni tagħna li qegħdin ngħixu fiż-​żmien tat-​tmiem u li l-​ħelsien tagħna qed joqrob ma tiddependix sempliċement fuq kalkoli kronoloġiċi, imma fuq ġrajjiet attwali bi twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja. Barra minn hekk, għalkemm qegħdin ngħixu matul il-​preżenza taʼ Kristu, aħna ma ġejniex meħlusin mill-​ħtieġa li neżerċitaw fidi u li nibqgħu għassa. Irridu nibqgħu ngħixu fi stennija ħerqana tal-​ġrajjiet eċċitanti mbassrin fl-​Iskrittura. Dan se jkun is-​suġġett taʼ l-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’Awissu, 1996, paġna 32.

Bħala Reviżjoni

◻ Rigward iż-​żminijiet u l-​istaġuni taʼ Jehovah, Ġesù x’qalilhom lill-​appostli tiegħu?

◻ Noè kemm kien jaf bil-​quddiem meta kellu jibda d-​Dilluvju?

◻ X’jindika li Mosè u l-​Iżraeliti ma kinux jafu eżatt meta kienu se jinħelsu mill-​Eġittu?

◻ Kif nistgħu nibbenefikaw minn eżempji Bibliċi li jinvolvu ż-​żminijiet u l-​istaġuni taʼ Jehovah?

[Stampa f’paġna 11]

Il-​fidi taʼ Noè għenitu biex iħalli f’idejn Jehovah l-​fatturi taż-​żmien

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja