LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 9/15 pp. 24-27
  • Ninnegozjaw Prezz Raġunevoli taʼ l-Għarusa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ninnegozjaw Prezz Raġunevoli taʼ l-Għarusa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Prinċipji Raġunevoli tal-​Bibbja
  • Min Hu Responsabbli għan-​Negozjati?
  • Nevitaw Karatteristiċi mhux Kristjani
  • Eżempji taʼ Raġunevolezza
  • Il-​Benefiċċji tar-​Raġunevolezza
  • Kont Taf?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Nippreparaw Għal Żwieġ Li Jirnexxi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • L-Irwol Dinjituż tan-Nisa Fost il-Qaddejja Bikrin t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 9/15 pp. 24-27

Ninnegozjaw Prezz Raġunevoli taʼ l-​Għarusa

ILLUM, bħal fi żminijiet Bibliċi, xi kulturi jirrikjedu li jitħallas il-​prezz taʼ l-​għarusa qabel ma raġel u mara jkunu jistgħu jiżżewġu. “Naħdimlek għal sebaʼ snin għal Rakel, bintek iż-​żgħira,” qal Ġakobb lil Laban, ħatnu tal-​futur. (Ġenesi 29:18) Minħabba l-​imħabba li Ġakobb kellu għal Rakel, hu offra prezz għoli​—li kien jiswa daqs paga taʼ sebaʼ snin! Laban aċċetta l-​offerta imma qarraq b’Ġakobb billi l-​ewwel ġagħlu jiżżewweġ lil bintu l-​kbira, Lija. Laban baqaʼ jittratta lil Ġakobb bil-​qerq. (Ġenesi 31:41) L-​enfasi li Laban poġġa fuq il-​qligħ materjali wassal biex uliedu l-​bniet ma jibqgħux jirrispettawh. “Ma aħniex qisna barranin għalih? Ma begħniex u kiel ukoll flusna?” staqsew huma.—Ġenesi 31:15.

B’sogħba, fid-​dinja materjalistika tal-​lum, ħafna ġenituri huma bħal Laban. U xi wħud huma ferm agħar. Skond gazzetta Afrikana, xi żwiġijiet jiġu nnegozjati “sempliċement biex missirijiet rgħiba jdaħħlu xi ħaġa fil-​but.” Fattur ieħor huwa l-​pressjoni ekonomika li tħajjar lil xi ġenituri biex iqisu lil uliedhom bniet bħala mezzi biex inaqqsu xi kriżi finanzjarja.a

Xi ġenituri ma jħallux lil uliedhom bniet jiżżewġu biex joqogħdu jistennew lil min jagħmel l-​akbar offerta. Dan jistaʼ jikkaġuna problemi serji. Riporter taʼ gazzetta li jinsab fl-​Afrika tal-​Lvant kiteb: “Xi żgħażagħ jagħżlu li jaħarbu mid-​dar biex jevitaw li jiġu mitlubin xi doti eċċessivi minn kunjati persistenti.” L-​immoralità sesswali hija waħda mill-​problemi kkaġunati minħabba li jitolbu prezz għoli għall-​għarusa. Barra minn hekk, xi rġiel żgħażagħ jirnexxilhom jixtru l-​mara imma jidħlu f’dejn kbir. “Il-​ġenituri għandhom ikunu raġunevoli,” ħeġġeġ ħaddiem fid-​dipartiment taʼ l-​għajnuna soċjali fl-​Afrika taʼ Isfel. “M’għandhomx jitolbu ammonti kbar. Il-​koppja miżżewġa friska trid tgħix . . . Mela għala ġġiegħel liż-​żagħżugħ jiżborża?”

Il-ġenituri Kristjani kif jistgħu jkunu taʼ eżempju fir-​raġunevolezza meta jinnegozjaw għall-​ħlas jew għall-​irċevuta tal-​prezz taʼ l-​għarusa? Din hija kwistjoni serja, għax il-​Bibbja tikkmanda: “Il-​ħlewwa [“r-​raġunevolezza,” NW] tagħkom, ħa jkunu jafuha l-​bnedmin kollha.”—Filippin 4:5.

Il-​Prinċipji Raġunevoli tal-​Bibbja

Kemm jekk il-​ġenituri Kristjani jiddeċiedu li jinnegozjaw għall-​prezz taʼ l-​għarusa jew le, dik hija deċiżjoni persunali. Jekk jiddeċiedu li jagħmlu hekk, dawn in-​negozjati jridu jsiru f’armonija maʼ prinċipji Bibliċi. “Tkunux mogħtija għar-​rebgħa tal-​flus,” tgħid il-​Kelma t’Alla. (Lhud 13:5) Jekk dan il-​prinċipju m’huwiex evidenti fin-​negozjati taż-​żwieġ, ġenitur Kristjan għandu mnejn ikun qed juri li m’huwiex eżemplari. Irġiel li għandhom pożizzjonijiet responsabbli fil-​kongregazzjoni Kristjana jridu jkunu ‘ġwejdin [“raġunevoli,” NW],’ mhux ‘rgħiba għall-​flus’ jew “għall-​qligħ baxx tal-​flus.” (1 Timotju 3:3, 8) Kristjan li bir-​regħba u bla ndiema jisloħ partita flus bħala prezz taʼ l-​għarusa jistaʼ saħansitra jiġi maqtugħ mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni.—1 Korintin 5:11, 13; 6:9, 10.

Minħabba l-​problemi kkaġunati mir-​regħba, xi gvernijiet ħarġu liġijiet li stabbilew limiti fuq il-​prezz taʼ l-​għarusa. Per eżempju, liġi fil-​pajjiż taʼ Togo fl-​Afrika tal-​Punent tgħid li l-​prezz taʼ l-​għarusa “jistaʼ jitħallas b’affarijiet jew bi flus jew bit-​tnejn li huma.” Il-​liġi żżid: “Fl-​ebda każ l-​ammont m’għandu jaqbeż is-​somma taʼ 10,000 F CFA (US$20.00).” Il-​Bibbja ripetutament tikkmanda lill-​Kristjani biex ikunu ċittadini li josservaw il-​liġi. (Titu 3:1) Anki jekk il-​gvern ma jesiġix li din il-​liġi tiġi osservata, Kristjan veru xorta jrid jobdiha. B’hekk, hu se jżomm kuxjenza nadifa quddiem Alla u ma jkunx kaġun taʼ tfixkil għal ħaddieħor.—Rumani 13:1, 5; 1 Korintin 10:32, 33.

Min Hu Responsabbli għan-​Negozjati?

F’xi kulturi, il-​mod kif jiġi nnegozjat il-​prezz taʼ l-​għarusa jistaʼ ma jkunx fi qbil maʼ prinċipju ieħor importanti. Skond il-​Bibbja, il-​missier huwa responsabbli għal dak li jiġri fil-​familja tiegħu. (1 Korintin 11:3; Kolossin 3:18, 20) Għalhekk, dawk li għandhom pożizzjonijiet responsabbli fil-​kongregazzjoni jridu jkunu rġiel li “jafu jmexxu ’l uliedhom u ’l djarhom sewwa.”—1 Timotju 3:12.

Madankollu, tistaʼ tkun ħaġa komuni fil-​komunità li n-​negozjati importanti taż-​żwieġ jitħallew f’idejn il-​qraba tal-​kap tal-​familja. U dawn il-​qraba jitolbu sehem mill-​prezz taʼ l-​għarusa. Dan ikun taʼ prova għall-​familji Kristjani. Minħabba d-​drawwa tal-​post, xi kapijiet tal-​familja jippermettu li qraba li ma jemmnux jitolbu prezz għoli taʼ l-​għarusa. Dan xi drabi wassal biex tfajla Kristjana tiżżewweġ lil xi ħadd taʼ twemmin ieħor. Dan huwa kuntrarju għat-​twissija li l-​Kristjani għandhom jiżżewġu “basta fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:39) Kap taʼ familja li jippermetti lill-​qraba li m’humiex taʼ l-​istess twemmin jieħdu deċiżjonijiet li jkunu taʼ detriment għall-​ġid spiritwali taʼ wliedu, ma jistax jitqies bħala li “jaf imexxi tajjeb id-​dar tiegħu.”—1 Timotju 3:4.

Bħal fil-​każ tal-​patrijarka Abraham, li kellu l-​biżaʼ t’Alla, x’jiġri jekk missier Kristjan ma jkollux x’jaqsam direttament fin-​negozjati taż-​żwieġ taʼ waħda minn uliedu? (Ġenesi 24:2-4) Jekk xi ħaddieħor jiġi magħżul biex jagħmel dan, il-​missier Kristjan għandu jaċċerta ruħu li n-​negozjatur isegwi l-​istruzzjonijiet li huma f’armonija mal-​prinċipji raġunevoli tal-​Bibbja. Iktar minn hekk, qabel ma jittieħdu xi deċiżjonijiet biex jiġi nnegozjat il-​prezz taʼ l-​għarusa, il-​ġenituri Kristjani jridu jaħsbu bis-​serjetà dwar x’hemm involut u ma jintilfux iżżejjed wara drawwiet jew ħtiġijiet mhux raġunevoli.—Proverbji 22:3.

Nevitaw Karatteristiċi mhux Kristjani

Il-​Bibbja tikkundanna l-​kburija u li wieħed ‘jiffanfra bil-​mezzi tiegħu tal-​ħajja.’ (1 Ġwann 2:16, NW; Proverbji 21:4) Madankollu, xi individwi li jassoċjaw mal-​kongregazzjoni Kristjana wrew dawn il-​karatteristiċi fin-​negozjati taż-​żwieġ tagħhom. Xi wħud jimitaw lid-​dinja billi joqogħdu jiffanfraw kemm ħallsu jew juru l-​irċevuta tal-​prezz għoli taʼ l-​għarusa. Mill-​banda l-​oħra, wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society fl-​Afrika jirrapporta: “Xi rġiel ma wrewx rispett għall-​familja tal-​mara meta dawn kienu raġunevoli fit-​talbiet tagħhom, billi ħassew li n-​nisa tagħhom kienu jiswew iktar mill-​prezz taʼ ‘mogħża.’”

Xi Kristjani tant ħakmithom ir-​regħba għal prezz għoli taʼ l-​għarusa li dan wassalhom għal konsegwenzi traġiċi. Per eżempju, ikkunsidra dan ir-​rapport minn uffiċċju tal-​fergħa ieħor tal-​Watch Tower Society: “Ġeneralment huwa iebes għall-​aħwa ġuvintur biex jiżżewġu jew għall-​aħwa nisa biex isibu sieħeb. Il-​konsegwenza hija numru li qed jiżdied taʼ qtugħ mis-​sħubija minħabba l-​immoralità sesswali. Xi aħwa rġiel imorru jaħdmu fil-​minjieri biex ifittxu d-​deheb jew id-​djamanti li jistgħu jbigħuhom ħalli jkollhom biżżejjed flus biex jiżżewġu. Dan jistaʼ jiħdilhom sena jew sentejn jew forsi iktar, u normalment dawn jiddgħajfu spiritwalment hekk kif jonqsu milli jassoċjaw maʼ l-​aħwa u mal-​kongregazzjoni.”

Sabiex jevitaw konsegwenzi taʼ niket bħal dawn, il-​ġenituri Kristjani għandhom isegwu l-​eżempju taʼ wħud maturi fil-​kongregazzjoni. Għalkemm ma kienx ġenitur, l-​appostlu Pawlu kien raġunevoli fil-​mod kif ittratta lil sħabu kredenti. Kien joqgħod attent biex jevita li jimponi xi tagħbija finanzjarja fuq xi ħadd. (Atti 20:33) Ċertament, ġenituri Kristjani għandhom jikkunsidraw l-​eżempju bla egoiżmu tiegħu meta jiġu biex jinnegozjaw il-​prezz taʼ l-​għarusa. Fil-​fatt, Pawlu kien imnebbaħ b’mod divin biex jikteb: “Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skond l-​eżempju li rajtu fina.”—Filippin 3:17.

Eżempji taʼ Raġunevolezza

Meta waslu għan-​negozjati taż-​żwieġ, ħafna ġenituri Kristjani taw eżempju mill-​aħjar taʼ raġunevolezza. Ikkunsidra l-​każ taʼ Joseph u martu, Mae, li jaqdu bħala evanġelizzaturi full-time.b Huma jgħixu fuq waħda mis-​Solomon Islands fejn xi drabi n-​negozjati tal-​prezz taʼ l-​għarusa huma problema. Biex jevitaw diffikultajiet bħal dawn, Joseph u Mae għamlu arranġamenti biex binthom Helen tiżżewweġ fuq gżira fil-​viċin. Għamlu l-​istess ħaġa għal binthom l-​oħra, Esther. Joseph qabel ukoll li r-​raġel taʼ bintu, Peter, iħallas prezz taʼ l-​għarusa ħafna inqas minn dak li jistaʼ jiġi aċċettat b’mod raġunevoli. Meta ġie mistoqsi għala għamel hekk, Joseph spjega: “Ma ridtx inqiegħed tagħbija fuq ir-​raġel taʼ binti li hu pijunier.”

Ħafna mix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Afrika wkoll taw eżempju mill-​aħjar taʼ raġunevolezza. F’xi nħawi, membri tal-​familja estiża ġeneralment jippretendu li jitħallas ammont kbir taʼ flus qabel ma jibdew in-​negozjati dwar il-​prezz attwali taʼ l-​għarusa. U biex ikun żgur mill-​għarusa, l-​għarus għandu mnejn ikun mistenni li jwiegħed li fil-​futur kien se jagħmel tajjeb għall-​prezz taʼ l-​għarusa taʼ ħuha ż-​żgħir.

B’kuntrast, ikkunsidra l-​eżempju taʼ Kossi u martu, Mara. Binthom, Beboko, reċentement iżżewġet indokratur li jivvjaġġa tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Qabel iż-​żwieġ, il-​qraba għamlu pressjoni kbira fuq il-​ġenituri għas-​sehem tagħhom mill-​prezz għoli taʼ l-​għarusa. Madankollu, il-​ġenituri ħadu waqfa soda u ma mxewx skond dawn it-​talbiet. Minflok, huma nnegozjaw direttament maʼ l-​għarus taʼ binthom, billi talbu prezz minimu għal binthom u mbagħad reġgħu tawh nofshom lura biex jużawhom fil-​preparamenti tat-​tieġ tagħhom.

Eżempju ieħor fl-​istess pajjiż jinvolvi Xhud żagħżugħa jisimha Itongo. Għall-​ewwel, il-​familja tagħha talbet prezz taʼ l-​għarusa raġunevoli. Imma l-​qraba talbu li dak l-​ammont jiżdied. L-​atmosfera kienet waħda diffiċli, u kien jidher li se tgħaddi tagħhom. Għalkemm kienet persuna timida, Itongo qamet bil-​wieqfa u bir-​rispett kollu stqarret li kienet iddeterminata li tiżżewweġ lil wieħed Kristjan żeluż jismu Sanze, skond kif saru l-​arranġamenti. Imbagħad b’kuraġġ qalet, “Mbi ke” (jiġifieri, “Il-​kwistjoni hija deċiża”) u poġġiet bil-​qiegħda. Hi kienet appoġġata minn ommha Sambeko, li hi Kristjana. Id-​diskussjoni waqfet hemm, u t-​tnejn iżżewġu kif kien ippjanat oriġinalment.

Hemm affarijiet li l-​ġenituri Kristjani kollhom imħabba huma mħassbin dwarhom ferm iktar mill-​benefiċċju persunali tal-​prezz taʼ l-​għarusa. Wieħed raġel miżżewweġ mill-​Kamerun jispjega: “Omm il-​mara taħtaf kull opportunità biex tfakkarni li dak kollu li ridt nagħtiha bħala l-​prezz taʼ l-​għarusa, għandi nużah biex nieħu ħsieb tal-​bżonnijiet taʼ bintha.” Ġenituri li jħobbu huma kkonċernati wkoll dwar il-​ġid spiritwali taʼ wliedhom. Per eżempju, ikkunsidra lil Farai u Rudo, li jgħixu ġewwa ż-​Żimbabwe u jqattgħu ħafna ħin fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Għalkemm ma kellhomx xi impjieg, huma żewġu liż-​żewġ uliedhom bniet għal prezz ferm inqas minn dak li normalment jintalab. Għala? Għax riedu li wliedhom jibbenefikaw milli jiżżewġu rġiel li verament iħobbu lil Jehovah. “L-​iktar ħaġa li rajnieha importanti kienet l-​ispiritwalità kemm taż-​żewġ uliedna kif ukoll taʼ l-​irġiel tagħhom,” spjegaw huma. X’differenza! Ġenituri li juru interess bl-​imħabba għall-​benesseri spiritwali u materjali taʼ wliedhom miżżewġin ħaqqhom kull tifħir.

Il-​Benefiċċji tar-​Raġunevolezza

Joseph u Mae mis-​Solomon Islands ġew imberkin għall-​mod kif immaniġġaw b’attenzjoni u b’ġenerożità ż-​żwiġijiet taʼ wliedhom bniet. B’hekk, l-​irġiel taʼ wliedhom ma kellhomx dejn. Minflok, iż-​żewġ koppji setgħu jqattgħu ħafna snin fix-​xogħol full-time biex ixerrdu l-​messaġġ tas-​Saltna. Hekk kif iħares lura, Joseph jgħid: “Id-​deċiżjonijiet li ħadna jien u l-​familja tiegħi rriżultaw f’barkiet għonja. Veru, xi drabi kien hemm ħafna pressjoni min-​naħa taʼ dawk li ma setgħux jifhmu, imma jien għandi kuxjenza nadifa u kuntentizza hekk kif nara lil uliedi medhijin u b’saħħithom fis-​servizz taʼ Jehovah. Huma wkoll ferħanin, u jien u marti tant aħna ferħanin.”

Benefiċċju ieħor kien relazzjonijiet tajbin bejn iż-​żewġ familji. Per eżempju, Zondai u Sibusiso, flimkien man-​nisa tagħhom li huma aħwa propja, jaqdu bħala ħaddiema volontieri fil-​fergħa tal-​Watch Tower Society ġewwa Żimbabwe. Missier in-​nisa tagħhom, Dakarai, huwa evanġelizzatur full-time u ma jdaħħal ebda paga. Matul in-​negozjati tal-​prezz taʼ l-​għarusa, hu qal li kien kuntent b’dak kollu li setgħu jagħtuh. “Aħna nħobbuh ħafna lil kunjatu tagħna,” qalu Zondai u Sibusiso, “u nagħmlu dak kollu possibbli biex ngħinuh jekk jiġi fil-​bżonn.”

Iva, li tkun raġunevoli fin-​negozjati tal-​prezz taʼ l-​għarusa jikkontribwixxi għall-​hena fil-​familja. Per eżempju, il-​miżżewġin friski ma jkollhomx dejn, u b’hekk ikun iktar faċli għalihom li jaġġustaw ruħhom għall-​ħajja miżżewġa. Dan għen ħafna lil koppji żgħażagħ biex iħabirku għal barkiet spiritwali, bħal f’li jaqdu full-time fix-​xogħol urġenti taʼ li jippridkaw u jagħmlu dixxipli. U dan jirriżulta f’li jġib glorja lill-​Oriġinatur taż-​żwieġ kollu mħabba, Alla Jehovah.—Mattew 24:14; 28:19, 20.

Dawn Raddew Lura l-​Prezz taʼ l-​Għarusa

F’xi komunitajiet, l-​għarusa u l-​ġenituri tagħha jiġu ddisprezzati jekk id-​dota taʼ l-​għarusa tkun baxxa. B’hekk, il-​kburija u x-​xewqa li juru minn liema stat soċjali ġejjin ikunu xi drabi l-​motivi għala jinnegozjaw prezz għoli. Familja ġewwa Lagos, fin-​Niġerja, tipprovdi kuntrast rifreskanti. Ir-​raġel taʼ binthom, Dele, jispjega: “Il-​familja taʼ marti ħelsuni minn ħafna spejjeż li kellhom x’jaqsmu maċ-​ċerimonja tradizzjonali tal-​prezz taʼ l-​għarusa, bħal per eżempju, li nixtri tibdiliet taʼ ħwejjeġ li jiswew il-​flus. Saħansitra meta l-​familja tiegħi ppreżentawlhom il-​prezz taʼ l-​għarusa, ir-​rappreżentant tagħhom staqsa: ‘Tridu tieħdu lil din it-​tfajla bħala mara jew bħala bint?’ Il-​familja tiegħi wieġbet flimkien: ‘Irridu niħduha bħala bint.’ Wara dan, raddewlna lura l-​prezz taʼ l-​għarusa fl-​istess envelop. “Jien għadni sal-​lum napprezza l-​mod taʼ kif il-​ġenituri tal-​mara tiegħi mmaniġġaw it-​tieġ tagħna. Dan qanqalni biex nirrispettahom iktar. Il-​ħarsa spiritwali eċċellenti tagħhom iġġagħalni nqishom bħala l-​familja għażiża tiegħi. Dan kellu wkoll effett tremend fuq il-​mod kif inqis lil marti. Żviluppajt apprezzament profond lejha minħabba l-​mod taʼ kif ġejt ittrattat mill-​familja tagħha. Meta jkollna xi nuqqas taʼ qbil, ma nħallix li dan jikber u jsir problema. Appena niftakar minn liema familja ġejja, in-​nuqqas taʼ qbil jiċkien. “Il-​familja tiegħi u tagħha saru magħqudin f’rabtiet taʼ ħbiberija. Saħansitra issa, wara sentejn li ilna miżżewġin, missieri għadu jibgħat rigali u affarijiet taʼ l-​ikel lill-​familja taʼ marti.”

[Noti taʼ taħt]

a F’xi kulturi, is-​sitwazzjoni hija bil-​kuntrarju. Il-​familja taʼ l-​għarus jippretendu xi dota mingħand il-​ġenituri taʼ l-​għarusa.

b L-ismijiet f’dan l-​artiklu ġew issostitwiti.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja