Traduzzjoni tal-Bibbja li Biddlet lid-Dinja
Meta Mosè, Il-profeta T’alla, Beda Jikteb Il-bibbja ’L fuq Minn 3,500 Sena Ilu, Ġens Żgħir Wieħed Biss Setaʼ Jaqraha. (Dewteronomju 7:7) Dan Kien Għaliex L-iskrittura Kienet Disponibbli Biss fl-ilsien Ebrajk Oriġinali Taʼ Dak Il-ġens. Madankollu, Maż-żmien Dan Kellu Jinbidel.
IT-TIXRID tal-messaġġ tal-Bibbja u l-influwenza pożittiva tiegħu matul is-sekli huma fil-parti l-kbira r-riżultat taʼ l-ewwel traduzzjoni tagħha—is-Settanta (Septuagint Version). Din għala saret? U kemm hu minnu li din kienet Bibbja li biddlet lid-dinja?
Traduzzjoni Ispirata?
Wara l-eżilju tagħhom fil-Babilonja matul is-sebaʼ u s-sitt sekli Q.E.K., ħafna Lhud baqgħu barra l-art taʼ Iżrael u Ġuda tal-qedem. Għal-Lhud li twieldu fl-eżilju, l-Ebrajk sar it-tieni lingwa. Sat-tielet seklu Q.E.K., f’Lixandra, l-Eġittu—li kienet ċentru kulturali ewlieni taʼ l-Imperu Grieg—kien hemm komunità Lhudija. Dawn il-Lhud raw l-importanza taʼ li jittraduċu l-Iskrittura Sagra għall-Grieg, li dak iż-żmien kienet il-lingwa prinċipali tagħhom.
Sa dak iż-żmien, il-messaġġ ispirat tal-Bibbja kien ġie ddokumentat bl-Ebrajk, b’xi porzjonijiet żgħar miktubin bl-Aramajk, lingwa li tixbah ħafna lill-Ebrajk. Kien sejjer inaqqas mill-effetti qawwijin taʼ l-ispirazzjoni divina, forsi wkoll iwassal għal interpretazzjonijiet żbaljati, li tesprimi l-Kelma t’Alla b’lingwa differenti? Setgħu l-Lhud, li kienu ġew fdati bil-Kelma ispirata, iħallu lilhom infushom jissograw li jinterpretaw ħażin il-messaġġ permezz tat-traduzzjoni?—Salm 147:19, 20; Rumani 3:1, 2.
Dawn il-kwistjonijiet sensittivi qanqlu l-biżaʼ. Madankollu, it-tħassib li l-Lhud ma kinux se jibqgħu jifhmu l-Kelma t’Alla finalment kien jisboq il-konsiderazzjonijiet l-oħrajn kollha. Ittieħdet deċiżjoni biex tiġi ppreparata traduzzjoni Griega tat-Tora—l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja, miktubin minn Mosè. Il-proċess attwali tat-traduzzjoni huwa moħbi fil-leġġendi. Skond il-Letter of Aristeas, il-ħâkem Eġizzjan Ptolomew II (285-246 Q.E.K.) ried kopja għal-librerija rjali tiegħu tal-Pentatewku (jew, Tora) tradott għall-Grieg. Hu qabbad 72 studjuż Lhudi, li marru l-Eġittu minn Iżrael u lestew it-traduzzjoni fi 72 jum. Imbagħad din it-traduzzjoni nqrat quddiem il-komunità Lhudija, li stqarret li kienet kemm sabiħa u kemm preċiża. Tiżjin li sar iktar tard f’din l-istorja sostna li kull traduttur tqiegħed f’kamra differenti, u madankollu t-traduzzjonijiet tagħhom kienu identiċi, ittra b’ittra. Minħabba t-tradizzjoni li tgħid li kienu 72 traduttur, din it-traduzzjoni Griega tal-Bibbja saret magħrufa bħala s-Settanta, ibbażata fuq kelma Latina li tfisser “Sebgħin.”
Ħafna mill-istudjużi tal-lum jaqblu li l-Letter of Aristeas hija kitba apokrifa. Huma jemmnu wkoll li l-inizjattiva għat-traduzzjoni ġiet, mhux minn Ptolomew II, imma mill-mexxejja tal-komunità Lhudija taʼ Lixandra. Imma l-kitbiet taʼ Filo, filosfu Lhudi minn Lixandra, u taʼ Ġużeppi Flavju, storjografu Lhudi, kif ukoll it-Talmud kollha juru t-twemmin ġenerali li kien jeżisti fost il-Lhud taʼ l-ewwel seklu li s-Settanta kienet ispirata daqs kemm kienet ispirata l-Iskrittura oriġinali. Bla dubju, tradizzjonijiet bħal dawn irriżultaw mill-isforz li sar biex is-Settanta tkun aċċettabbli għall-komunità Lhudija madwar id-dinja.
Għalkemm it-traduzzjoni inizjali kienet tinvolvi biss il-ħames kotba taʼ Mosè, l-isem Settanta eventwalment sar jiġbor fih l-Iskrittura Ebrajka kollha kemm hi tradotta għall-Grieg. Il-bqija tal-kotba ġew tradotti fil-mitt sena taʼ wara jew ftit iktar. Iżjed milli saret bi sforz koordinat, il-produzzjoni tas-Settanta kollha kemm hi saret biċċa biċċa. It-tradutturi ma kellhomx l-istess abbiltajiet u għarfien fl-Ebrajk. Il-biċċa l-kbira tal-kotba ġew tradotti litteralment, xi drabi b’mod estrem, waqt li traduzzjonijiet oħrajn kienu kemxejn liberi. Xi ftit jeżistu kemm f’verżjonijiet twal u kemm f’verżjonijiet qosra. Sat-tmiem tat-tieni seklu Q.E.K., il-kotba kollha taʼ l-Iskrittura Ebrajka setgħu jinqraw bil-Grieg. Minkejja riżultati inkonsistenti, l-effett taʼ li l-Iskrittura Ebrajka tiġi tradotta għall-Grieg kien ħafna iktar qawwi minn dak li setgħu stennew it-tradutturi nfushom.
Ġafet fl-Għerejjex taʼ Sem?
Meta jiddiskuti s-Settanta, it-Talmud jikkwota lil Ġenesi 9:27: “Ġafet . . . jgħammar . . . fl-għerejjex taʼ Sem.” (Megilla 9b, Talmud Babiloniż) It-Talmud jimplika figurattivament li permezz tas-sbuħija tal-lingwa Griega tas-Settanta, Ġafet (missier Ġawan, li minnu ġew il-Griegi) għammar fl-għerejjex taʼ Sem (missier il-ġens taʼ Iżrael). Madankollu, nistgħu ngħidu wkoll li permezz tas-Settanta, Sem għammar fl-għerejjex taʼ Ġafet. Dan kif?
Wara l-konkwisti t’Alessandru l-Kbir, fl-aħħar parti tar-rabaʼ seklu Q.E.K., sar sforz intensiv biex jinfirxu l-lingwa u l-kultura Griegi madwar il-pajjiżi kkonkwistati kollha. Din il-politika kienet tissejjaħ l-Ellenizzazzjoni. Il-Lhud kienu jħossuhom taħt attakk kulturali kontinwu. Jekk kienu se jippersistu l-kultura u l-filosofija Griegi, ir-reliġjon infisha tal-Lhud kienet se tiddgħajjef. X’setaʼ jwaqqaf it-tixrid taʼ dan l-attakk?
Rigward wieħed mill-motivi possibbli għala l-Lhud ittraduċew is-Settanta, Max Margolis, traduttur Lhudi tal-Bibbja, jikkummenta: “Jekk wieħed jassumi li l-komunità Lhudija oriġinat l-idea taʼ din it-traduzzjoni, motiv ieħor kien ikun involut, jiġifieri, li tiftaħ il-Liġi Lhudija għall-ispezzjoni tal-popolazzjoni Ġentili u li tikkonvinċi lid-dinja li l-Lhud ippossedew kultura li kienet rivali maʼ l-għerf Elleniku [Grieg].” Għalhekk, li l-Iskrittura Ebrajka ssir disponibbli għad-dinja li kienet titkellem bil-Grieg setaʼ kien kemm forma taʼ awto-difiża kif ukoll taʼ kontra-attakk.
Permezz tal-politika t’Ellenizzazzjoni minn Alessandru, il-Grieg kien sar il-lingwa internazzjonali tad-dinja. Saħansitra meta r-Rumani għelbu u okkupaw il-qasam tiegħu, il-Grieg komuni (jew, Koine) baqaʼ l-lingwa tal-kummerċ u tal-komunikazzjoni bejn il-ġnus. Jekk dan kienx ir-riżultat taʼ xi sforz meqjus jew inkella taʼ xi żvilupp naturali, il-verżjoni Settanta taʼ l-Iskrittura Ebrajka malajr sabet ruħha fid-djar u l-qlub taʼ ħafna li ma kinux Lhud u li qabel ma kinux midħla t’Alla u tal-Liġi tal-Lhud. Ir-riżultati kienu taʼ l-għaġeb.
Proseliti u Wħud li Kellhom il-Biżaʼ t’Alla
Sa l-ewwel seklu E.K., Filo setaʼ jikteb li s-“sbuħija u d-dinjità tal-leġislazzjoni taʼ Mosè huma onorati mhux fost il-Lhud biss, imma wkoll mill-ġnus l-oħrajn kollha.” Rigward il-Lhud li fl-ewwel seklu kienu jgħixu barra mill-Palestina, l-istorjografu Joseph Klausner jgħid: “Huwa diffiċli biex temmen li dawn il-miljuni kollha taʼ Lhud kienu nġemgħu billi emigraw mill-pajjiż daqshekk żgħir tal-Palestina biss. Wieħed ikollu jgħid bilfors li din iż-żjieda kbira tinkludi wkoll numru kbir taʼ rġiel u nisa proseliti.”
Madankollu, dawn il-punti impressjonanti ma jgħidux l-istorja kollha. L-awtur Shaye J. D. Cohen, professur taʼ l-istorja Lhudija, jiddikjara: “Ħafna ġentili, kemm irġiel u kemm nisa, ikkonvertew għall-Ġudaiżmu matul l-aħħar sekli Q.E.K. u fl-ewwel żewġ sekli E.K. Madankollu, dawk il-ġentili li aċċettaw ċerti aspetti tal-Ġudaiżmu imma li ma kkonvertewx għalkollox għalih, kienu saħansitra iktar numerużi minn hekk.” Kemm Klausner u kemm Cohen jirreferu għal dawn l-uħud mhux ikkonvertiti bħala wħud li kellhom il-biżaʼ t’Alla, espressjoni li tidher taʼ spiss fil-letteratura Griega taʼ dak il-perijodu.
X’inhi d-differenza bejn proselita u wieħed li kellu l-biżaʼ t’Alla? Il-proseliti kienu dawk li kkonvertew għalkollox, u kienu kkunsidrati Lhud f’kull sens minħabba li aċċettaw lil dak Alla taʼ Iżrael (billi ċaħdu lill-allat l-oħrajn kollha), ġew ċirkonċiżi, u ngħaqdu mal-ġens taʼ Iżrael. B’kuntrast, Cohen jgħid rigward l-uħud li kellhom il-biżaʼ t’Alla: “Għalkemm dawn il-ġentili osservaw numru mill-prattiċi tal-Lhud u qiemu f’għamla jew oħra lil dak Alla tal-Lhud, ma rawx lilhom infushom bħala Lhud u ħaddieħor ma kienx jarahom bħala Lhud.” Klausner jiddeskrivihom bħala “dawk li kienu qegħdin fit-triq tan-nofs,” minħabba li aċċettaw il-Ġudaiżmu u “osservaw parti mid-drawwiet tiegħu, imma . . . ma sarux Lhud kompletament.”
Forsi xi wħud saru interessati f’Alla minħabba diskussjonijiet maʼ Lhud li kienu jieħdu sehem fix-xogħol missjunarju jew billi osservaw kif il-Lhud kienu differenti fil-kondotta, fid-drawwiet, u fil-manjieri tagħhom. Madankollu, is-Settanta kienet l-għodda prinċipali li assistiet lil dawn l-uħud li kellhom il-biżaʼ t’Alla biex jitgħallmu dwar Alla Jehovah. Fil-waqt li m’hemm ebda mod li jgħinna naslu għan-numru eżatt taʼ l-uħud li kellhom il-biżaʼ t’Alla fl-ewwel seklu, is-Settanta mingħajr ebda dubju xerrdet xi għarfien dwar Alla fil-partijiet kollha taʼ l-Imperu Ruman. Permezz tas-Settanta, kien qed jitqiegħed ukoll pedament importanti.
Is-Settanta Għenet biex Tipprepara t-Triq
Is-Settanta kellha parti prominenti fit-tixrid tal-messaġġ tal-Kristjanità. Ħafna Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg kienu fost dawk preżenti fit-tisjis tal-kongregazzjoni Kristjana nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K. Xi proseliti kienu wkoll fost dawk li saru dixxipli taʼ Kristu f’dak l-istadju hekk bikri. (Atti 2:5-11; 6:1-6; 8:26-38) Ladarba l-kitbiet ispirati taʼ l-appostli u dixxipli bikrin oħrajn taʼ Ġesù kienu intenzjonati għal udjenza estensiva kemm jistaʼ jkun, huma ġew iddokumentati bil-Grieg.a Għalhekk, ħafna kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Ebrajka li jidhru fl-Iskrittura Kristjana Griega kienu bbażati fuq is-Settanta.
Barra mil-Lhud naturali u l-proseliti kien hemm oħrajn ukoll li kienu lesti jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna. Il-Ġentil Kornelju “flimkien mal-familja tiegħu kollha, kien bniedem sewwa u kellu l-biżaʼ taʼ Alla; kien jagħmel ħafna opri taʼ karità mal-poplu u kien dejjem jitlob lil Alla.” Fis-sena 36 E.K., Kornelju, il-familja tiegħu, u oħrajn li kienu jinġabru f’daru saru l-ewwel Ġentili mgħammdin bħala segwaċi taʼ Kristu. (Atti 10:1, 2, 24, 44-48; qabbel Luqa 7:2-10.) Meta l-appostlu Pawlu vvjaġġa b’mod estensiv fl-Asja Minuri u l-Greċja, hu ppriedka lil ħafna Ġentili li kienu diġà jibżgħu minn Alla kif ukoll lil “Grieg[i] li kienu jqimu lil Alla.” (Atti 13:16, 26; 17:4) Kornelju u dawk il-Ġentili l-oħrajn għala kienu lesti li jaċċettaw l-aħbar tajba? Is-Settanta kienet għenet biex tiġi ppreparata t-triq. Wieħed studjuż jaħseb li s-Settanta “hija ktieb taʼ importanza hekk sinjifikanti li apparti minnha la l-Kristjaneżmu u lanqas il-kultura tal-Punent ma setgħu jkunu possibbli.”
Is-Settanta Titlef l-“Ispirazzjoni” Tagħha
L-użu estensiv tas-Settanta eventwalment ikkaġuna reazzjoni ostili u estensiva fost il-Lhud. F’diskussjonijiet mal-Kristjani, per eżempju, il-Lhud sostnew li s-Settanta kienet traduzzjoni ħażina. Sat-tieni seklu E.K., il-komunità Lhudija kienet tat daharha kompletament lit-traduzzjoni li darba hi kienet faħħritha bħala ispirata. Ir-rabbini ċaħdu l-leġġenda tat-72 traduttur, billi stqarrew: “Darba waħda ġara li ħames anzjani kitbu t-Tora bil-Grieg għas-Sultan Ptolomew, u dak il-jum kien taʼ saħta għal Iżrael daqs il-jum li fih kien sar l-għoġol tad-deheb, ladarba t-Tora ma setgħetx tkun tradotta b’eżattezza.” Biex ikunu żguri li jkun hemm qbil iktar strett mal-ħarsiet rabbiniċi, ir-rabbini awtorizzaw traduzzjoni ġdida għall-Grieg. Ġiet tradotta fit-tieni seklu E.K. minn proselita Lhudi bl-isem taʼ Akwila, dixxiplu tar-rabbi Akiba.
Is-Settanta ma baqgħetx tintuża mil-Lhud, imma saret il-bażi tat-“Testment il-Qadim” tal-Knisja Kattolika, li issa kienet qed tifforma ruħha, sakemm ħadet postha l-Vulgata Latina taʼ Ġirolmu. Għalkemm traduzzjoni qatt ma tistaʼ tieħu post l-oriġinal, is-Settanta lagħbet parti importanti f’li xxerred l-għarfien dwar Alla Jehovah u dwar Saltnatu permezz taʼ Ġesù Kristu. Verament, is-Settanta hija traduzzjoni tal-Bibbja li biddlet lid-dinja.
[Nota taʼ taħt]
a Jistaʼ jkun li l-Vanġelu taʼ Mattew ġie l-ewwel miktub bl-Ebrajk, waqt li verżjoni bil-Grieg ġiet ipprovduta propju ftit taż-żmien wara.
[Stampa f’paġna 31]
Is-“Settanta” kienet tinftiehem minn ħafna nies li lilhom Pawlu ippriedka
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 29]
Bil-permess ġentili taʼ l-Awtorità taʼ l-Antikitajiet taʼ Iżrael