LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 4/15 pp. 4-9
  • Hija l-Ħajja taʼ Dejjem Tabilħaqq Possibbli?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hija l-Ħajja taʼ Dejjem Tabilħaqq Possibbli?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iddisinjati biex Ngħixu għal Dejjem
  • Ix-​Xewqa li Ngħixu għal Dejjem
  • Lil Min Għandna Nafdaw?
  • Huwa Tabilħaqq l-​Iskop t’Alla?
  • L-​Iskop t’Alla ma Nbidilx
  • Nistgħu Ngħixu għal Dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Li Tgħix Għal Dejjem M’huwiex Biss Ħolma
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Kif tistaʼ tgħix għal dejjem?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Int tistaʼ tgħix għal dejjem fuq l-art
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 4/15 pp. 4-9

Hija l-​Ħajja taʼ Dejjem Tabilħaqq Possibbli?

“Mgħallem, x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-​ħajja taʼ dejjem?”—MATTEW 19:16.

1. X’jistaʼ jingħad dwar għomor il-​bniedem?

IS-​SULTAN Persjan Sersi I, magħruf fil-​Bibbja bħala Assweru, kien qiegħed jispezzjona t-​truppi tiegħu qabel battalja fis-​sena 480 Q.E.K. (Ester 1:1, 2) Skond Erodotu, l-​istorjografu Grieg, is-​sultan qabiżlu d-​dmugħ waqt li eżamina n-​nies tiegħu. Għala? “Nitnikket,” qal Sersi, “meta nirrifletti fuq kemm hu qasir għomor il-​bniedem. Għax minn dawn l-​irġiel kollha, lanqas wieħed minnhom ma jkun għadu ħaj minn hawn u mitt sena oħra.” Bla dubju int ukoll innotajt li l-​ħajja hija diżgrazzjatament qasira u li ħadd ma jrid jixjieħ, jimrad, u jmut. O, li kieku nistgħu ngawdu l-​ħajja fi stat taʼ saħħa u hena taż-​żgħożija!—Ġob 14:1, 2.

2. Ħafna liema tama jħaddnu, u għala?

2 B’mod sinjifikanti, The New York Times Magazine tat-​28 taʼ Settembru, 1997, kien fih l-​artiklu “They Want to Live” (‘Iridu Jgħixu’). Dan ikkwota lil wieħed riċerkatur li esklama: “Jien nemmen bis-​serjetà li aħna nistgħu nkunu l-​ewwel ġenerazzjoni li tgħix għal dejjem”! Int ukoll forsi temmen li l-​ħajja taʼ dejjem hija possibbli. Int għandek mnejn temmnu dan għaliex il-​Bibbja twiegħed li aħna nistgħu ngħixu għal dejjem hawn fuq l-​art. (Salm 37:29; Apokalissi 21:3, 4) Madankollu, xi nies huma tal-​fehma li l-​ħajja taʼ dejjem hija possibbli għal raġunijiet differenti minn dawk li jinstabu fil-​Bibbja. Jekk nikkunsidraw xi ftit minn dawn ir-​raġunijiet se jgħinna napprezzaw li l-​ħajja taʼ dejjem hija tabilħaqq possibbli.

Iddisinjati biex Ngħixu għal Dejjem

3, 4. (a) Xi wħud għala jemmnu li għandna nkunu kapaċi ngħixu għal dejjem? (b) David x’qal dwar it-​tiswir tiegħu?

3 Raġuni waħda għala ħafna jemmnu li l-​bnedmin għandhom ikunu kapaċi jgħixu għal dejjem għandha x’taqsam mal-​mod meraviljuż kif aħna magħmulin. Per eżempju, hija verament ħaġa mirakoluża kif ġejna msawrin ġol-​ġuf t’ommna. Espert ewlieni fuq ix-​xjuħija kiteb: “Wara li n-​natura twettaq il-​mirakli li jseħħu fina mit-​tnissil sat-​twelid u mbagħad sal-​maturità sesswali u l-​istat t’adult, din għażlet li ma toħloqx proċess li jidher iżjed sempliċi biex b’hekk iżżomm dawk il-​mirakli għal dejjem.” Iva, meta nikkunsidraw il-​mod mirakoluż taʼ kif ġejna msawrin, tibqaʼ l-​mistoqsija, Għala bilfors ikollna mmutu?

4 Millennji ilu David, il-​kittieb Bibliku kkontempla dwar dawn l-​istess mirakli, għalkemm ma setax attwalment jittawwal ġol-​ġuf bħalma jistgħu jagħmlu x-​xjenzati llum. David immedita dwar it-​tiswir tiegħu nnifsu meta, bħalma kiteb, hu kien ‘mistur f’ġuf ommu.’ Dak in-​nhar, qal, ‘issawru l-​kliewi tiegħu.’ Hu semma wkoll dwar il-​formazzjoni taʼ ‘għadmu’ meta, bħalma osserva, “Kont magħmul fis-​sigriet.” David imbagħad tkellem dwar “l-​embriju tiegħi” u nnota f’konnessjoni maʼ dak l-​embriju ġol-​ġuf t’ommu: “Il-​partijiet kollha tiegħu kienu miktubin.”—Salm 139:13-16, New World Translation.

5. Liema mirakli huma involuti meta nissawru fil-​ġuf?

5 Ovvjament, ma kienx hemm pjanta litterali miktuba bl-​idejn għall-​formazzjoni taʼ David ġol-​ġuf t’ommu. Imma fil-​meditazzjoni taʼ David dwar it-​tiswir tal-​“kliewi” tiegħu, taʼ ‘għadmu,’ u tal-​partijiet l-​oħrajn taʼ ġismu, deherlu bħallikieku li l-​iżvilupp taʼ dawn il-​partijiet kien fi qbil maʼ xi pjan​—li kollox kien, qisu, “bil-​miktub.” Kien bħallikieku ċ-​ċellola ffertilizzata ġol-​ġuf t’ommu kellha kamra kbira mimlija kotba b’istruzzjonijiet iddettaljati dwar kif tifforma tarbija umana u dawn l-​istruzzjonijiet ikkomplikati ġew mgħoddijin lil kull ċellola li kienet toħroġ. B’hekk, ir-​rivista Science World tuża l-​metafora, ‘kull ċellola fl-​embriju li jkun qed jiżviluppa jkollha armarju mimli blueprints.’

6. Liema evidenza hemm li aħna, bħalma kiteb David, ‘magħmulin b’mod taʼ l-​għaġeb’?

6 Qatt ħsibt dwar kemm ġisimna jiffunzjona b’mod mirakoluż? Il-​bijologu Jared Diamond innota: “Aħna nibdlu ċ-​ċelloli li jiksu l-​intestini tagħna darba kull ftit jiem, dawk li jiksu l-​bużżieqa taʼ l-​awrina darba kull xahrejn, u ċ-​ċelloli ħomor tad-​demm darba kull erbaʼ xhur.” Hu kkonkluda: “In-​natura qed iżżarmana u terġaʼ tgħaqqadna kuljum.” Dan x’ifisser attwalment? Ifisser li minkejja kemm snin nistgħu ngħixu​—kemm jekk 8, 80, jew saħansitra 800 sena—​il-ġisem fiżiku tagħna jibqaʼ żagħżugħ ferm. Wieħed xjenzat darba għamel din l-​istima: “F’sena waħda madwar 98 fil-​mija mill-​atomi li hemm ġo fina bħalissa se jiġu mibdulin minn atomi oħrajn li nieħdu ġo fina mill-​arja, l-​ikel, u x-​xorb.” Tabilħaqq, bħalma ddikjara David f’tifħir lil Alla, ‘b’mod taʼ l-​għaġeb għamiltna.’—Salm 139:14.

7. Fuq il-​bażi tad-​disinn tal-​ġisem fiżiku tagħna, xi wħud x’ikkonkludew?

7 Fuq il-​bażi tad-​disinn tal-​ġisem fiżiku tagħna, espert fuq ix-​xjuħija qal: “M’huwiex ovvju għala x-​xjuħija għandha sseħħ.” Tabilħaqq donnu li aħna għandna ngħixu għal dejjem. U dan hu għala l-​bnedmin qegħdin jipprovaw jilħqu din il-​mira permezz tat-​teknoloġija tagħhom. M’ilux wisq, Dr. Alvin Silverstein b’fiduċja kbira kiteb fil-​ktieb tiegħu Conquest of Death: “Aħna għad insibu tarf taʼ l-​essenza tal-​ħajja. Għad nifhmu . . . kif bniedem jixjieħ.” B’liema konsegwenza? Hu bassar: “Mhux se jkun hemm iktar nies ‘xjuħ,’ għax l-​għarfien li se jippermetti r-​rebħa fuq il-​mewt se jġib ukoll żgħożija eterna.” Meta nikkunsidraw ir-​riċerka xjentifika moderna dwar il-​formazzjoni umana, jinstemaʼ daqstant esaġerat il-​ħsieb taʼ ħajja taʼ dejjem? Jerġaʼ hemm raġuni oħra saħansitra akbar biex nemmnu li l-​ħajja taʼ dejjem hija possibbli.

Ix-​Xewqa li Ngħixu għal Dejjem

8, 9. Matul l-​istorja tal-​bniedem in-​nies liema xewqa naturali ħaddnu?

8 Qatt innotajt li hija xewqa umana naturali li ngħixu għal dejjem? Wieħed tabib kiteb f’ġurnal Ġermaniż: “Il-​ħolma taʼ ħajja taʼ dejjem x’aktarx li hi qadima daqs l-​umanità.” Waqt li tiddeskrivi t-​twemmin taʼ ċerti Ewropej tal-​qedem, The New Encyclopædia Britannica tgħid: “Nies li jkunu denji se jgħixu għal dejjem f’sala tiddi msaqqfa bid-​deheb.” O, u safejn waslu xi nies fi sforz biex jissodisfaw dik ix-​xewqa bażika għall-​ħajja taʼ dejjem!

9 The Encyclopedia Americana tosserva li ’l fuq minn 2,000 sena ilu fiċ-​Ċina, “kemm imperaturi u kemm nies [komuni] bl-​istess mod, taħt it-​tmexxija taʼ qassisin Taoisti, ittraskuraw ix-​xogħol biex ifittxu l-​eliżir tal-​ħajja”​—l-​hekk imsejħa funtana taż-​żgħożija. Tabilħaqq, matul l-​istorja tal-​bniedem, xi nies emmnu li billi jużaw diversi taħlitiet, jew saħansitra billi jixorbu ċertu ilma, huma setgħu jibqgħu żgħażagħ.

10. Liema attentat modern kien hemm biex jestendi l-​ħajja?

10 Sforzi moderni biex jipprovaw jissodisfaw ix-​xewqa inerenti tal-​bniedem għall-​ħajja taʼ dejjem huma daqstant rimarkevoli. Eżempju prominenti huwa l-​prattika taʼ l-​iffriżar taʼ bniedem li jkun miet minħabba xi mard. Dan sar bit-​tama li jerġaʼ jingħata l-​ħajja f’xi żmien fil-​futur meta tkun ġiet żviluppata kura għal dik il-​marda. Wieħed proponent taʼ din il-​prattika, li hija msejħa cryonics, kiteb: “Jekk l-​ottimiżmu tagħna jkun iġġustifikat u nitgħallmu kif infejqu jew insewwu kull ħsara​—inkluż id-​dgħjufijiet tax-​xjuħija—​allura dawk li ‘jmutu’ issa se jkollhom ħajja estiża indefinittivament fil-​futur.”

11. In-​nies għala jixtiequ jgħixu għal dejjem?

11 Għala, forsi tistaqsi, hija din ix-​xewqa għall-​ħajja taʼ dejjem tant parti integrali mill-​ħsibijiet tagħna? Huwa dan għaliex “[Alla] qiegħed ukoll f’qalb ulied il-​bniedem il-​ħsieb taʼ l-​eternità”? (Ekkleżjażti 3:11, Karm Żammit) Din hija kwistjoni għal riflessjoni serja! Aħseb ftit: Għala għandu jkollna x-​xewqa inerenti li ngħixu għall-​eternità​—għal dejjem—​jekk ma kienx l-​iskop tal-​Ħallieq tagħna li din ix-​xewqa titwettaq? U kienet tkun ħaġa taʼ mħabba li kieku ħalaqna bix-​xewqa għall-​ħajja taʼ dejjem u mbagħad jiddisprana billi ma jħallina qatt nirrealizzaw dik ix-​xewqa?—Salm 145:16.

Lil Min Għandna Nafdaw?

12. Xi wħud liema fiduċja għandhom, imma taħseb li din għandha bażi soda?

12 Fejn, jew f’liema ħaġa, għandna npoġġu l-​fiduċja tagħna biex niksbu l-​ħajja taʼ dejjem? Fit-​teknoloġija umana tas-​seklu 20 jew 21? L-​artiklu “They Want to Live” (‘Iridu Jgħixu’) f’The New York Times Magazine tkellem dwar “l-​alla: teknoloġija” u dwar il-​“ħafna entużjażmu rigward il-​potenzjal tat-​teknoloġija.” Intqal ukoll dwar wieħed riċerkatur li huwa “fiduċjuż b’għajnejh magħluqin . . . li t-​tekniki taʼ manipulazzjoni ġenetika maż-​żmien se jsiru disponibbli biex isalvaw[na] billi jwaqqfu x-​xjuħija, u forsi jreġġgħuha lura.” Iżda, fir-​realtà l-​isforzi umani wrew li kienu totalment bla effett f’li jwaqqfu x-​xjuħija jew jegħlbu l-​mewt.

13. L-​istruttura taʼ moħħna kif tindika li aħna konna intenzjonati li ngħixu għal dejjem?

13 Ifisser dan li m’hemm l-​ebda mod biex tinkiseb il-​ħajja taʼ dejjem? Dażgur li le! Fil-​fatt, hemm triq! L-​istruttura tal-​moħħ meraviljuż tagħna, bil-​kapaċità kważi bla limitu li għandu biex jitgħallem, għandha tikkonvinċina dwar dan. Il-​bijologu molekulari James Watson sejjaħ lil moħħna “l-​iktar ħaġa komplessa li skoprejna s’issa fl-​univers tagħna.” U n-​nevrologu Richard Restak qal: “M’hemm imkien fl-​univers magħruf xi ħaġa li tixbhu saħansitra b’mod remot.” Għalfejn għandna moħħ bil-​kapaċità li jaħżen u jassimila informazzjoni kważi bla limitu u ġisem li huwa ddisinjat biex jiffunzjona għal dejjem jekk ma konniex intenzjonati li ngawdu l-​ħajja taʼ dejjem?

14. (a) Il-​kittieba tal-​Bibbja jindikaw liema konklużjoni dwar il-​ħajja umana? (b) Għala għandna npoġġu l-​fiduċja tagħna f’Alla u mhux fil-​bniedem?

14 Allura, liema hi l-​unika konklużjoni raġunevoli u fattwali li għandna naslu għaliha? M’hijiex dik li aħna konna ddisinjati u maħluqin minn Ħallieq intelliġenti u kollu qawwa sabiex inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem? (Ġob 10:8; Salm 36:10 [Salm 36:9, NW]; Salm 100:3; Malakija 2:10; Atti 17:24, 25) Għalhekk, jekk aħna għaqlin, se nagħtu kas il-​kmand ispirat tas-​salmista Bibliku: “La tittamawx fil-​kbarat, għax il-​bniedem ma jsalvakomx.” Għala m’għandniex nafdaw fil-​bniedem? Għax, bħalma kiteb is-​salmista, “malli toħroġ ruħu, lejn l-​art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.” Tabilħaqq, minkejja l-​potenzjal biex jgħixu għal dejjem, il-​bnedmin ma jistgħu jagħmlu xejn meta jiġu wiċċ imbwiċċ mal-​mewt. Is-​salmista jikkonkludi: “Hieni min . . . għandu t-​tama fil-​Mulej, Alla tiegħu.”—Salm 146:3-5.

Huwa Tabilħaqq l-​Iskop t’Alla?

15. X’hemm li juri li huwa l-​iskop t’Alla li aħna ngħixu għal dejjem?

15 Imma għandek mnejn tistaqsi, Huwa tabilħaqq l-​iskop taʼ Jehovah li aħna ngawdu l-​ħajja taʼ dejjem? Iva! Il-​Kelma tiegħu dan twegħdu għadd taʼ drabi. “[I]d-don li tana Alla huwa l-​ħajja taʼ dejjem,” tiżgurana l-​Bibbja. Ġwanni, il-​qaddej t’Alla kiteb: “Din hi l-​wegħda li hu [Alla] nnifsu għamlilna: il-​wegħda tal-​ħajja taʼ dejjem.” Mhux taʼ b’xejn wieħed żagħżugħ staqsa lil Ġesù: “Mgħallem, x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-​ħajja taʼ dejjem?” (Rumani 6:23; 1 Ġwann 2:25; Mattew 19:16) Fil-​fatt, l-​appostlu Pawlu kiteb dwar ‘tama taʼ ħajja taʼ dejjem li Alla, li ma jigdibx, wegħedhielna sa minn qabel iż-​żminijiet.’—Titu 1:2.

16. Alla f’liema sens setaʼ wiegħed il-​ħajja taʼ dejjem “sa minn qabel iż-​żminijiet”?

16 X’ifisser li Alla wiegħed il-​ħajja taʼ dejjem “sa minn qabel iż-​żminijiet”? Xi wħud jaħsbu li l-​appostlu Pawlu ried ifisser li qabel ma ħalaq lill-​ewwel koppja, Adam u Eva, Alla kellu l-​iskop li l-​bnedmin jgħixu għal dejjem. Madankollu, jekk Pawlu kien qed jirreferi għal xi żmien wara li nħolqu l-​bnedmin u meta Jehovah stqarr l-​iskop tiegħu, xorta waħda huwa ċar li r-​rieda t’Alla tinkludi ħajja taʼ dejjem għall-​bnedmin.

17. Adam u Eva għala tkeċċew ’il barra mill-​ġnien taʼ Għeden, u għala tpoġġew il-​kerubini fid-​daħla?

17 Il-​Bibbja tgħid li fil-​ġnien taʼ Għeden, “[i]l-Mulej Alla nibbet mill-​art . . . [i]s-siġra tal-​ħajja.” Ir-​raġuni li ngħatat għala Adam tkeċċa ’l barra mill-​ġnien kienet sabiex hu ma jkunx jistaʼ ‘jmidd idejh u jieħu wkoll mis-​siġra tal-​ħajja, u jiekol, u jibqaʼ ħaj’​—iva, għal dejjem! Wara li keċċa lil Adam u Eva ’l barra mill-​ġnien taʼ Għeden, Jehovah poġġa “l-​kerubini . . . u s-​sejf tan-​nar iżiġġ, biex iħarsu t-​triq għas-​siġra tal-​ħajja.”—Ġenesi 2:9; 3:22-24.

18. (a) Li jieklu mis-​siġra tal-​ħajja x’kien ikun ifisser għal Adam u Eva? (b) Li jieklu minn dik is-​siġra x’kien jirrappreżenta?

18 Kieku Adam u Eva tħallew jieklu minn dik is-​siġra tal-​ħajja, dan x’kien ikun ifisser għalihom? Hekku, il-​privileġġ li jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art! Wieħed studjuż tal-​Bibbja għamel din l-​ispekulazzjoni: “Is-​siġra tal-​ħajja bilfors li kellha xi setgħa li permezz tagħha l-​ġisem uman kellu jinżamm ħieles milli jiddgħajjef bl-​età, jew mit-​taħsir li jwassal għall-​mewt.” Hu saħansitra sostna li “fil-​ġenna kien hemm setgħa fil-​ħxejjex li setgħet taġixxi kontra l-​effetti” tax-​xjuħija. Madankollu, il-​Bibbja ma tgħidx li s-​siġra tal-​ħajja fiha nfisha kellha kwalitajiet li jagħtu l-​ħajja. Pjuttost, is-​siġra sempliċement irrappreżentat il-​garanzija minn Alla taʼ ħajja taʼ dejjem lil dak li jitħalla jiekol minn frottha.—Apokalissi 2:7.

L-​Iskop t’Alla ma Nbidilx

19. Adam għala miet, u għala aħna, nislu, immutu wkoll?

19 Meta Adam dineb, tilef id-​dritt għall-​ħajja taʼ dejjem għalih innifsu u għal nislu kollu li kien għadu ma twelidx. (Ġenesi 2:17) Meta sar midneb, minħabba d-​diżubbidjenza tiegħu, hu sar difettuż, imperfett. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, il-​ġisem taʼ Adam, fil-​fatt, sar ipprogrammat għall-​mewt. Bħalma tgħid il-​Bibbja, “il-​ħlas tad-​dnub hu l-​mewt.” (Rumani 6:23) Iktar minn hekk, in-​nisel imperfett taʼ Adam, ukoll sar ipprogrammat għall-​mewt, mhux għall-​ħajja taʼ dejjem. Il-​Bibbja tispjega: “Bħalma kien permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] li fid-​dinja daħal id-​dnub, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u hekk il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha, għax kollha dinbu.”—Rumani 5:12.

20. X’hemm li jindika li l-​bnedmin kienu intenzjonati li jgħixu għal dejjem fuq l-​art?

20 Imma x’kien jiġri kieku Adam ma dinibx? X’kien jiġri kieku obda lil Alla u kien jingħata permess jiekol mis-​siġra tal-​ħajja? Fejn kien se jgawdi l-​għotja t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem? Fis-​sema? Le! Alla ma qal xejn dwar li Adam jittieħed fis-​sema. Ix-​xogħol li ngħata x’jagħmel kien hawn fuq l-​art. Il-​Bibbja tispjega li “Alla nibbet mill-​art is-​siġar kollha li jpaxxu l-​għajn u bnina għall-​ikel,” u tgħid: “[I]l-Mulej Alla ħa lill-​bniedem u qiegħdu fil-​ġnien taʼ l-​Għeden biex jaħdmu u jħarsu.” (Ġenesi 2:9, 15) Wara li nħolqot Eva bħala sieħba għal Adam, it-​tnejn li huma ngħataw inkarigi oħrajn taʼ xogħol hawnhekk fuq l-​art. Alla qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-​ħut tal-​baħar u t-​tajr taʼ l-​ajru u l-​ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-​art.”—Ġenesi 1:28.

21. L-​ewwel bnedmin liema prospetti meraviljużi kienu jgawdu?

21 Aħseb ftit dwar il-​prospetti meraviljużi fuq l-​art li dawk l-​istruzzjonijiet minn Alla fetħu għal Adam u Eva! Kellhom irabbu subjien u bniet f’saħħithom perfettament fil-​Ġenna taʼ l-​art. Hekk kif it-​tfal maħbubin tagħhom kibru fiż-​żmien, dawn kellhom jieħdu sehem magħhom f’li jnisslu u f’li jagħmlu xogħol pjaċevoli fil-​ġnien biex iżommu dik il-​Ġenna. Bl-​annimali kollha suġġetti lejha, l-​umanità kellha tkun kuntenta ferm. Immaġina l-​ferħ f’li jiġu estiżi l-​limiti tal-​ġnien taʼ Għeden sabiex eventwalment l-​art kollha kemm hi kellha ssir ġenna! Tixtieq int tgawdi l-​ħajja maʼ wlied perfetti f’dar sabiħa bħal din fuq l-​art, mingħajr ma toqgħod tħabbel rasek għax trid tixjieħ u tmut? Ħalli l-​impulsi naturali taʼ qalbek iwieġbu dik il-​mistoqsija.

22. Għala nistgħu nkunu żguri li Alla ma bidilx l-​iskop tiegħu għall-​art?

22 Sewwa, allura, meta Adam u Eva m’obdewx u tkeċċew ’il barra mill-​ġnien taʼ Għeden, bidel Alla l-​iskop tiegħu biex il-​bnedmin jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna fuq l-​art? Assolutament le! Kieku Alla għamel hekk kien ifisser li jkun ammetta telfa inkwantu għall-​abbiltà tiegħu li jwettaq l-​iskop oriġinali tiegħu. Nistgħu nkunu ċerti li Alla jagħmel dak li jwiegħed, bħalma jipproklama hu stess: “Hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.

23. (a) Liema ħaġa tikkonferma mill-​ġdid li huwa l-​iskop t’Alla li dawk taʼ qalbhom ħelwa jgħixu għal dejjem fuq l-​art? (b) X’se niddiskutu wara dan?

23 Li l-​iskop t’Alla għall-​art ma nbidilx jidher ċar fil-​Bibbja, fejn Alla jwiegħed: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Saħansitra Ġesù Kristu qal fil-​Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja li dawk taʼ qalbhom ħelwa se jkollhom b’wirthom l-​art. (Salm 37:29; Mattew 5:5) Madankollu, kif nistgħu niksbu l-​ħajja taʼ dejjem, u x’irridu nagħmlu biex ingawdu ħajja bħal din? Dan se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss.

Int kif Twieġeb?

◻ Ħafna għala jemmnu li l-​ħajja taʼ dejjem hija possibbli?

◻ Liema ħaġa għandha tikkonvinċina li aħna konna intenzjonati li ngħixu għal dejjem?

◻ X’kien l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​bnedmin u għall-​art?

◻ Għala nistgħu nkunu żguri li Alla se jwettaq l-​iskop oriġinali tiegħu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja