Saret Parti Minnek il-Verità?
“Inbidlu skond it-tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.”—RUMANI 12:2.
1, 2. Għala m’huwiex faċli li tkun Kristjan veru llum?
M’HUWIEX faċli li tkun Kristjan veru f’dawn l-aħħar jiem li tant huma ‘żminijiet ibsin’ biex issib tarfhom. (2 Timotju 3:1) Il-fatt hu li biex wieħed isegwi l-eżempju taʼ Kristu jrid jegħleb lid-dinja. (1 Ġwann 5:4) Ftakar f’dak li qal Ġesù dwar it-triq li fiha jrid jimxi l-Kristjan: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesaʼ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” Hu qal ukoll: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu kuljum, u jimxi warajja [kontinwament].”—Mattew 7:13, 14; Luqa 9:23.
2 Wara li Kristjan ikun sab it-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja jibqagħlu l-isfida li jibqaʼ fiha. Din għala hija sfida? Għaliex minħabba d-dedikazzjoni u l-magħmudija tagħna aħna sirna l-mira tat-tnassis makakk taʼ Satana. (Efesin 6:11) Hu jinnota d-dgħjufijiet tagħna u jipprova jieħu vantaġġ minnhom biex iġagħalna nitilfu l-ispiritwalità tagħna. Ngħiduha kif inhi, jekk hu lanqas beżaʼ jipprova jwaqqaʼ lil Ġesù, se jibżaʼ jipprova jwaqqaʼ lilna?—Mattew 4:1-11.
It-Tattiċi Makakki taʼ Satana
3. Satana kif żeraʼ d-dubji f’moħħ Eva?
3 Tattika waħda li juża Satana hi li jiżraʼ d-dubji f’moħħna. Hu jfittex id-dgħjufijiet li jkollna fl-armatura spiritwali tagħna. Fil-bidunett uża l-istess tattika maʼ Eva, billi staqsieha: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” (Ġenesi 3:1) Fi kliem ieħor, Satana kien qed jgħid: ‘Possibbli li Alla takom kmand bħal dan? Jistaʼ jkun li jċaħħadkom minn xi ħaġa li hi taʼ ġid għalikom? Obsor għalih! Alla jaf li dakinhar li tieklu mis-siġra għajnejkom se jinfetħu u ssiru bħal Alla, tafu t-tajjeb u l-ħażin.’ Satana żeraʼ żerriegħa tad-dubju u stennieha tinbet.—Ġenesi 3:5.
4. Liema dubji jistgħu jeffettwaw lil xi wħud illum?
4 Satana kif juża din it-tattika llum? Jekk nittraskuraw il-qari tagħna tal-Bibbja, l-istudju persunali, it-talb, il-ministeru Kristjan, u l-laqgħat tagħna nistgħu nsibu ruħna fil-periklu li niġu influwenzati mid-dubji li jipprovaw idaħħlulna n-nies. Per eżempju: “Kif nafu li din hi l-verità li għallem Ġesù?” “Veru li qegħdin fl-aħħar jiem? Wara kollox, mhux diġà dħalna fis-seklu 21?” “Veru li Armageddon qegħda bieb u għatba, jew għad baqgħalha ħafna?” Jekk jiġuna dubji bħal dawn, x’għandna nagħmlu biex inneħħuhom?
5, 6. X’irridu nagħmlu jekk jidħlulna xi dubji?
5 Ġakbu tana parir prattiku meta kiteb: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu [jibqaʼ] jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu. Mela ħa jitlob bil-fidi, bla ma jitħasseb [jew jiddubita] xejn, għax min jitħasseb [jew jiddubita] ikun jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ. Bniedem bħal dan ma għandux jistenna li se jaqlaʼ xi ħaġa mingħand il-Mulej; hu bniedem mifxul fih innifsu, u m’huwiex żgur mit-triq li jagħżel.”—Ġakbu 1:5-8.
6 Allura, x’irridu nagħmlu? Irridu ‘nibqgħu nitolbu lil Alla’ ħalli jagħtina fidi u fehma filwaqt li aħna nżidu fl-isforzi tagħna billi nagħmlu studju persunali rigward xi mistoqsijiet jew dubji li jistaʼ jkollna. Nistgħu nitolbu l-għajnuna taʼ dawk li huma b’saħħithom fil-fidi, bla ma qatt niddubitaw li Jehovah se jagħtina l-appoġġ li jkollna bżonn. Ġakbu qal ukoll: “Mela oqogħdu għar-rieda taʼ Alla. Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom. Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” Iva, id-dubji se neħilsu minnhom hekk kif nersqu qrib lejn Alla permezz taʼ l-istudju u t-talb.—Ġakbu 4:7, 8.
7, 8. X’inhuma xi prinċipji bażiċi li permezz tagħhom wieħed jistaʼ jiddetermina liema forma taʼ qima kienet mgħallma minn Ġesù, u min qed jaġixxi skond dawn il-prinċipji?
7 Per eżempju, ejja nieħdu l-mistoqsija: Kif nafu li qed nipprattikaw il-forma taʼ qima li għallem Ġesù? Biex insibu t-tweġiba, liema prinċipju għandna nikkunsidraw? Il-Bibbja turi li Kristjani ġenwini jrid ikollhom l-imħabba vera bejniethom. (Ġwann 13:34, 35) Iridu jqaddsu l-isem t’Alla, li hu Jehovah. (Isaija 12:4, 5; Mattew 6:9) U jridu jxandru dak l-isem.—Eżodu 3:15; Ġwann 17:26.
8 Marka oħra li biha tintgħaraf il-qima vera hija r-rispett lejn il-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Dan il-ktieb hu l-uniku wieħed li jgħidilna dwar il-personalità t’Alla u l-iskopijiet tiegħu. (Ġwann 17:17; 2 Timotju 3:16, 17) Barra minn hekk, il-Kristjani veri jxandru li s-Saltna t’Alla hija l-unika tama għall-ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. (Mark 13:10; Apokalissi 21:1-4) Ma jindaħlux fil-politika korrotta tad-dinja u lanqas fil-mod taʼ ħajja laxka tagħha. (Ġwann 15:19; Ġakbu 1:27; 4:4) Min illum qiegħed tassew jaġixxi skond dawn il-prinċipji? Il-fatti juru li hemm biss tweġiba waħda: Ix-Xhieda taʼ Jehovah.
Xi Ngħidu Jekk Jibqaʼ Jkollna d-Dubji
9, 10. X’nistgħu nagħmlu biex negħlbu d-dubji li jibqaʼ jkollna?
9 Xi ngħidu jekk inħossu li m’hemm ebda xaqq taʼ dawl kif se neħilsu minn xi dubju? X’se nagħmlu? L-għaref Sultan Salamun jipprovdilna t-tweġiba: “Ibni, jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-għerf, u tħalli lil moħħok jifhem sewwa; jekk issejjaħ l-għerf, u tgħolli leħnek għall-fehma t-tajba; jekk tfittex l-għerf bħall-fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; mbagħad tifhem il-biżaʼ tal-Mulej, u ssib it-tagħrif taʼ Alla.”—Korsiv tagħna; Proverbji 2:1-5.
10 Xi ħsieb taʼ l-għaġeb dan! Jekk inkunu lesti li noqogħdu attenti bis-serjetà kollha għall-għerf t’Alla, se nsibu t-“tagħrif taʼ Alla.” Iva, huwa possibbli li niksbu t-tagħrif tal-Mulej Sovran taʼ l-univers kemm-il darba aħna nkunu lesti li nilqgħu u ngħożżu kliemu. Dan ifisser li nduru lejn Jehovah bit-talb u permezz taʼ l-istudju persunali. It-teżori moħbija li hemm fil-Kelma tiegħu jistgħu jneħħulna kwalunkwe dubju u jgħinuna naraw id-dawl tal-verità.
11. Il-qaddej t’Eliżew kif kien effettwat mid-dubju?
11 Eżempju ċar taʼ kif it-talb għen lil wieħed qaddej t’Alla li kellu xi dubji nsibuh fit-2 Slaten 6:11-18. Il-qaddej t’Eliżew ma kellux fehma spiritwali. Ma setax jinduna li, meta l-profeta t’Alla kien qed jiġi assedjat mill-armata Sirjana, kien hemm qtajjaʼ tas-sema li kienu lesti biex jipproteġuh. Il-qaddej beda jgħajjat bil-biżaʼ: “Ah! sidi, x’se nagħmlu?” Eliżew kif wieġbu? “La tibżax! Hemm . . . aktar magħna milli magħhom.” Imma dan il-qaddej kif setaʼ jikkonvinċi ruħu? Lill-qtajjaʼ tas-sema ma setax jarahom.
12. (a) Id-dubji tal-qaddej t’Eliżew kif ġew solvuti? (b) Kif nistgħu nsolvu kwalunkwe dubju li jistaʼ jkollna?
12 “Eliżew beda jitlob u jgħid: ‘Mulej, iftaħlu għajnejh biex jara.’ U l-Mulej fetaħ għajnejn il-qaddej, u dan ra l-għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-nar madwar Eliżew.” F’dan il-każ Jehovah ġiegħel lill-qaddej jara l-eżerċti tas-sema li kienu qed jipproteġu lil Eliżew. Madankollu, dan ma jfissirx li għandna nistennew xi għajnuna divina bħal din illum. Irridu niftakru li dak il-qaddej tal-profeta ma kellux il-Bibbja biex jistudjaha ħalli jkun jistaʼ jsaħħaħ il-fidi tiegħu. Imma aħna għandna. Jekk din nużawha tajjeb, il-fidi tagħna tistaʼ tissaħħaħ bl-istess mod. Per eżempju, nistgħu noqogħdu nimmeditaw dwar id-diversi rakkonti li jiddeskrivu l-maestà taʼ Jehovah fis-sema. Dawn ma jħallulna ebda dubju dwar il-fatt li Jehovah għandu organizzazzjoni fis-sema li tappoġġa lill-qaddejja tiegħu fix-xogħol t’edukazzjoni madwar id-dinja llum.—Isaija 6:1-4; Eżekjel 1:4-28; Danjel 7:9, 10; Apokalissi 4:1-11; 14:6, 7.
Noqogħdu Attenti għat-Tnassis taʼ Satana!
13. Satana liema mezzi juża biex jipprova jġagħalna nsiru dgħajfin u ma nibqgħux sodi fil-verità?
13 Liema huma xi modi oħra kif Satana jdgħajjef l-ispiritwalità tagħna u jġagħalna ma nibqgħux sodi fil-verità? Wieħed minnhom hu l-immoralità, fil-forom kollha tagħha. Fid-dinja tal-lum li hi miġnuna wara s-sess, dik li tissejjaħ relazzjoni (kelma pulita għall-infedeltà fiż-żwieġ) jew skappatura (żína bla rbit taʼ xejn) saret xi ħaġa komuni ħafna għall-ġenerazzjoni li moħħha fix-xalar u li trid tgawdi akkost taʼ kollox. Fil-films, fuq it-TV, u fil-vidjos dan l-istil taʼ ħajja jiġi preżentat bħala xi ħaġa aċċettabbli. Il-mezzi tax-xandir saru mimlijin bil-pornografija, speċjalment l-Internet. X’tentazzjoni għal dawk li jbatu bil-kurżità!—1 Tessalonikin 4:3-5; Ġakbu 1:13-15.
14. Xi Kristjani għala sfaw vittmi tat-tnassis taʼ Satana?
14 Xi Kristjani ħallew il-kurżità tegħlibhom u ħammġu mħuħhom u qlubhom billi raw stampi pornografiċi li xi drabi jkunu saħansitra dettaljati u vjolenti. Dawn ħallew lilhom infushom jaqgħu fin-nassa li Satana tant għamilha tidher sabiħa. Dan taʼ spiss wassalhom biex jagħmlu nawfraġju mill-fidi tagħhom. Dawn l-uħud naqsu li jibqgħu “trabi għal dak li huwa ħażen.” Ma sarux “nies li kibru fil-qawwiet tal-fehma.” (1 Korintin 14:20, NW) Kull sena, eluf taʼ nies iħallsu qares talli ma jkunux żammew il-prinċipji u l-livelli tal-Kelma t’Alla. Dawn ma jkunux ħadu ħsieb li jilbsu ‘l-armatura sħiħa taʼ Alla.’—Efesin 6:10-13; Kolossin 3:5-10; 1 Timotju 1:18, 19.
Ngħożżu Dak li Għandna
15. Xi wħud għala għandhom mnejn isibuha diffiċli li japprezzaw il-wirt spiritwali tagħhom?
15 “Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom,” qal Ġesù. (Ġwann 8:32) Il-biċċa l-kbira tal-Kristjani kellhom ibiddlu kompletament l-istil taʼ ħajja tagħhom u l-kuntatti reliġjużi li kellhom. Għalhekk, jistgħu forsi japprezzaw iktar il-ħelsien li ġġib magħha l-verità. Mill-banda l-oħra, xi żgħażagħ li ġew imrobbijin minn ġenituri li huma fil-verità jistgħu jsibuha diffiċli li japprezzaw il-wirt spiritwali tagħhom. Dawn iż-żgħażagħ qatt ma kienu parti mir-reliġjon falza jew mid-dinja li tagħmel enfasi fuq li tfittex il-pjaċiri, id-drogi, u l-immoralità. Minħabba f’hekk, ma jkunux jistgħu jaraw il-kuntrast kbir li hemm bejn il-ġenna spiritwali tagħna u d-dinja korrotta taʼ Satana. Xi wħud jistgħu jċedu għat-tentazzjoni biex iduqu l-velenu tad-dinja ħalli jaraw x’qed jitilfu!—1 Ġwann 2:15-17; Apokalissi 18:1-5.
16. (a) Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna? (b) X’niġu mgħallmin u inkuraġġiti biex nagħmlu?
16 Trid taħraq subgħajk biex tkun taf x’inhuma l-uġigħ u t-tbatija? Mhux aħjar nitgħallmu mill-esperjenzi koroh taʼ ħaddieħor? Hemm bżonn nitmiegħku fit-“tajn” taʼ din id-dinja biex naraw jekk ġejniex imċaħħdin minn xi ħaġa? (2 Pietru 2:20-22) Lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu li darba kienu parti mid-dinja taʼ Satana, Pietru fakkarhom: “Biżżejjed li fl-imgħoddi kontu tagħmlu r-rieda tal-pagani u tgħixu ħajja żienja f’passjoni bla lġiem, f’sokor, fi tbahrid sfrenat, f’xorb żejjed u fl-idolatrija moqżieża taʼ l-allat.” Żgur li m’għandniex għalfejn induqu l-‘ġenn taż-żína’ tad-dinja biex insiru nafu x’għajb kbir nistgħu naqgħu fih. (1 Pietru 4:3, 4) Għall-kuntrarju, aħna niġu mgħallmin il-livelli għoljin taʼ Jehovah fis-Swali tas-Saltna tagħna, li huma ċentri fejn nirċievu edukazzjoni Biblika. Barra minn hekk, niġu inkuraġġiti biex nużaw ir-raġuni ħalli nikkonvinċu ruħna li għandna l-verità, u b’hekk inkunu nistgħu nagħmluha parti minna.—Ġożwè 1:8; Rumani 12:1, 2; 2 Timotju 3:14-17.
Isimna M’Huwiex Sempliċement Tikketta
17. Kif nistgħu nkunu Xhieda taʼ Jehovah effettivi?
17 Jekk il-verità ssir parti minna, aħna se nfittxu li ngħidu lil ħaddieħor dwarha f’kull opportunità li jkollna. Dan ma jfissirx li nipprovaw nisforzaw lil xi ħadd li ma juri ebda interess. (Mattew 7:6) Madankollu, m’aħniex se nibżgħu nuru li aħna Xhieda taʼ Jehovah. Jekk xi ħadd juri l-iċken interess billi jistaqsi mistoqsija sinċiera jew jaċċetta xi letteratura Biblika, aħna se nkunu pronti u lesti li naqsmu t-tama tagħna miegħu. M’għandniex xi ngħidu, dan jitlob li jkollna xi letteratura dejjem fuqna kulfejn inkunu, kemm jekk inkunu d-dar, fuq ix-xogħol, fl-iskola, f’xi ħanut, jew f’postijiet taʼ divertiment.—1 Pietru 3:15.
18. Kif se jkun ferm taʼ benefiċċju għalina jekk nuru lil kulħadd li aħna Kristjani?
18 Meta nuru lil kulħadd li aħna Kristjani, inkunu qed insaħħu d-difiża tagħna kontra dawk l-attakki makakki li Satana jagħmel biex jipprova jħajjarna. Meta dawk li jaħdmu magħna jagħmlu xi festa t’għeluq sninhom jew tal-Milied jew ibigħu xi biljetti tal-lotterija, spiss tismagħhom jgħidu: “Dik taʼ xejn tgħidilha, għax waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah.” Għal din l-istess raġuni, meta jkun hemm xi ħadd li jħobb jgħid ċajt doppju sens, x’aktarx li ma jgħidhomx meta nkunu hemm aħna. B’hekk, se jkun ferm taʼ benefiċċju għalina jekk nieħdu l-waqfa tagħna bħala Kristjani. L-appostlu Pietru wera preċiż dan meta qal: “Min jistaʼ jagħmlilkom il-ħsara jekk tkunu ħerqana għat-tajjeb? Jekk stess tbatu minħabba s-sewwa, henjin intom!”—1 Pietru 3:13, 14.
19. Kif nafu li qegħdin fit-tmiemnett taʼ l-aħħar jiem?
19 Benefiċċju ieħor li jiġi milli nkunu ħallejna l-verità ssir parti minna hu li se nkunu konvinti li dawn huma tabilħaqq l-aħħar jiem taʼ din is-sistema t’affarijiet. Se nindunaw li ħafna mill-profeziji tal-Bibbja qed jilħqu l-quċċata fi żmienna.a It-twissija taʼ Pawlu li “l-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes” qed tiġi konfermata sew mill-ġrajjiet tal-biżaʼ tas-seklu li għadda. (2 Timotju 3:1-5; Mark 13:3-37) F’gazzetta reċenti kien hemm artiklu dwar is-seklu 20 li kellu t-titlu “Se Jibqaʼ Mfakkar Bħala l-Era tal-Barbariżmu.” L-artiklu stqarr: “L-1999 kienet l-iktar sena qattiela taʼ l-aħħar nofs taʼ l-iktar seklu qattiel.”
20. Liema azzjoni rridu nieħdu fi żmienna?
20 Issa m’huwiex iż-żmien li noqogħdu ntellgħu u nniżżlu. Ħadd ma jistaʼ jiċħad li l-barka taʼ Jehovah qegħda fuq l-aqwa xogħol t’edukazzjoni Biblika li qatt kien hawn fid-dinja kollha bħala xiehda lill-ġnus. (Mattew 24:14) Ħalli l-verità ssir parti minnek, u għid lil oħrajn dwarha. Il-futur tiegħek taʼ ħajja taʼ dejjem jiddependi fuq dak li tagħmel issa. Min jitnikker ma jixraqlux il-barka taʼ Jehovah. (Luqa 9:62) Anzi huwa ż-żmien li ‘nżommu sħiħ, li ma nitħarrkux; inħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Billi nafu li l-ħidma tagħna fil-Mulej m’hijiex għalxejn.’—1 Korintin 15:58.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Jannar, 2000, paġni 12-14. Paragrafi 13-18 jirrevedu sitt linji konvinċenti t’evidenza li juru li ilna ngħixu fl-aħħar jiem sa mill-1914.
Tiftakar Int?
• Kif nistgħu negħlbu d-dubji?
• X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tal-qaddej t’Eliżew?
• Għal liema tentazzjonijiet morali rridu noqogħdu għassa l-ħin kollu?
• Għala għandna nuru lil kulħadd li aħna Xhieda taʼ Jehovah?
[Stampi f’paġna 10]
L-istudju regulari tal-Bibbja u t-talb jistgħu jgħinuna negħlbu d-dubji
[Stampa f’paġna 11]
Id-dubji li kellu l-qaddej t’Eliżew issolvew permezz taʼ viżjoni
[Stampa f’paġna 12]
Aħna niġu mgħallmin dwar il-livelli morali għoljin taʼ Jehovah fis-Swali tas-Saltna bħal din f’Benin