LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 4/1 pp. 21-24
  • Alla Jilqaʼ lill-Ġnus Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla Jilqaʼ lill-Ġnus Kollha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Eżempju mill-​Qedem
  • Jintlaqgħu s-​Samaritani u Nies li Ma Kinux Lhud
  • Pawlu​—Għodda Magħżula għall-​Ġnus
  • Ngħinu lill-​Ġnus Kollha taʼ l-​Art
  • Tgħallem Lezzjoni Dwar il-Ħniena
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Ipprova Ara lill-Oħrajn Kif Jarahom Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ġona Jsir Jaf X’Inhi l-Ħniena taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Tgħallem mill-Iżbalji Tiegħu
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 4/1 pp. 21-24

Alla Jilqaʼ lill-​Ġnus Kollha

FL-​EWWEL vjaġġ tiegħu lejn Mali, John tqanqal mill-​ospitalità kollha mħabba murija minn Mamadou u l-​familja tiegħu. Hekk kif John poġġa bil-​qiegħda maʼ l-​art u ntefaʼ jiekol kif ġie ġie mid-​dixx li kien qed jiekol minnu kulħadd, beda jaħseb x’kien l-​aħjar mod kif setaʼ jaqsam rigal mill-​iktar prezzjuż maʼ dak li kien stiednu—l-​aħbar tajba tas-​Saltna mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Għalkemm kien jaf jitkellem bil-​Franċiż, lingwa mitkellma fil-​Mali, John beda jaħseb kif se jaqbad jikkomunika maʼ familja li kellha reliġjon u mod taʼ ħsieb totalment differenti.

Ma kinitx sorpriża li John ħaseb fir-​rakkont Bibliku tal-​belt taʼ Babel. Hemmhekk Alla ħawwad il-​lingwa tan-​nies ribellużi. (Ġenesi 11:​1-9) Minħabba f’hekk, nibtu popli b’reliġjonijiet, lingwi, u mentalitajiet differenti f’diversi partijiet tad-​dinja. Illum, hekk kif l-​ivvjaġġar u ċ-​ċaqliq taʼ nies minn post għall-​ieħor isiru komuni, ħafna jiffaċċjaw sfida bħal dik li ffaċċja John, anki fl-​inħawi tagħhom stess: Kif għandhom jaqsmu t-​tama tagħhom ibbażata fuq il-​Bibbja maʼ nies taʼ sfond differenti?

Eżempju mill-​Qedem

Bħall-​profeti l-​oħrajn f’Iżrael, Ġona tkellem primarjament maʼ l-​Iżraelin. Hu pprofetizza fi żmien meta s-​saltna apostata b’għaxar tribujiet kienet qed tieħu sehem b’mod sfaċċat fi prattiċi li jġibu diżunur lil Alla. (2 Slaten 14:​23-​25) Immaġina x’reazzjoni kellu Ġona meta rċieva l-​inkarigu speċjali biex jitlaq minn pajjiżu u jmur l-​Assirja biex jippriedka lin-​nies taʼ Ninwè, nies b’reliġjon u kultura differenti. Ġona forsi lanqas biss kien jitkellem il-​lingwa tan-​Ninwin, jew għallinqas ma kienx fluwenti. Kien x’kien il-​każ, milli jidher Ġona qataʼ qalbu minn dan l-​inkarigu, u ħarab.—Ġona 1:​1-3.

Bla dubju, Ġona kellu bżonn jitgħallem li Alla Jehovah ma jarax biss id-​dehra taʼ barra imma jifli l-​qalb. (1 Samwel 16:7) Wara li salva b’mod mirakoluż lil Ġona mill-​għarqa, Jehovah għat-​tieni darba kkmandah biex imur jippriedka lin-​nies taʼ Ninwè. Ġona obda, u b’riżultat taʼ dan, in-​Ninwin nidmu lkoll. Xorta waħda, Ġona ma kellux ħarsa tajba. Permezz taʼ eżempju prattiku, Jehovah għallmu li kellu bżonn ibiddel l-​attitudni tiegħu. Jehovah staqsa lil Ġona: “Mela jiena ma kellix tiġini ħasra minn Ninwè, il-​belt il-​kbira fejn hemm aktar minn mija u għoxrin elf ruħ li ma jafux jagħżlu bejn il-​lemin u x-​xellug tagħhom?” (Ġona 4:​5-​11) Xi ngħidu għalina llum? Kif nistgħu ngħinu lil nies minn sfond differenti?

Jintlaqgħu s-​Samaritani u Nies li Ma Kinux Lhud

Fl-​ewwel seklu, Ġesù ordna lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha. (Mattew 28:19) Dan ma kienx faċli għalihom. Id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu Lhud u, bħal Ġona, kienu mdorrijin jitkellmu biss maʼ nies li kienu mill-​istess sfond u kultura. Naturalment, huma kienu wkoll iħossuhom influwenzati mill-​preġudizzji komuni taʼ dak iż-​żmien. Madankollu, Jehovah idderieġa kollox, biex b’hekk il-​qaddejja tiegħu setgħu jagħrfu bil-​mod il-​mod x’inhi r-​rieda tiegħu għalihom.

L-ewwel pass kien li jingħeleb il-​preġudizzju taʼ bejn il-​Lhud u s-​Samaritani. Il-​Lhud ma kien ikollhom l-​ebda kuntatt mas-​Samaritani. Minkejja dan, Ġesù kemm-il darba pprepara t-​triq għal meta s-​Samaritani kellhom jaċċettaw l-​aħbar tajba. Hu wera kemm kien imparzjali billi tkellem maʼ mara Samaritana. (Ġwann 4:​7-​26) F’okkażjoni oħra, billi ġab leżempju tas-​Samaritan it-​tajjeb, hu wera lil wieħed reliġjuż Lhudi li anki nies li ma kinux Lhud setgħu juru mħabba lill-​proxxmu tagħhom. (Luqa 10:​25-​37) Meta wasal iż-​żmien biex Jehovah jiġbor lis-​Samaritani ġol-​kongregazzjoni Kristjana, Filippu, Pietru, u Ġwanni​—li kollha kienu Lhud​—ippridkaw lin-​nies tas-​Samarija. Il-​messaġġ tagħhom ġab ferħ kbir f’din il-​belt.—Atti 8:​4-8, 14-17.

Jekk għall-​Kristjani Lhud kienet xi ħaġa iebsa biex iħobbu lis-​Samaritani, li fil-​fatt kienu qraba mill-​bogħod tal-​Lhud, kellha tkun ħaġa saħansitra iktar iebsa għalihom li jħobbu l-​proxxmu tagħhom li kien jinkludi lil dawk li ma kinux Lhud, jew inkella l-​Ġentili, peress li dawn kienu disprezzati u mibgħuda mil-​Lhud. Madankollu, wara li miet Ġesù, il-​ħajt li kien jifred il-​Kristjani Lhud mill-​Ġentili setaʼ jiġi mġarraf. (Efesin 2:​13, 14) Biex jgħin lil Pietru jaċċetta dan l-​arranġament il-​ġdid, Jehovah urieh viżjoni li fiha qallu biex ‘jieqaf milli jsejjaħ imniġġes dak li Alla saffa.’ Lispirtu taʼ Jehovah iggwidah lejn wieħed mill-​Ġentili li kien jismu Kornelju. Meta Pietru fehem il-​ħarsa t’Alla​—li hu m’għandux isejjaħ lil dan ir-​raġel mill-​ġnus bħala mhux nadif ladarba Alla kien għamlu safi—hu qal taħt ispirazzjoni: “Tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:​9-35) Kif baqaʼ skantat Pietru meta Alla wera li kien aċċetta lil Kornelju u lill-​familja tiegħu billi ferraʼ l-​ispirtu qaddis fuqhom!

Pawlu​—Għodda Magħżula għall-​Ġnus

Il-​ministeru taʼ Pawlu huwa eżempju li tassew jispikka taʼ kif Jehovah jipprepara b’mod progressiv lill-​qaddejja tiegħu biex iħobbu u jgħinu lil kull xorta taʼ nies. Fi żmien il-​konverżjoni taʼ Pawlu, Ġesù qal li Pawlu kien se jintuża bħala għodda magħżula biex iwassal Ismu lill-​ġnus. (Atti 9:15) Wara dan, Pawlu mar l-​Għarabja, forsi biex jimmedita fuq l-​iskop li kellu Alla biex jużah ħalli jxandar l-​aħbar tajba lill-​ġnus.​—Galatin 1:​15-​17.

Waqt l-​ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu wera żelu f’li jippriedka lil dawk li ma kinux Lhud. (Atti 13:​46-​48) Jehovah bierek ix-​xogħol taʼ Pawlu, u din kienet evidenza li l-​appostlu kien qed jaġixxi fi qbil maʼ l-​arranġament taʼ Jehovah. Pawlu wera li kien fehem għalkollox il-​ħarsa taʼ Jehovah meta bil-​kuraġġ kollu kkoreġa lil Pietru meta dan wera parzjalità billi beda jevita s-​sħubija maʼ ħutu li ma kinux Lhud.​—Galatin 2:​11-​14.

Iktar evidenza taʼ kemm Alla kien qed jidderieġi x-​xogħol taʼ Pawlu tidher fit-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu meta l-​ispirtu qaddis ma ħalliex lil Pawlu jippriedka fil-​provinċja Rumana taʼ Bitinja. (Atti 16:7) Milli jidher ma kienx iż-​żmien xieraq. Iktar tard, però, xi nies minn Bitinja saru Kristjani. (1 Pietru 1:1) Ġo viżjoni, raġel Maċedonjan talab lil Pawlu bil-​ħniena, billi qallu: “Ejja l-​Maċedonja u għinna.” B’hekk, Pawlu kkonkluda li kellu jbiddel ir-​rotta tiegħu ħalli jkun jistaʼ jxandar l-​aħbar tajba f’dik il-​provinċja Rumana.​—Atti 16:​9, 10.

L-abbiltà li kellu Pawlu biex jaddatta ruħu għaċ-​ċirkustanzi intweriet sew meta ppriedka lin-​nies t’Ateni. Il-​liġi Griega u Rumana ma kinitx tippermetti li jiġu introdotti allat barranin u drawwiet reliġjużi ġodda. L-​imħabba li kellu Pawlu għan-​nies qanqlitu biex isir jaf tajjeb il-​prattiċi reliġjużi tagħhom. F’Ateni hu ra artal li fuqu kien hemm imnaqqax “Lil Alla Mhux Magħruf.” Hu uża dan id-​dettall fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tiegħu. (Atti 17:​22, 23) X’mod mill-​aħjar biex jintroduċi l-​messaġġ tiegħu b’mod ħanin u bir-​rispett!

Min jaf kemm ħassu ferħan Pawlu meta ħares lura u ra r-​riżultati taʼ xogħlu bħala appostlu tal-​ġnus! Hu għen biex jistabbilixxi kongregazzjonijiet magħmulin minn għadd taʼ Kristjani li ma kinux Lhud f’Korintu, f’Filippi, f’Tessalonika, u fi bliet f’Galazja. Hu għen lil irġiel u nisa taʼ fidi, bħalma kienu Damari, Djonisju, Serġju Pawlu, u Titu. Xi privileġġ hu li tara nies li la kienu jafu lil Jehovah u lanqas il-​Bibbja jaċċettaw il-​verità tal-​Kristjanità! Dwar l-​irwol tiegħu f’li jgħin lil nies li ma kinux Lhud biex jaslu għal għarfien tal-​verità, Pawlu qal: “Ix-​xewqa tiegħi hi li nxandar l-​Evanġelju fejn qatt ma ssemma Kristu, sabiex ma nkunx bnejt fuq sisien li jkun qiegħed ħaddieħor; kif inhu miktub: ‘Biex dawk li qatt ma kellhom l-​aħbar jaraw; u dawk li qatt ma semgħu bih jifhmuh.’” (Rumani 15:​20, 21) Nistgħu nieħdu sehem f’li niddikjaraw l-​aħbar tajba lil nies li m’humiex taʼ l-​istess kultura tagħna?

Ngħinu lill-​Ġnus Kollha taʼ l-​Art

Salamun talab lil Jehovah dwar in-​nies li ma kinux Iżraelin u li kienu jmorru biex jagħtu qima fit-​tempju taʼ Ġerusalemm. Hu talab mill-​qalb: “Isimgħu [lill-barrani] mis-​sema li hu għamartek u agħmel kull ma jitolbok il-​barrani, biex ikunu jafu b’ismek il-​ġnus kollha taʼ l-​art.” (1 Slaten 8:​41-43, korsiv tagħna.) Illum, f’ħafna pajjiżi, eluf taʼ proklamaturi tas-​Saltna jidwu dawn is-​sentimenti. Huma jiltaqgħu maʼ nies bħan-​Ninwin li, b’mod spiritwali, “ma jafux jagħżlu bejn il-​lemin u x-​xellug tagħhom.” Ukoll, ix-​xandara tas-​Saltna huma ħerqana li jkollhom sehem fit-​twettiq tal-​profeziji li għandhom x’jaqsmu mal-​ġbir t’adoraturi veri minn ħafna nazzjonijiet differenti.​—Isaija 2:​2, 3; Mikea 4:​1-3.

Bħalma nies mill-​Kristjaneżmu aċċettaw il-​messaġġ taʼ tama mill-​Bibbja, nies minn sfondi reliġjużi oħrajn qed jagħmlu l-​istess. Dan kif jistaʼ jeffettwak personalment? Eżamina lilek innifsek bl-​onestà kollha. Jekk tħoss li għandek xi għeruq taʼ preġudizzju mqabbdin sew ġo fik, aqlagħhom billi tikkultiva l-​imħabba.a Twarrabx nies li Alla hu lest li jilqaʼ għandu.​—Ġwann 3:​16.

Ipprepara lilek innifsek mentalment qabel ma tiġi biex titkellem maʼ nies minn sfondi differenti. Sir af x’jemmnu, x’jinteressahom, u l-​mod taʼ ħsieb tagħhom; imbagħad fittex affarijiet li taqblu fuqhom. Uri tjubija u mogħdrija m’oħrajn. Evita l-​argumenti, kun flessibbli u pożittiv. (Luqa 9:​52-​56) Meta tagħmel hekk, tkun qed tferraħ qalb Jehovah, “li jrid li l-​bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-​verità.”​—1 Timotju 2:4.

Kemm aħna ferħanin li fil-​kongregazzjonijiet tagħna għandna nies taʼ sfondi differenti! (Isaija 56:​6, 7) Kemm nieħdu gost illum meta nisimgħu mhux biss ismijiet bħal Mary, John, Stephen, u Tom imma wkoll ismijiet bħal Mamadou, Jegan, Reza, u Chan! Verament, “hemm bieb kbir miftuħ” għalina. (1 Korintin 16:9) Jalla naħtfu l-​opportunitajiet li hemm quddiemna biex nestendu l-​istedina offruta minn dak Alla imparzjali, Jehovah, biex nilqgħu lil nies mill-​ġnus kollha!

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​Awake!, tat-​8 taʼ Lulju, 1996, paġni 5-7, “Walls That Block Communication”(Ħitan li Jfixklu l-​Komunikazzjoni).

[Stampi f’paġna 23]

Pawlu kien jaqsam l-​aħbar tajba maʼ nies minn kullimkien billi addatta ruħu

. . . f’Ateni

. . . ġewwa Filippi

. . . waqt il-​vjaġġi tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja