LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 1/1 pp. 23-26
  • Nota li Biddlitli Ħajti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nota li Biddlitli Ħajti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nikber Bħala Truxa
  • Il-​Ħajja fid-​Dinja Tiegħi
  • Niżviluppa Ħbiberija Prezzjuża
  • Nakkumpanja lil Ħabib Speċjali
  • Għalkemm Truxa u Għamja, Sibt is-Sigurtà
    Stenbaħ!—2001
  • In-Nazi Ma Setgħux Ibiddluni
    Stenbaħ!—2012
  • Għalkemm trux, ma żammejtx lura milli ngħallem lil oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Għożż lil Ħutek Neqsin mis-Smigħ!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 1/1 pp. 23-26

Bijografija

Nota li Biddlitli Ħajti

KIF RAKKONTATA MINN IRENE HOCHSTENBACH

Kien it-​Tlieta fil-​għaxija tas-​sena 1972. Kelli 16-il sena u kont mort mal-​ġenituri tiegħi għal laqgħa reliġjuża f’Eindhoven, belt fil-​provinċja taʼ Brabant, fl-​Olanda. Ħassejtni mbeżżaʼ u xtaqt li kont qiegħda xi mkien ieħor. Imbagħad, żewġ tfajliet tawni nota żgħira li fiha kitbuli: “Għażiża Irene, verament nixtiequ ngħinuk.” Ma rrealizzajtx kemm dik in-​nota kienet se tbiddilli ħajti. Iżda qabel ma nsemmi x’ġara wara dan, ħalli nirrakkonta xi ħaġa dwari.

TWELIDT fil-​gżira taʼ Belitung, fl-​Indoneżja. Għadni niftakar xi ftit mill-​ħsejjes li kont nismaʼ fuq dik il-​gżira tropikali—it-​tħaxwix tas-​siġar tal-​palm fir-​riħ, il-​ħoss ħlejju taʼ xmara li kienet fil-​qrib, id-​daħq tat-​tfal jilagħbu madwar id-​dar, kif ukoll il-​ħoss tal-​mużika li kien jimla d-​dar tagħna. Fl-​1960, meta kelli erbaʼ snin, jien u l-​familja tlaqna mill-​Indoneżja u morna ngħixu l-​Olanda. Għamilna vjaġġ twil bil-​vapur, u l-​ħoss li għadni niftakar b’mod speċjali huwa dak tal-​ġugarell favorit tiegħi li kont inġorr miegħi—buffu żgħir b’tanbur. Meta kelli sebaʼ snin tlift is-​smigħ, u minn dak inhar ma bqajt nismaʼ xejn mill-​ħsejjes taʼ madwari. Kulma baqagħli huwa l-​memorji.

Nikber Bħala Truxa

Minħabba li l-​ġenituri tiegħi ħadu ħsiebi bl-​imħabba, għall-​ewwel ma rrealizzajtx kompletament x’konsegwenzi kien se jħalli fuqi l-​fatt li jien truxa. Bħala tifla, kont nara l-​apparat tas-​smigħ enormi li kelli bħala xi ħaġa taʼ gost, għalkemm bih u mingħajru kien kważi xorta. Sabiex jikkomunikaw miegħi, it-​tfal tal-​ġirien kienu jiktbuli konversazzjoni sħiħa bil-​ġibs fuq il-​bankina, u jien kont inweġibhom, avolja ma stajtx nismaʼ leħni stess.

Meta bdejt nikber, bdejt nirrealizza li kont differenti min-​nies taʼ madwari. Ukoll, innotajt li xi nies kienu jwaqqgħuni għaċ-​ċajt minħabba li jien truxa, waqt li oħrajn kienu jċaħħduni mill-​kumpanija tagħhom. Bdejt inħossni mwarrba u waħdi. Bdejt nirrealizza xi jfisser li tkun truxa, u iktar ma bdejt nikber, iktar bdejt nibżaʼ mid-​dinja tan-​nies li jisimgħu.

Sabiex stajt nattendi skola speċjali għat-​torox, il-​ġenituri tiegħi ddeċidew li bħala familja nitilqu minn villaġġ fil-​provinċja taʼ Limburg għall-​belt taʼ Eindhoven. Hemmhekk, missieri pprova jsib xogħol, u ħija u ħuti l-​bniet attendew skola ġdida. Jien grata ħafna għall-​aġġustamenti li għamlu minħabba fija. Fl-​iskola ġejt mgħallma naddatta l-​volum taʼ leħni u nesprimi ruħi b’mod iktar ċar. U għalkemm l-​għalliema ma kinux jużaw il-​lingwa tas-​sinjali, sħabi tal-​klassi għallmuni nużaha.

Il-​Ħajja fid-​Dinja Tiegħi

Meta kont qed nikber, il-​ġenituri pprovaw ħafna jikkomunikaw miegħi, iżda kien hemm ħafna affarijiet li ma kontx nifhem. Per eżempju, ma kontx nifhem għala l-​ġenituri tiegħi kienu qed jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah. Iżda niftakar li darba minnhom, jien u l-​familja żorna post fejn ħafna nies kienu bil-​qiegħda fuq is-​siġġijiet. Ilkoll kienu jħarsu ’l quddiem, xi drabi jċapċpu, u kultant żmien iqumu bil-​wieqfa—iżda għala kienu jagħmlu dawn l-​affarijiet, ma kontx naf. Ħafna iktar tard sirt naf li kont attendejt konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​ġenituri tiegħi kienu wkoll jiħduni f’sala żgħira fil-​belt taʼ Eindhoven. Kont inħossni komda hemmhekk għax kulħadd kien qalbu tajba u l-​familja tiegħi kienet tidher kuntenta, iżda għala konna mmorru hemm, ma kontx naf. Issa naf li s-​sala żgħira kienet is-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

B’dispjaċir, ma kien hemm ħadd preżenti f’dawn il-​laqgħat li setaʼ jinterpreta l-​programm għalija. Issa nirrealizza li dawk preżenti riedu jgħinuni iżda ma kinux jafu kif għandhom jagħmlu minħabba li jien truxa. Wara dawn il-​laqgħat kont inħossni mwarrba u kont naħseb, ‘Aħjar kont l-​iskola milli hawn.’ Iżda eżatt malli għaddewli dawk il-​ħsibijiet minn moħħi, żewġ tfajliet ħarbxu xi ħaġa fuq biċċa karta u għaddewhieli. Din kienet in-​nota li semmejt fil-​bidu. Lanqas biss irrealizzajt li din in-​nota kienet se tkun il-​bidu taʼ ħbiberija prezzjuża li kienet se teħlisni mid-​dinja iżolata tiegħi.

Niżviluppa Ħbiberija Prezzjuża

Colette u Hermine, li għaddewli n-​nota, kellhom ftit iktar minn 20 sena. Iktar tard, sirt naf li kienu ġew fil-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah li jien kont qed inżur sabiex jaqdu bħala pijunieri regulari, jew ministri full-time. Għalkemm Colette u Hermine ma kinux jafu sew il-​lingwa tas-​sinjali, irnexxieli naqralhom xofftejhom huma u jkellmuni, u b’dan il-​mod stajna nikkomunikaw mhux ħażin.

Il-ġenituri tiegħi tgħidx kemm ħadu gost meta Colette u Hermine staqsewni biex jistudjaw il-​Bibbja miegħi, iżda dawn it-​tfajliet għamlu ħafna iktar minn hekk. Huma għamlu dak kollu li setgħu biex jinterpretaw il-​laqgħat għalija fis-​Sala tas-​Saltna kif ukoll għenuni nissieħeb m’oħrajn fil-​kongregazzjoni. Huma pprattikaw miegħi preżentazzjonijiet mill-​Bibbja biex nużahom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u wkoll għenuni nipprepara t-​taħditiet għall-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Immaġina ftit, issa saħansitra kelli l-​kuraġġ nagħti taħdita quddiem grupp taʼ nies li jisimgħu!

Iktar minn hekk, Colette u Hermine ġagħluni nħoss li nistaʼ nafdahom. Kienu paċenzjużi miegħi u kienu jisimgħuni. Għalkemm spiss konna nidħqu bl-​iżbalji tiegħi, huma qatt ma waqqgħuni għaċ-​ċajt; lanqas ma kienu jistħu għax kont inkun magħhom. Huma pprovaw jifhmu kif inħossni u ttrattawni qisni kont bħalhom. Dawn it-​tfajliet taʼ qalb tajba tawni rigal mill-​isbaħ—l-​imħabba u l-​ħbiberija tagħhom.

L-iktar ħaġa importanti hi li Colette u Hermine għallmuni li kelli nsir naf ’l Alla, Jehovah, bħala ħabib li nistaʼ nafdah. Huma spjegawli li Jehovah kien rani bil-​qiegħda fis-​Sala tas-​Saltna u li hu fehem xi jfisser għalija l-​fatt li jien truxa. Kemm jien grata li l-​imħabba tagħna t-​tlieta għal Jehovah ġibditna lejn xulxin bħala ħbieb! Ġejt imqanqla mill-​fatt li Jehovah kien jieħu ħsiebi, u sforz l-​imħabba tiegħi lejh, issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lilu permezz tal-​magħmudija bl-​ilma f’Lulju taʼ l-​1975.

Nakkumpanja lil Ħabib Speċjali

Fis-​snin taʼ wara, sirt naf iktar u iktar aħwa Kristjani. Ħu wieħed sar ħabib speċjali ferm għalija, u żżewwiġna fl-​1980. Ftit wara dan, bdejt naqdi bħala pijuniera, u fl-​1994 żewġi, Harry, u jien ġejna inkarigati naqdu bħala pijunieri speċjali fl-​għalqa tal-​Lingwa tas-​Sinjali bl-​Olandiż. Is-​sena taʼ wara, kelli niffaċċja inkarigu taʼ sfida. Kelli nakkumpanja lil żewġi, li m’huwiex nieqes mis-​smigħ, hekk kif iżur kongregazzjonijiet differenti bħala sostitut għall-​indokratur tas-​circuit.

Dan huwa kif inkampa. Meta nżuru lkongregazzjoni għall-​ewwel darba, mill-​ewwel immur inkellem lil kemm jistaʼ jkun aħwa u nintroduċi lili nnifsi. Ngħidilhom li jien truxa u nitlobhom iħarsu lejja waqt li jkellmuni bil-​mod. Ukoll nipprova nwieġeb mill-​ewwel fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. U nistaqsi jekk xi ħadd jixtieqx jagħmilha taʼ interpretu għalija fil-​laqgħat u s-​servizz taʼ l-​għalqa għal dik il-​ġimgħa.

Dan il-​metodu tant jirnexxi li kultant ħuti jinsew li ma nismax, u għalhekk nispiċċaw f’xi sitwazzjoni tad-​daħq. Per eżempju, huma jgħiduli li meta jarawni miexja fil-​belt, idoqquli l-​ħorn tal-​karozza tagħhom biex isellmuli, imma ovvjament, jien ma nagħmel l-​ebda reazzjoni. Kultant anki jien stess ninsa l-​limitazzjonijiet tiegħi—bħal meta nipprova npespes xi ħaġa kunfidenzjali f’widnejn żewġi. Meta f’salt wieħed narah jiħmar, ninduna li t-​“tpespisa” tiegħi kienet għolja wisq.

It-tfal jgħinu b’mod li ma tistenniehx. F’kongregazzjoni li konna żorna għall-​ewwel darba, tifel taʼ disaʼ snin innota li xi wħud fis-​Sala tas-​Saltna bdew jistħu ftit biex ikellmuni, u hu ddeċieda li jagħmel xi ħaġa dwar dan. Ġie fuqi, qabadli idi, ħadni fin-​nofs tas-​Sala tas-​Saltna, u għajjat kemm felaħ, “Nixtieq nintroduċilkom lil Irene—hija truxa!” Dawk li kienu preżenti ġew fuqi u introduċew ruħhom.

Hekk kif nakkumpanja lil żewġi fix-​xogħol tas-​circuit, il-​ħbieb tiegħi jkomplu jiżdiedu. Kemm hi differenti ħajti llum mis-​snin meta kont inħossni mwarrba u iżolata! Minn dakinhar fil-​għaxija li Colette u Hermine għaddewli dik in-​nota żgħira f’idejja, esperjenzajt il-​qawwa tal-​ħbiberija u ltqajt maʼ nies li saru speċjali ferm għalija. Fuq kollox, sirt naf lil Jehovah, l-​iktar Ħabib prezzjuż minnhom kollha. (Rumani 8:​38, 39) Kif biddlitli ħajti dik id-​daqsxejn taʼ nota!

[Stampa f’paġna 24]

Għadni niftakar il-​ħoss tal-​ġugarell favorit tiegħi

[Stampi f’paġna 25]

Fil-​ministeru u maʼ żewġi Harry

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja