LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 1/1 pp. 27-30
  • Oqgħod Attent minn Drawwiet li Ma Jogħġbux lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Oqgħod Attent minn Drawwiet li Ma Jogħġbux lil Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Inhi l-​Kundizzjoni tal-​Mejtin?
  • Ċerimonji tat-​Twelid u l-​Għoti taʼ l-​Isem
  • Jgħaddu mill-​Mewt għall-​Ħajja
  • Pressjoni biex Tkun bħall-​Oħrajn
  • Nirrispettaw lill-​Mejtin ​—Nonoraw lil Ġeħova
  • Funerali Kristjani—Dinjitużi, Sempliċi, u Jogħġbu lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ħarsa Kristjana Lejn id-Drawwiet Funebri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ħarsa Bilanċjata Lejn Drawwiet Popolari
    Stenbaħ!—2000
  • Iddefendi l-verità dwar il-mewt
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 1/1 pp. 27-30

Oqgħod Attent minn Drawwiet li Ma Jogħġbux lil Alla

F’BITĦA żgħira, hemm tebut miftuħ taħt ix-​xemx tikwi taʼ l-​Afrika. Hekk kif ħbieb u qraba mnikkta jgħaddu minn ħdejh biex jesprimu d-​dispjaċir tagħhom, raġel xiħ jieqaf ħdejh. B’għajnejh kollhom diqa, jitbaxxa qrib wiċċ il-​mejjet u jibda jitkellem: “Għax m’għedtlix li sejjer? Għax ħallejtni hekk? Issa li mort lura, se tkompli tgħinni?”

F’parti oħra taʼ l-​Afrika, titwieled tarbija. Ħadd ma jistaʼ jara t-​tarbija. Huwa biss wara li jgħaddi ftit taż-​żmien li t-​tarbija tistaʼ tinħareġ biex jaraha l-​pubbliku u tingħata isem b’mod ċerimonjali.

Għal xi wħud, il-​fatt li titkellem maʼ mejjet jew li taħbi tarbija mill-​oħrajn jistaʼ jidher bħala mġiba stramba. Però, f’ċerti kulturi u soċjetajiet, l-​imġiba u l-​attitudni tan-​nies lejn il-​mewt u t-​twelid huma influwenzati mit-​twemmin qawwi ferm li l-​mejtin m’humiex tassew mejtin imma jinsabu ħajjin u konxji.

It-twemmin tant hu qawwi li jinsab minsuġ sew fid-​drawwiet u r-​riti li jinvolvu kważi kull aspett tal-​ħajja. Per eżempju, hemm miljuni li jemmnu li l-​passi importanti fil-​ħajja taʼ xi ħadd​—bħat-​twelid, l-​iżvilupp, iż-​żwieġ, li jkollhom it-​tfal, u l-​mewt​—huma parti minn mogħdija li twassal għall-​qasam taʼ l-​ispirti taʼ l-​antenati. Dawn l-​uħud jemmnu li f’dan il-​post, individwu mejjet ikompli jkollu rwol attiv fil-​ħajja taʼ dawk li jkun ħalla warajh. U jistaʼ jkompli ċ-​ċiklu tal-​ħajja permezz tat-​twelid mill-​ġdid.

Biex wieħed żgur jgħaddi bla tfixkil minn dawn il-​passi taċ-​ċiklu, isiru għadd taʼ drawwiet u riti. Dawn id-​drawwiet huma influwenzati mit-​twemmin li xi ħaġa ġo fina tibqaʼ ħajja wara l-​mewt. Il-​Kristjani veri jevitaw kull drawwa li hija konnessa maʼ dan it-​twemmin. Għala?

X’Inhi l-​Kundizzjoni tal-​Mejtin?

Il-​Bibbja titkellem ċar meta tiddeskrivi lkundizzjoni tal-​mejtin. Din sempliċement tgħid: “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-​mejtin ma jafu xejn . . . L-​imħabba tagħhom, il-​mibegħda u l-​għira li kellhom, issa ntemmu . . . Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-​Imwiet [jew il-​qabar komuni tal-​bniedem] fejn inti sejjer.” (Koħèlet 9:​5, 6, 10) L-​aduraturi veri t’Alla ilhom żmien twil iħaddnu din il-​verità bażika tal-​Bibbja. Huma fehmu li r-​ruħ, minflok ma hi immortali, tistaʼ tmut u tinqered. (Eżekjel 18:​4, KŻ) Huma jafu wkoll li l-​ispirti tal-​mejtin ma jeżistux. (Salm 146:​4, NW) Fi żmien il-​qedem, Ġeħova kkmanda lill-​poplu tiegħu b’mod strett biex jissepara ruħu għalkollox mid-​drawwiet jew ir-​riti li kienu konnessi mat-​twemmin li l-​mejtin jistgħu jaħsbu u jinfluwenzaw lill-​ħajjin.​—Dewteronomju 14:1; 18:​9-13; Isaija 8:​19, 20.

Il-Kristjani taʼ l-​ewwel seklu bl-​istess mod evitaw kwalunkwe drawwa jew rit tradizzjonali li kien konness maʼ tagħlim reliġjuż falz. (2 Korintin 6:​15-17) Illum, minkejja r-​razza, it-​tribù, jew l-​isfond tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jwarrbu t-​tradizzjonijiet u d-​drawwiet li huma konnessi mat-​tagħlim falz li xi ħaġa fil-​bniedem tibqaʼ ħajja wara l-​mewt.

X’jiggwidana bħala Kristjani meta niġu biex niddeċiedu jekk għandniex nosservaw ċerta drawwa jew le? Irridu naħsbu bir-​reqqa dwar jekk hijiex konnessa b’xi mod maʼ xi tagħlim li m’huwiex Skritturali, bħat-​twemmin li l-​ispirti tal-​mejtin jinfluwenzaw il-​ħajjiet tal-​ħajjin. Iktar minn hekk, irridu nikkunsidraw il-​fatt li jekk nieħdu sehem fi drawwa jew ċerimonja bħal din inkunux se nfixklu lil oħrajn li jafu x’jemmnu u x’jgħallmu x-​Xhieda taʼ Ġeħova. B’dawn il-​punti f’moħħna, ejja neżaminaw żewġ aspetti li tajjeb naħsbu dwarhom—it-​twelid u l-​mewt.

Ċerimonji tat-​Twelid u l-​Għoti taʼ l-​Isem

Ħafna drawwiet konnessi mat-​twelid huma xierqa. Madankollu, f’postijiet fejn it-​twelid jitqies bħala proċess li fih wieħed jgħaddi mill-​qasam taʼ l-​antenati spirti għal dak tal-​komunità umana, il-​Kristjani veri jridu joqogħdu attenti. F’xi partijiet taʼ l-​Afrika, per eżempju, tarbija li tkun għadha kif twieldet tinżamm ġewwa u ma tingħatax isem sakemm jgħaddi perijodu taʼ żmien. Waqt li l-​istennija tvarja minn lokal għall-​ieħor, din tispiċċa b’ċerimonja li fiha t-​tarbija tingħata isem u tinħareġ barra u tiġi preżentata b’mod formali lill-​qraba u l-​ħbieb. F’dak iż-​żmien, isem it-​tarbija jitħabbar b’mod uffiċjali lil dawk preżenti.

Meta kien qed jispjega t-​tifsira taʼ din id-​drawwa, il-​ktieb Ghana​—Understanding the People and Their Culture jgħid: “Matul l-​ewwel sebat ijiem taʼ ħajjitha, it-​tarbija hija kunsidrata bħala li qiegħda fuq ‘żjara’ u qed tgħaddi minn proċess taʼ bidla mid-​dinja taʼ l-​ispirti għall-​ħajja fuq l-​art. . . . Ġeneralment it-​tarbija tinżamm ġewwa u n-​nies li m’humiex qraba ma jitħallewx jarawha.”

Għala hemm perijodu taʼ stennija qabel ma t-​tarbija tingħata l-​isem b’mod ċerimonjali? Il-​ktieb Ghana in Retrospect jispjega: “Qabel it-​tmien jum, huwa maħsub li t-​tarbija ma tkunx umana. Bejn wieħed u ieħor tkun konnessa mad-​dinja l-​oħra minfejn tkun ġiet.” Il-​ktieb ikompli: “Peress li hu l-​isem li, bħallikieku, jagħmel lit-​tarbija umana, il-​koppja joqogħdu lura milli jsemmu lit-​tarbija jekk ikunu qed jibżgħu li se tmut, sakemm ikunu ċerti li din se tibqaʼ ħajja. . . . Għalhekk, ir-​rit taʼ din il-​bidla, il-​preżentazzjoni tat-​tarbija lill-​pubbliku, huwa maħsub li għandu konsegwenzi kbar għat-​tarbija u l-​ġenituri tagħha. Hija ċ-​ċerimonja li ġġib lit-​tarbija fil-​kumpanija jew fid-​dinja tal-​bnedmin.”

Qarib taʼ familja kbir fl-​età ġeneralment imexxi ċerimonja bħal din li ssir biex it-​tarbija tingħata l-​isem. Dak li jseħħ waqt l-​okkażjoni jvarja minn post għall-​ieħor, imma ċ-​ċerimonja spiss tinkludi tferrigħ taʼ likwidi, talb offrut lill-​ispirti taʼ l-​antenati li jesprimi gratitudni għall-​wasla mingħajr periklu tat-​tarbija, u riti oħra.

L-iktar mument li jispikka fiċ-​ċerimonja hu meta jitħabbar l-​isem tat-​tarbija. Għalkemm il-​ġenituri huma responsabbli li jsemmu lit-​tarbija tagħhom, qraba oħrajn spiss għandhom influwenza qawwija fuq l-​isem li jintgħażel. Xi ismijiet jistaʼ jkollhom tifsira simbolika fil-​lingwa tal-​lokal, bħal “telqet u reġgħet ġiet,” “l-​Omm ġiet it-​tieni darba,” jew “il-​Missier reġaʼ ġie.” Ismijiet oħra fihom tifsira apposta li tiskuraġġixxi lill-​antenati milli jieħdu lit-​tarbija tat-​twelid lura fid-​dinja tal-​mejtin.

M’għandniex xi ngħidu, m’hemm xejn ħażin li wieħed jifraħ minħabba t-​twelid taʼ tarbija. Il-​fatt li t-​tarbija tissemma għal xi ħadd ieħor u tingħata isem li jirrifletti ċ-​ċirkustanzi konnessi mat-​twelid tagħha huma drawwiet aċċettabbli, u hija deċiżjoni persunali taʼ dak li jkun biex jara meta se jagħti isem lit-​tarbija tiegħu. Però, il-​Kristjani li jridu jogħġbu lil Alla joqogħdu attenti li jevitaw kwalunkwe drawwa jew ċerimonja li tagħti l-​impressjoni li qed jaqblu mal-​ħarsa li t-​tarbija tat-​twelid tinsab fuq “żjara” waqt li qed tgħaddi mid-​dinja taʼ l-​ispirti taʼ l-​antenati għad-​dinja tal-​komunità ħajja.

Barra minn hekk, waqt li ħafna fil-​komunità jaraw iċ-​ċerimonja taʼ l-​għoti taʼ l-​isem bħala rit importanti bejn żewġ dinjiet, il-​Kristjani għandhom joqogħdu attenti għall-​kuxjenza taʼ l-​oħrajn u jikkunsidraw l-​impressjoni li se tingħata lil dawk li ma jemmnux. Per eżempju, x’għandhom mnejn jikkonkludu xi wħud jekk familja Kristjana żżomm it-​tarbija tat-​twelid tagħha milli tidher fil-​pubbliku sakemm issemmiha permezz taʼ ċerimonja? X’impressjoni se tingħata jekk jintużaw ismijiet li jikkontradixxu dak li ssostni int, jiġifieri li tgħallem il-​verità tal-​Bibbja?

Għalhekk, meta jiddeċiedu kif u meta għandhom isemmu lil uliedhom, il-​Kristjani jistinkaw biex ‘jagħmlu kollox għall-​glorja t’Alla’ ħalli ma jfixklu lil ħadd. (1 Korintin 10:​31-33) Huma ma ‘jwarrbux fil-​ġenb il-​kmandament t’Alla sabiex iżommu t-​tradizzjonijiet’ li huma mfasslin kompletament biex jonoraw lill-​mejtin. Għall-​kuntrarju, huma jonoraw u jigglorifikaw lill-​Alla l-​ħaj, Ġeħova.​—Marku 7:​9, 13.

Jgħaddu mill-​Mewt għall-​Ħajja

Il-​mewt, bħat-​twelid, hija kunsidrata bħala bidla; dak li jmut jgħaddi mid-​dinja viżibbli għall-​qasam inviżibbli taʼ l-​ispirti tal-​mejtin. Ħafna jemmnu li jekk ma jsirux ċerti drawwiet u riti marbutin mal-​funeral meta jmut xi ħadd, l-​ispirti taʼ l-​antenati, li jingħad li għandhom il-​qawwa biex jikkastigaw jew jippremjaw lill-​ħajjin, se jirrabjaw. Dan it-​twemmin jinfluwenza bil-​kbir il-​mod kif jiġu mħejjijin u kif isiru l-​funerali.

Il-funerali li suppost isiru biex jikkalmaw lill-​mejtin spiss jinvolvu għadd kbir taʼ emozzjonijiet​—minn ilfiq u għajjat qawwi fil-​preżenza tal-​katavru għal festi kollhom hena wara d-​dfin. Xalar, sokor, u żfin bla kontroll maʼ mużika tgħajjat spiss huma l-​karatteristiċi taʼ ċelebrazzjonijiet taʼ funerali bħal dawn. Dawn il-​funerali jingħataw importanza kbira tant li anki familji li huma tassew foqra spiss jagħmlu sforz kbir biex jiġbru biżżejjed flus ħalli jipprovdu “difna xierqa,” avolja tistaʼ ġġibhom f’diffikultà u fid-​dejn.

Tul is-​snin, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kixfu fil-​beraħ drawwiet li m’humiex skritturali dwar il-​funerali.a Dawn id-​drawwiet jinkludu sahriet tal-​lejl mal-​katavru, tferrigħ taʼ likwidi, diskussjoni u talb mal-​mejtin, osservanzi ċerimonjali taʼ l-​anniversarju tal-​funeral, u drawwiet oħra bbażati fuq it-​twemmin li xi ħaġa fl-​individwu tibqaʼ ħajja wara l-​mewt. Drawwiet bħal dawn li jġibu diżunur lil Alla huma ‘mniġġsa,’ “qerq fieragħ” ibbażat fuq “it-​tradizzjoni tal-​bnedmin” u mhux fuq il-​verità tal-​Kelma t’Alla.—Isaija 52:11; Kolossin 2:8.

Pressjoni biex Tkun bħall-​Oħrajn

Għal xi wħud kienet taʼ sfida li jevitaw drawwiet tradizzjonali, speċjalment f’dawk il-​pajjiżi fejn huwa kunsidrat importanti ferm li jiġu onorati l-​mejtin. Minħabba li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jsegwux drawwiet bħal dawn, ħafna jħarsu lejhom b’suspett jew jakkużawhom li m’humiex soċjevoli jew li juru nuqqas taʼ rispett lejn il-​mejtin. Il-​kritika u l-​pressjoni qawwija ġagħlu lil xi wħud jibżgħu jispikkaw bħala nies differenti minkejja l-​fehma korretta li għandhom dwar il-​verità tal-​Bibbja. (1 Pietru 3:14) Oħrajn ħassew li dawn id-​drawwiet huma parti mill-​kultura u ma jistgħux jiġu evitati għalkollox. Jerġaʼ oħrajn ħassew li jekk jirrifjutaw li jsegwu d-​drawwa jistgħu jikkaġunaw il-​preġudizzju fil-​komunità kontra n-​nies t’Alla.

Aħna ma rridux noffendu lil oħrajn bla bżonn. Però, il-​Bibbja twissina li jekk nieħdu pożizzjoni soda fuq in-​naħa tal-​verità se jkollna d-​diżapprovazzjoni tad-​dinja li tinsab imbiegħda minn Alla. (Ġwanni 15:​18, 19; 2 Timotju 3:​12; 1 Ġwanni 5:​19) Aħna nieħdu din il-​pożizzjoni minn jeddna, ladarba nafu li rridu nkunu differenti minn dawk li jinsabu fid-​dlam spiritwali. (Malakija 3:​18; Galatin 6:​12) L-​istess bħalma Ġesù rreżista t-​tentazzjoni taʼ Satana biex jagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Alla, hekk ukoll aħna rridu nirreżistu l-​pressjoni biex naġixxu b’tali mod li ma jogħġobx lil Alla. (Mattew 4:​3-7) Minflok ma jiġu effettwati mill-​biżaʼ tal-​bniedem, il-​prijorità għall-​Kristjani veri hi li jogħġbu lil Alla Ġeħova u jonorawh bħala l-​Alla tal-​verità. Huma jagħmlu dan billi avolja jkollhom pressjoni mill-​oħrajn, ma jagħmlux kompromess fejn jidħlu l-​livelli tal-​Bibbja għall-​qima pura.​—Proverbji 29:25; Atti 5:​29.

Nirrispettaw lill-​Mejtin ​—Nonoraw lil Ġeħova

Huwa normali li nħossu wġigħ emozzjonali u niket kbir meta xi ħadd li nħobbu jmut. (Ġwanni 11:​33, 35) Huwa xieraq u addattat li ngħożżu l-​memorji tal-​maħbub tagħna u nipprovdu difna dinjituża biex nuru l-​imħabba tagħna lejh. Però, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jkampaw mad-​dwejjaq kbar tal-​mewt mingħajr ma jinvolvu ruħhom fi prattiċi tradizzjonali li ma jogħġbux lil Alla. Dan m’huwiex faċli għal dawk li trabbew f’kulturi fejn hemm biżaʼ kbir mill-​mejtin. Tistaʼ tkun taʼ sfida li nżommu l-​bilanċ meta nkunu muġugħin emozzjonalment minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd għażiż għalina. Minkejja dan, il-​Kristjani leali jiġu msaħħin minn Ġeħova, “l-​Alla taʼ kull faraġ,” u jibbenefikaw mill-​appoġġ kollu mħabba taʼ sħabhom fit-​twemmin. (2 Korintin 1:​3, 4) Il-​fidi qawwija tagħhom fil-​fatt li l-​mejtin li m’humiex konxji jinsabu fil-​memorja t’Alla u li xi darba se jerġgħu jgħixu tagħti lill-​Kristjani veri kull raġun biex jisseparaw ruħhom għalkollox minn drawwiet marbutin mal-​funerali li m’humiex Kristjani u li jiċħdu r-​realtà taʼ l-​irxoxt.

M’aħniex tassew kuntenti li Ġeħova sejħilna “mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb”? (1 Pietru 2:9) Hekk kif nesperjenzaw il-​ferħ tat-​twelid u nissaportu n-​niket tal-​mewt, jalla x-​xewqa qawwija tagħna biex nagħmlu t-​tajjeb u l-​imħabba profonda tagħna għal Alla Ġeħova jqanqluna dejjem “bħala wlied id-​dawl.” Jalla qatt ma nħallu lilna nfusna nitniġġsu spiritwalment minn drawwiet mhux Kristjani li ma jogħġbux lil Alla.​—Efesin 5:8.

[Nota taʼ taħt]

a Jekk jogħġbok ara l-​browxers Spirits of the Dead​—Can They Help You or Harm You? Do They Really Exist? u The Road to Everlasting Life​—Have You Found It? pubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja