LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 1/1 pp. 23-27
  • Kif Tipproteġi lil Uliedek Permezz taʼ l-Għerf Divin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tipproteġi lil Uliedek Permezz taʼ l-Għerf Divin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ifittxu Sħubija li Tibni
  • Kif Ikampaw mal-​Pressjoni biex Ikunu bħall-​Oħrajn
  • Il-​Ġibda Qawwija tad-​Divertiment
  • Afda f’Ġeħova
  • “Ħa Ma Niqfux Nagħmlu Dak li Hu Tajjeb”
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ġenituri—Kunu t’Eżempju mill-Aħjar għal Uliedkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Imita lil Jehovah Meta Tħarreġ lil Uliedek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 1/1 pp. 23-27

Kif Tipproteġi lil Uliedek Permezz taʼ l-​Għerf Divin

ĠISIMNA kuljum jinsab fi ġlieda. Irid jiġġieled kontra għadd taʼ mikrobi, parassiti, u virus. Imnalla l-​maġġuranza minna writna sistema li tiġġieled kontra l-​mard u tipproteġina kontra attakki bħal dawn u milli nintlaqtu minn diversi mardiet u infezzjonijiet.

Bl-istess mod, bħala Kristjani għandna niġġieldu kontra ħsibijiet u valuri mhux Skritturali u kontra pressjonijiet li jistgħu jeqirdulna s-​saħħa spiritwali. (2 Korintin 11:3) Sabiex kuljum inkunu nistgħu niġġieldu kontra dan l-​attakk fuq moħħna u qalbna, irridu niżviluppaw id-​difiżi spiritwali tagħna.

Dawn id-​difiżi huma speċjalment bżonnjużi għal uliedna, għaliex huma ma jitwildux b’difiżi spiritwali li jifilħu jiġġieldu l-​ispirtu tad-​dinja. (Efesin 2:2) Hekk kif it-​tfal ikunu qed jikbru, hu vitali li l-​ġenituri jgħinuhom jiżviluppaw id-​difiżi tagħhom stess. Minn xiex jiddependu dawn id-​difiżi? Il-​Bibbja tispjega: “Il-​Mulej jagħti l-​għerf . . . jgħasses it-​triq tat-​twajbin tiegħu.” (Proverbji 2:​6, 8) L-​għerf divin jistaʼ jgħasses it-​triq taʼ dawk iż-​żgħażagħ illi mingħajru għandhom mnejn iċedu għas-​sħubija taʼ ħsara, għall-​pressjoni minn taʼ mparhom, jew għad-​divertiment taʼ ħsara. Il-​ġenituri kif jistgħu jsegwu l-​gwida taʼ Ġeħova u jnaqqxu l-​għerf divin?

Ifittxu Sħubija li Tibni

Nistgħu nifhmu li l-​adoloxxenti jħobbu l-​kumpanija taʼ adoloxxenti oħra, imma jekk jissieħbu biss maʼ dawn l-​uħud taʼ bla esperjenza m’humiex se jiksbu l-​għerf divin. “Il-​bluha b’għeruqha fil-​qalb taʼ kull tifel,” iwissi l-​proverbju. (Proverbji 22:15) Imma allura, xi ġenituri kif għenu lil uliedhom japplikaw l-​għerf divin f’din il-​kwistjoni tas-​sħubija?

Missier li jismu Dona qal: “Is-​subien tagħna qattgħu ħafna ħin maʼ sħabhom li kienu taʼ l-​istess età, imma ħafna minn dan il-​ħin qattgħuh f’darna, meta konna nkunu hemm aħna. Darna kienet dejjem miftuħa u mimlija biż-​żgħażagħ, u aħna tmajniehom u lqajniehom. Konna kuntenti nissaportu l-​istorbju u ċ-​ċaqliq f’darna biex b’hekk nipprovdu ambjent ħieles mill-​periklu fejn uliedna setgħu jieħdu pjaċir.”

Brian u Mary għandhom tlett itfal mill-​aqwa imma jammettu sinċerament li ma kienx dejjem faċli li jħarrġuhom. Huma jgħidu: “Fil-​kongregazzjoni tagħna, kien hemm ftit żgħażagħ adoloxxenti li setgħu jissieħbu mat-​tifla tagħna Jane. Madankollu, kellha ħabiba waħda li jisimha Susan u din kienet żagħżugħa dħulija u ferriħija. Però, il-​ġenituri tagħha kienu iktar permissivi minna. Lil Susan kienu jħalluha ddum barra iktar minn Jane, kienu jħalluha tilbes dbielet iqsar, tismaʼ mużika dubjuża, u tara films li m’humiex xierqa. Għal ħafna żmien, Jane sabitha diffiċli biex tifhem il-​ħarsa tagħna. Għaliha, il-​ġenituri taʼ Susan kienu jidhru li jifhmuha iktar, imma lilna ratna ebsin wisq magħha. Kien biss meta Susan spiċċat fl-​inkwiet li Jane rrealizzat li aħna konna qed nipproteġuha meta konna sodi magħha. Aħna grati ħafna li ma ċedejniex fil-​waqfa tagħna għal dak li konna nemmnu li hu tajjeb għal bintna.”

Bħal Jane, ħafna żgħażagħ tgħallmu kemm hu għaqli li jfittxu l-​gwida tal-​ġenituri fil-​kwistjoni tas-​sħubija. “Min jilqaʼ t-​twiddib għall-​ġid, jagħmilha maʼ l-​għorrief,” jgħid il-​proverbju. (Proverbji 15:31) L-​għerf divin iqanqal liż-​żgħażagħ biex ifittxu l-​kumpanija taʼ ħbieb li se jibnuhom.

Kif Ikampaw mal-​Pressjoni biex Ikunu bħall-​Oħrajn

Is-​sħubija hija konnessa mill-​qrib mal-​pressjoni minn dawk taʼ madwarna. Jum wara l-​ieħor, il-​pressjoni biex ikunu bħall-​oħrajn tattakka d-​difiżi taʼ wliedna. Peress li ġeneralment iż-​żgħażagħ ifittxu l-​approvazzjoni taʼ dawk li jkunu taʼ l-​età tagħhom, il-​pressjoni minn taʼ mparhom tistaʼ tifformahom f’individwi li jidhru sbieħ mill-​ħarsa tad-​dinja.​—Proverbji 29:25.

Il-Bibbja tfakkarna li “d-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll.” (1 Ġwanni 2:​17) Għalhekk, il-​ġenituri m’għandhomx iħallu lil uliedhom ikunu influwenzati żżejjed mill-​ħarsa tad-​dinja. Kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jaħsbu b’mod xieraq għall-​Kristjani?

“Binti dejjem riedet tilbes dak li kienu jilbsu żgħażagħ oħra,” qal Richard. “Allura, bil-​paċenzja kollha rraġunajna magħha dwar il-​vantaġġi u l-​iżvantaġġi taʼ kulma kienet titlobna. Anki dwar l-​ilbies li ma konniex narawh ħażin, aħna segwejna parir li smajna ħafna snin ilu, ‘Ikun għaqli min la jkun l-​ewwel li jadotta moda ġdida u lanqas l-​aħħar li jitlaqha.’”

Omm li jisimha Pauline taffiet il-​pressjoni tal-​ħbieb taʼ wliedha b’mod differenti. Hi tiftakar: “Interessajt ruħi f’dak li jogħġob lil uliedi u kont immur spiss fil-​kamra tagħhom biex inkellimhom. Dawn il-​konversazzjonijiet fit-​tul għenuni nifforma l-​ħsibijiet tagħhom u ngħinhom jikkunsidraw modi differenti kif jistgħu jħarsu lejn l-​affarijiet.”

Il-​pressjoni mill-​ħbieb m’hijiex se tisparixxi, u allura wisq probabbli l-​ġenituri se jiffaċċjaw ġlieda kontinwa biex ‘iwaqqgħu r-​raġunamenti tad-​dinja’ u jgħinu lil uliedhom ‘ijassru ħsibijiethom biex jobdu lil Kristu.’ (2 Korintin 10:5) Imma billi ‘jipperseveraw fit-​talb,’ kemm il-​ġenituri u kemm it-​tfal se jissaħħu biex iwettqu dan l-​inkarigu vitali.—Rumani 12:12; Salm 65:3 (65:2, NW).

Il-​Ġibda Qawwija tad-​Divertiment

It-​tielet influwenza li l-​ġenituri għandhom mnejn isibuha diffiċli biex jipprovdu gwida dwarha hi dik tad-​divertiment. M’għandniex xi ngħidu, it-​tfal ċkejknin iħobbu jilagħbu. Ħafna tfal li huma akbar ukoll jixxennqu għad-​divertiment. (2 Timotju 2:22) Imma jekk tiġi sodisfata b’mod li m’huwiex għaqli, din il-​ġibda tistaʼ tkissrilhom id-​difiżi spiritwali tagħhom. Il-​periklu jiġi prinċipalment f’żewġ forom differenti.

L-ewwelnett, ħafna mid-​divertiment jirrifletti l-​livelli morali baxxi tad-​dinja. (Efesin 4:​17-​19) Madankollu, dan dejjem jiġi preżentat b’mod li jidher eċċitanti u attraenti. Dan hu tabilħaqq taʼ periklu għaż-​żgħażagħ, li jistgħu ma jindunawx bin-​nases.

It-tieni, l-​ammont taʼ ħin imqattaʼ fid-​divertiment jistaʼ wkoll jikkaġuna l-​problemi. Għal xi wħud, id-​divertiment isir l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom, u jiħdilhom wisq ħin u enerġija. Il-​proverbju jwissi li “m’hux tajjeb tiekol ħafna għasel.” (Proverbji 25:27) Bl-​istess mod, wisq divertiment se jnaqqas l-​aptit għall-​ikel spiritwali u jwassal għall-​għażż mentali. (Proverbji 21:17; 24:​30-​34) Jekk iż-​żgħażagħ igawdu din id-​dinja bis-​sħiħ m’humiex se jkunu jistgħu “jaqbdu qabda soda mal-​ħajja vera”​—ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. (1 Timotju 6:​12, 19) Xi ġenituri kif kampaw maʼ l-​isfida?

Mari Carmen, omm taʼ tlett ibniet, qalet: “Aħna ridna li wliedna jkollhom rikreazzjoni bnina u li jieħdu gost. Allura, konna noħorġu regolarment bħala familja, u huma qattgħu wkoll ħin maʼ ħbieb mill-​kongregazzjoni. Imma żammejna r-​rikreazzjoni f’postha. Qabbilna d-​divertiment mad-​deżerta fl-​aħħar taʼ ikla—ħelwa imma mhux il-​platt prinċipali. Huma tgħallmu jaħdmu fid-​dar, fl-​iskola, u fil-​kongregazzjoni.”

Don u Ruth għamlu sforz speċifiku biex jipprovdu d-​divertiment. “Għamilnieha drawwa li niddedikaw is-​Sibt bħala ‘jum tal-​familja,’” spjegaw huma. “Fil-​għodu nieħdu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, wara nofsinhar immorru ngħumu, u fil-​għaxija nieklu ikla speċjali.”

Il-kummenti taʼ dawn il-​ġenituri juru kemm hu importanti l-​bilanċ biex jiġi provdut divertiment bnin u biex dan jingħata l-​post li jixraqlu fil-​ħajja taʼ Kristjan.​—Koħèlet 3:4; Filippin 4:5.

Afda f’Ġeħova

M’għandniex xi ngħidu, id-​difiżi spiritwali jieħdu s-​snin biex jiġu żviluppati. M’hemm ebda mediċina li b’miraklu se tagħti l-​għerf divin u tqanqal lit-​tfal biex jafdaw f’Missierhom tas-​sema. Minflok, il-​ġenituri jridu ‘jibqgħu jrabbuhom fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.’ (Efesin 6:4) Din il-​“gwida mentali” kontinwa tfisser li tgħin lit-​tfal iħarsu lejn l-​affarijiet kif iħares lejhom Alla. Kif jistgħu l-​ġenituri jwettqu dan?

Studju tal-​Bibbja regulari bħala familja huwa fundamentali biex jirnexxu. L-​istudju ‘jiftaħ għajnejn it-​tfal biex jaraw l-​għeġubijiet tal-​liġi t’Alla.’ (Salm 119:18) Diego ħa l-​istudju tal-​familja b’serjetà kbira, u għalhekk għen lil uliedu jersqu eqreb lejn Ġeħova. “Kont nipprepara bir-​reqqa għall-​istudju,” qal hu. “Billi kont nagħmel ir-​riċerka fil-​pubblikazzjonijiet Skritturali, tgħallimt nagħmel il-​karattri Bibliċi reali għal uliedi. Ħeġġiġt lit-​tfal biex jaraw ix-​xebh bejn ħajjithom u l-​ħajjiet taʼ l-​uħud leali. Dan għen lit-​tfal iżommu sew f’moħħhom x’jogħġob lil Ġeħova.”

It-​tfal jitgħallmu wkoll b’mod informali. Mosè ħeġġeġ lill-​ġenituri biex jitkellmu dwar it-​tfakkiriet taʼ Ġeħova ‘meta jkunu f’darhom, u meta jkunu mexjin fit-​triq, u meta jimteddu, u meta jqumu.’ (Dewteronomju 6:7) Wieħed missier spjega: “Ibni jrid il-​ħin biex jiftaħ qalbu u jesprimi s-​sentimenti tiegħu. Meta mmorru mixja jew nagħmlu biċċa xogħol flimkien, eventwalment jibda jħossu komdu jesprimi ruħu. F’dawn l-​okkażjonijiet, ikollna diskussjonijiet mill-​aqwa li huma taʼ benefiċċju għalina t-​tnejn.”

It-​talb li jgħidu l-​ġenituri jħalli wkoll effett qawwi fuq uliedhom. Meta t-​tfal jisimgħu lill-​ġenituri jersqu lejn Alla bl-​umiltà kollha biex jitolbuh l-​għajnuna u l-​maħfra, huma jitqanqlu biex ‘jemmnu li hu jeżisti.’ (Ebrej 11:6) Ħafna ġenituri li kellhom suċċess jenfasizzaw l-​importanza tat-​talb bħala familja, fosthom talb li jinkludi kwistjonijiet taʼ l-​iskola u affarijiet oħra li jinkwetaw lit-​tfal. Wieħed missier qal li martu dejjem titlob mat-​tfal qabel ma jitilqu lejn l-​iskola.​—Salm 62:9 (62:​8, NW); 112:7.

“Ħa Ma Niqfux Nagħmlu Dak li Hu Tajjeb”

Il-​ġenituri kollha jiżbaljaw u jistaʼ jiddispjaċihom mill-​mod kif ittrattaw ċerti sitwazzjonijiet. Minkejja dan, il-​Bibbja tħeġġiġna nibqgħu nipprovaw u “ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb.”​—Galatin 6:9.

Madankollu, il-​ġenituri jħossuhom se jaqtgħu qalbhom meta kultant ma jkunux jistgħu jifhmu lil uliedhom. Ikun faċli li jikkonkludu li l-​ġenerazzjoni iktar żagħżugħa hija differenti u diffiċli. Imma, fir-​realtà, it-​tfal illum għandhom l-​istess dgħjufijiet li kellhom il-​ġenerazzjonijiet taʼ qabel, u jiffaċċjaw tentazzjonijiet simili, għalkemm il-​pressjoni biex jagħmlu l-​ħażen jistaʼ jkun li żdiedet. Għalhekk, wieħed missier, wara li kkoreġa lil ibnu, rattab kliemu billi b’qalb tajba żied jgħidlu: “Qalbek trid tagħmel sempliċement dak li qalbi riedet tagħmel meta kont daqsek.” Il-​ġenituri għandhom mnejn ma tantx jifhmu fil-​kompjuters, imma huma jifhmu sew fit-​tendenzi tal-​ġisem imperfett.​—Mattew 26:41; 2 Korintin 2:​11.

Forsi xi tfal ftit li xejn jesprimu entużjażmu għall-​gwida tal-​ġenituri tagħhom u saħansitra jirvellaw kontra d-​dixxiplina li jirċievu. Madankollu, għal darb’oħra s-​sabar huwa essenzjali. Minkejja li għall-​ewwel ma jkunux iridu jkunu jafu jew jagħmlu żmien jisfidaw, ħafna tfal maż-​żmien jibdew jisimgħu. (Proverbji 22:6; 23:​22-​25) Matthew, Kristjan żagħżugħ li issa qed jaqdi f’uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, qal: “Meta kont adoloxxenti, ħassejt li r-​restrizzjonijiet tal-​ġenituri tiegħi ma kinux ġusti. Kont nirraġuna li jekk il-​ġenituri taʼ sħabi kienu jħalluhom jagħmlu xi ħaġa, allura għala tiegħi ma kinux iħalluni? U kultant kont verament niddejjaq meta kienu jagħtuni kastig billi ma jħallunix noħroġ bid-​dgħajsa—xi ħaġa li kont veru nħobb. Madankollu, meta nħares lura nirrealizza li d-​dixxiplina li tawni l-​ġenituri kienet kemm effettiva u kemm neċessarja. Jien grat li tawni l-​gwida li kelli bżonn meta kelli bżonnha.”

M’hemm ebda dubju dwar dan—għalkemm uliedna kultant ikollhom ikunu f’ambjent li m’huwiex bnin spiritwalment, huma xorta jistgħu jikbru u jsiru Kristjani mill-​aqwa. Kif twiegħed il-​Bibbja, l-​għerf divin jistaʼ jagħtihom difiżi spiritwali. “Għax l-​għerf jidħollok f’moħħok, u t-​tagħrif ikun l-​għaxqa taʼ qalbek. L-​għaqal jgħasses fuqek, il-​fehma tajba tħarsek, teħilsek minn triq il-​ħażen.”​—Proverbji 2:​10-​12.

M’hijiex xi ħaġa faċli li ġġorr tarbija fil-​ġuf għal disaʼ xhur. U l-​20 sena taʼ wara jistgħu jġibu magħhom ammont taʼ wġigħ flimkien mal-​ferħ. Imma minħabba li jħobbu lil uliedhom, il-​ġenituri Kristjani jagħmlu ħilithom kollha biex jipproteġuhom bl-​għerf divin. Huma jħossuhom dwar uliedhom bħalma ħassu x-​xwejjaħ appostlu Ġwanni dwar uliedu spiritwali: “M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-​verità.”​—3 Ġwanni 4.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdula.

[Stampa f’paġna 24]

“Darna kienet dejjem miftuħa u mimlija biż-​żgħażagħ”

[Stampa f’paġna 25]

Interessa ruħek f’dak li jinteressa lil uliedek

[Stampi f’paġna 26]

“Kont nipprepara bir-​reqqa għall-​istudju”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja