Viżjonijiet tas-Saltna t’Alla Jsiru Realtà
“Qed tagħmlu sew li tagħtu kasha [il-kelma profetika] bħallikieku kienet fanal jiddi f’post mudlam.”—2 PIETRU 1:19.
1. Liema kuntrast insibu fid-dinja taʼ llum?
KRIŻI wara kriżi—din hi tema prinċipali fid-dinja taʼ llum. Minn diżastri ekoloġiċi għal terroriżmu globali, il-problemi tal-bniedem donnhom ma jispiċċaw qatt. Saħansitra r-reliġjonijiet tad-dinja ma kinux kapaċi jkunu t’għajnuna. Fil-fatt, spiss huma jkomplu jgħarrqu l-affarijiet billi jħeġġu l-fanatiċiżmu, il-mibegħda, u n-nazzjonaliżmu li jifirdu lin-nies. Iva, bħalma tbassar, is-“sħab iswed” kesa “l-popli.” (Isaija 60:2) Iżda, fl-istess ħin, hemm miljuni li jħarsu b’fiduċja lejn il-futur. Għala? Għax huma jagħtu kas il-kelma profetika t’Alla “bħallikieku kienet fanal jiddi f’post mudlam.” Qed iħallu “l-kelma,” jew il-messaġġ, t’Alla, li issa nsibuha fil-Bibbja, tiggwidalhom ħajjithom.—2 Pietru 1:19.
2. Skond il-profezija taʼ Danjel rigward “iż-żmien taʼ l-aħħar,” min biss jingħata l-fehma spiritwali?
2 Rigward “iż-żmien taʼ l-aħħar,” il-profeta Danjel kiteb: “Ħafna bnedmin għad jifluh sewwa u jikbru fl-għaqal. Ikunu ħafna dawk li jintgħażlu mill-bqija, jindafu u jissaffew; imma l-ħżiena jibqgħu jagħmlu l-ħażin, u ebda wieħed minnhom ma jifhem xejn, jifhmu biss dawk li jkunu bil-għaqal.” (Danjel 12:4, 10) Il-fehma spiritwali hija biss għal dawk li b’mod sinċier ‘jiflu sewwa,’ jew jistudjaw bir-reqqa, il-Kelma t’Alla kif ukoll joqogħdu għal-livelli tiegħu, u jistinkaw biex jagħmlu r-rieda tiegħu.—Mattew 13:11-15; 1 Ġwanni 5:20.
3. Sa mill-1870 ’il quddiem, liema verità importanti fehmu l-ewwel studenti tal-Bibbja?
3 Sa mill-1870 ’il quddiem, qabel ma bdew “l-aħħar jiem,” Alla Ġeħova beda jixħet iktar dawl fuq “is-sigrieti sagri tas-saltna tas-smewwiet.” (2 Timotju 3:1-5; Mattew 13:11) F’dak iż-żmien, grupp taʼ studenti tal-Bibbja fehmu—kontra l-opinjoni komuni—li r-ritorn taʼ Kristu kien se jkun wieħed inviżibbli. Wara li jingħata t-tron fis-sema, Ġesù kien se jirritorna fis-sens li kien se jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq l-art bħala s-Sultan tagħha. Sinjal viżibbli u kompost minn diversi affarijiet kellu jwissi lid-dixxipli tiegħu li l-preżenza inviżibbli tiegħu kienet bdiet.—Mattew 24:3-14.
Meta Viżjoni Ssir Realtà
4. Ġeħova kif saħħaħ il-fidi tal-qaddejja tiegħu taʼ llum?
4 Il-viżjoni tat-trasfigurazzjoni kienet dehra bil-quddiem brillanti taʼ Kristu fil-glorja tas-Saltna. (Mattew 17:1-9) Dik il-viżjoni saħħet il-fidi taʼ Pietru, Ġakbu, u Ġwanni fi żmien meta kien hemm ħafna li ma baqgħux mexjin wara Ġesù, peress li hu ma wettaqx l-istennijiet mhux Skritturali tagħhom. Bl-istess mod, f’dan iż-żmien taʼ l-aħħar, Ġeħova saħħaħ il-fidi tal-qaddejja tiegħu taʼ llum billi xeħet iżjed dawl fuq it-twettiq taʼ dik il-viżjoni taʼ l-għaġeb kif ukoll fuq ħafna profeziji oħra relatati magħha. Issa ejja nikkunsidraw ftit minn dawn ir-realtajiet spiritwali li jsaħħu l-fidi.
5. Min kien il-Kewkba taʼ fil-Għodu, u meta u kif ‘telaʼ’?
5 Waqt li kien qed jirreferi għat-trasfigurazzjoni, l-appostlu Pietru kiteb: “Għaldaqstant għandna l-kelma profetika magħmula iktar ċerta; u qed tagħmlu sew li tagħtu kasha bħallikieku kienet fanal jiddi f’post mudlam, sakemm iżernaq il-jum u titlaʼ l-kewkba taʼ fil-għodu, fi qlubkom.” (2 Pietru 1:19) Il-Kewkba taʼ fil-Għodu figurattiva, jew “il-kewkba tiddi taʼ fil-għodu,” hija Ġesù Kristu glorifikat. (Rivelazzjoni 22:16) Hu ‘telaʼ’ fl-1914 meta s-Saltna t’Alla twieldet fis-sema, u b’hekk ġie mmarkat il-bidu t’era ġdida. (Rivelazzjoni 11:15) Fil-viżjoni tat-trasfigurazzjoni, Mosè u Elija dehru ħdejn Ġesù, jitkellmu miegħu. Taʼ min jagħtu stampa?
6, 7. Min huma rappreżentati minn Mosè u Elija fit-trasfigurazzjoni, u liema dettalji importanti tagħtina l-Iskrittura dwar dawk li huma rappreżentati minnhom?
6 Ladarba Mosè u Elija kellhom sehem mill-glorja taʼ Kristu, dawn iż-żewġ xhieda leali jirrappreżentaw lil dawk li jaħkmu maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu. Il-fehma li hemm oħrajn jaħkmu maʼ Ġesù hi fi qbil mal-viżjoni tal-Messija fuq it-tron li l-profeta Danjel ngħata bil-quddiem. Danjel ra “bħal iben taʼ bniedem” jirċievi “ħakma għal dejjem” mingħand ix-“Xiħ fl-għomor,”Alla Ġeħova. Imma innota x’jintwera lil Danjel ftit wara. Hu jikteb: “Is-saltna u s-setgħa u l-kobor tas-saltniet taʼ taħt is-smewwiet kollha jingħataw lill-poplu tal-qaddisin taʼ Alla l-Għoli.” (Danjel 7:13, 14, 27) Tassew, iktar minn ħames sekli qabel it-trasfigurazzjoni, Alla rrivela li ċerti wħud “qaddisin” kellu jkollhom sehem fil-kobor irjali taʼ Kristu.
7 Min huma l-qaddisin fil-viżjoni taʼ Danjel? B’referenza għal dawn l-individwi, l-appostlu Pawlu jgħid: “L-ispirtu nnifsu jixhed maʼ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Mela, jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta: iva, werrieta t’Alla, imma werrieta bi sħab maʼ Kristu, dment li nsofru flimkien biex inkunu wkoll glorifikati flimkien.” (Rumani 8:16, 17) Il-qaddisin m’huma ħadd ħlief id-dixxipli taʼ Ġesù midlukin bl-ispirtu. Fir-Rivelazzjoni, Ġesù jgħid: “Lil min jirbaħ nagħtih li joqgħod bil-qiegħda miegħi fuq it-tron tiegħi, bħalma jien irbaħt u qgħadt bil-qiegħda maʼ Missieri fuq it-tron tiegħu.” Dawn ‘ir-rebbieħa’ rxoxtati, li jammontaw għal 144,000, se jsaltnu maʼ Ġesù fuq l-art kollha.—Rivelazzjoni 3:21; 5:9, 10; 14:1, 3, 4; 1 Korintin 15:53.
8. Id-dixxipli midlukin taʼ Ġesù kif ħadu sehem f’xogħol simili għal dak taʼ Mosè u Elija, u x’kienu r-riżultati?
8 Imma l-Kristjani midlukin għala huma rappreżentati minn Mosè u Elija? Ir-raġuni hi li dawn il-Kristjani, waqt li għadhom bnedmin fuq l-art, jagħmlu xogħol simili għal dak li wettqu Mosè u Elija. Per eżempju, huma jaqdu bħala xhieda taʼ Ġeħova, anki meta jiġu persegwitati. (Isaija 43:10; Atti 8:1-8; Rivelazzjoni 11:2-12) Bħal Mosè u Elija, huma jikxfu b’kuraġġ ir-reliġjon falza waqt li jħeġġu lin-nies sinċieri biex jagħtu devozzjoni esklużiva lil Alla. (Eżodu 32:19, 20; Dewteronomju 4:22-24; 1 Slaten 18:18-40) Ħalla frott ix-xogħol tagħhom? Iva, ħafna! Minbarra li għenu biex jinġabar l-għadd sħiħ tal-midlukin, huma għenu miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” biex minn qalbhom jissottomettu ruħhom lejn Ġesù Kristu.—Ġwanni 10:16; Rivelazzjoni 7:4.
Kristu Jtemm ir-Rebħa Tiegħu
9. Rivelazzjoni 6:2 kif jiddeskrivi lil Ġesù bħalma hu llum?
9 Issa Ġesù m’għadux sempliċi bniedem riekeb fuq felu taʼ ħmara, imma Sultan qawwi. Hu jiġi deskritt bħala li riekeb fuq żiemel—simbolu Bibliku tal-gwerra. (Proverbji 21:31) “Ara, żiemel abjad,” jgħid Rivelazzjoni 6:2, “u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws; u ngħatatlu kuruna, u ħareġ jirbaħ u jtemm ir-rebħa tiegħu.” Iktar minn hekk, rigward Ġesù, is-salmista David kiteb: “Ix-xettru tal-qawwa tiegħek jibgħat il-Mulej minn Sijon: aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek.”—Salm 110:2.
10. (a) Ġesù kif beda r-rikba tar-rebħa tiegħu b’mod glorjuż? (b) L-ewwel rebħa taʼ Kristu kif effettwat id-dinja in ġenerali?
10 L-ewwel rebħa taʼ Ġesù kienet fuq l-akbar għedewwa tiegħu—Satana u d-demonji. Hu keċċiehom mis-sema u tefagħhom lejn l-art. Billi jafu li ma tantx għad baqgħalhom żmien, dawn l-ispirti mill-agħar sfogaw ir-rabja vjolenti tagħhom fuq l-umanità u ħolqu gwaj kbir. Fir-Rivelazzjoni, dan il-gwaj hu simbolizzat minn tliet rikkieba oħra fuq iż-żwiemel. (Rivelazzjoni 6:3-8; 12:7-12) Fi qbil mal-profezija taʼ Ġesù dwar “is-sinjal tal-preżenza [tiegħu] u taʼ tmiem is-sistema,” ir-rikba tagħhom ikkaġunat gwerer, ġuħ, u mard li jġib il-mewt. (Mattew 24:3, 7; Luqa 21:7-11) Bla dubju, dan “l-uġigħ, bħall-uġigħ tal-ħlas” se jkompli jiżdied sakemm Kristu “jtemm ir-rebħa tiegħu” billi jeqred kull traċċa taʼ l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Satana.a—Mattew 24:8.
11. L-istorja tal-kongregazzjoni Kristjana kif tixhed dwar l-awtorità rjali taʼ Kristu?
11 L-awtorità rjali taʼ Ġesù hija evidenti wkoll mill-fatt li hu żamm il-kongregazzjoni Kristjana sħiħa sabiex tkun tistaʼ twettaq l-inkarigu tagħha li tippriedka l-messaġġ tas-Saltna mad-dinja kollha. Minkejja oppożizzjoni brutali minn Babilonja l-Kbira—l-imperu dinji taʼ reliġjon falza—u minn gvernijiet ostili, ix-xogħol taʼ l-ippridkar mhux biss kompla imma wkoll laħaq skala li qatt ma kien hawn bħalha qabel fl-istorja tad-dinja. (Rivelazzjoni 17:5, 6) Kemm hi xiehda qawwija din li Kristu qed isaltan!—Salm 110:3, Saydon.
12. Il-biċċa l-kbira min-nies għala ma jagħrfux il-preżenza inviżibbli taʼ Kristu?
12 B’sogħba, iżda, il-biċċa l-kbira min-nies, inkluż miljuni taʼ wħud li jgħidu li huma Kristjani, jonqsu li jagħrfu li l-ġrajjiet kruċjali li qed jiġru fuq l-art ifissru r-realtajiet inviżibbli. Huma saħansitra jwaqqgħu għaċ-ċajt lil dawk li jħabbru s-Saltna t’Alla. (2 Pietru 3:3, 4) Għala? Għax Satana għema l-imħuħ tagħhom. (2 Korintin 4:3, 4) Infatti, sa minn ħafna sekli ilu hu beda jixħet velu taʼ dlam spiritwali fuq dawk li jgħidu li huma Kristjani u saħansitra wassalhom biex jabbandunaw it-tama prezzjuża tas-Saltna.
It-Tama tas-Saltna Tiġi Abbandunata
13. Għal xiex wassal il-velu taʼ dlam spiritwali?
13 Ġesù bassar li l-apostati, bħal sikrana miżrugħa qalb il-qamħ, kellhom jindiehsu fost il-kongregazzjoni Kristjana u jiżvijaw lil ħafna. (Mattew 13:24-30, 36-43; Atti 20:29-31; Ġuda 4) Maż-żmien, dawn l-hekk imsejħin Kristjani adottaw festi, prattiċi, u tagħlim pagan u saħansitra ttimbrawhom bħala affarijiet “Kristjani.” Per eżempju, il-Milied għandu l-oriġini tiegħu f’riti li jinvolvu l-qima taʼ l-allat pagani Mitra u Saturnu. Imma x’wassal lil dawk li jgħidu li huma Kristjani biex jadottaw dawn iċ-ċelebrazzjonijiet mhux Kristjani? The New Encyclopædia Britannica (1974) tgħid: “Il-Milied, il-festa tat-twelid taʼ Ġesù Kristu, ġie stabbilit hekk kif bdiet tmut l-istennija li r-ritorn taʼ Kristu kien fil-qrib.”
14. It-tagħlim t’Oriġene u Wistin kif irrappreżenta ħażin il-verità tas-Saltna?
14 Ikkunsidra wkoll it-tgħawwiġ fit-tifsira tal-kelma “saltna.” Il-ktieb The Kingdom of God in 20th-Century Interpretation jgħid: “Oriġene [teologu tat-tielet seklu] biddel l-użu Kristjan taʼ ‘saltna’ għat-tifsira interna li Alla jaħkem fil-qalb.” Oriġene fuqiex ibbaża t-tagħlim tiegħu? Mhux fuq l-Iskrittura, imma fuq “l-istruttura taʼ filosofija u opinjoni dinjija li hi differenti sew mill-mod taʼ ħsieb taʼ Ġesù u l-knisja tal-bidu.” Fix-xogħol tiegħu De Civitate Dei (Il-Belt t’Alla), Wistin taʼ Ħippo (354-430 E.K.) qal li l-knisja nfisha hija s-Saltna t’Alla. Dan il-ħsieb mhux Skritturali ta lill-knejjes tal-Kristjaneżmu bażi teoloġika biex jibda jkollhom poter politiku. U huma żammew dan il-poter għal sekli sħaħ, u spiss dan għamluh bi brutalità.—Rivelazzjoni 17:5, 18.
15. Kif ġie mwettaq Galatin 6:7 fejn għandhom x’jaqsmu ħafna mill-knejjes tal-Kristjaneżmu?
15 Iżda llum il-knejjes qed jaħsdu dak li żergħu. (Galatin 6:7) Ħafna jidhru li mal-poter qed jitilfu wkoll il-parruċċani tagħhom. Din it-tendenza tidher sew fl-Ewropa. Skond il-ġurnal Christianity Today, “il-katidrali kbar taʼ l-Ewropa issa [jservu] mhux bħala djar għall-qima imma bħala mużewijiet li jżuruhom biss it-turisti.” Din l-istess tendenza tistaʼ tiġi notata wkoll f’postijiet oħrajn fid-dinja. Dan x’juri rigward ir-reliġjon falza? Se tiġi din fix-xejn sempliċement minħabba n-nuqqas t’appoġġ finanzjarju jew taʼ membri? U l-qima vera kif se tiġi effettwata?
Kun Lest għall-Jum il-Kbir t’Alla
16. Il-mibegħda li dejjem qed tikber lejn Babilonja l-Kbira għala hija sinifikanti?
16 Meta minn vulkan li jkun ilu inattiv għal xi żmien jibdew ħerġin id-duħħan u l-irmied, dan jistaʼ jkun sinjal li l-vulkan mhux se jdum ma jiżbroffa. Bl-istess mod, il-mibegħda li dejjem qed tikber lejn ir-reliġjon f’ħafna partijiet tad-dinja hija sinjal li r-reliġjon falza qed toqrob lejn tmiemha. Ftit żmien ieħor u Ġeħova se jqanqal lill-elementi politiċi dinjin biex jingħaqdu fl-isforzi tagħhom ħalli jikxfu l-prostituta spiritwali, Babilonja l-Kbira, u jagħmluha ħerba. (Rivelazzjoni 17:15-17; 18:21) Għandhom il-Kristjani veri jibżgħu minn din il-ġrajja u l-aspetti l-oħra tat-“tribulazzjoni kbira” li jiġu wara? (Mattew 24:21) Lanqas xejn! Fil-fatt, huma jkollhom għalxiex jifirħu meta Alla jaġixxi kontra l-ħżiena. (Rivelazzjoni 18:20; 19:1, 2) Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġerusalemm taʼ l-ewwel seklu u l-Kristjani li kienu jgħixu hemmhekk.
17. Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova għala jistgħu jħarsu lejn it-tmiem taʼ din is-sistema b’fiduċja?
17 Meta l-armati Rumani assedjaw lil Ġerusalemm fis-sena 66 E.K., il-Kristjani li kienu mqajmin spiritwalment la nħasdu u lanqas twerwru. Ladarba kienu jistudjaw il-Kelma t’Alla bir-reqqa, huma kienu jafu ‘li kienet qorbot il-ħerba tagħha.’ (Luqa 21:20) Huma kienu jafu wkoll li Alla kien se jiftħilhom triq biex jaħarbu ’l bogħod mill-periklu. Meta dan seħħ, il-Kristjani ħarbu. (Danjel 9:26; Mattew 24:15-19; Luqa 21:21) B’mod simili llum, dawk li jafu lil Alla u jobdu lil Ibnu jistgħu jħarsu lejn it-tmiem taʼ din is-sistema b’fiduċja. (2 Tessalonikin 1:6-9) Fil-fatt, meta tibda t-tribulazzjoni l-kbira, huma bil-ferħ ‘iqumu dritti u jgħollu rashom ’il fuq, għax ikunu jafu li qorob il-ħelsien tagħhom.’—Luqa 21:28.
18. X’se jkun ir-riżultat taʼ l-attakk dirett li Gog se jagħmel fuq il-qaddejja taʼ Ġeħova?
18 Wara l-qerda taʼ Babilonja l-Kbira, fl-irwol tiegħu bħala Gog taʼ Magog, Satana se jagħmel l-aħħar attakk dirett kontra x-Xhieda paċifiċi taʼ Ġeħova. Il-qtajjaʼ taʼ Gog jitilgħu bħal “sħaba [li] tgħatti l-art” u jistennew li jkollhom rebħa faċli. Imma x’xokk ikollhom jistenniehom! (Eżekjel 38:14-16, 18-23) L-appostlu Ġwanni jikteb: “Rajt is-sema jinfetaħ, u, ara, żiemel abjad. U dak li kien riekeb fuqu kien jismu Leali u Veru . . . Minn fommu kien ħiereġ sejf twil li jaqtaʼ, biex bih jidrob lill-ġnus.” Dan is-“Sultan tas-slaten” invinċibbli se jeħles lill-aduraturi leali taʼ Ġeħova u jeqred għalkollox l-għedewwa kollha tagħhom. (Rivelazzjoni 19:11-21) X’quċċata se tkun din tat-twettiq tal-viżjoni tat-trasfigurazzjoni!
19. Ir-rebħa totali taʼ Kristu kif se teffettwa lid-dixxipli leali tiegħu, u dawn x’għandhom jistinkaw li jagħmlu issa?
19 Ġesù “f’dak il-jum [se] jitqies b’ammirazzjoni maʼ dawk kollha li eżerċitaw fidi.” (2 Tessalonikin 1:10) Trid tkun fost dawk li f’dak iż-żmien se juru riverenza profonda lejn l-Iben rebbieħ t’Alla? Mela kompli saħħaħ il-fidi tiegħek u ‘kun lest, għax f’siegħa li ma tistennihiex ġej Bin il-bniedem.’—Mattew 24:43, 44.
Ibqaʼ f’Sensik
20. (a) Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna lejn il-provvediment t’Alla taʼ l-“ilsir leali u għaqli”? (b) X’mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?
20 “L-ilsir leali u għaqli” jħeġġeġ regolarment lin-nies t’Alla biex jibqgħu għassa spiritwalment u jibqgħu f’sensihom. (Mattew 24:45, 46; 1 Tessalonikin 5:6) Tapprezzahom int dawn it-tfakkiriet f’waqthom? Tużahom biex tistabbilixxi l-prijoritajiet f’ħajtek? Għala ma tistaqsix lilek innifsek: ‘Għandi ħarsa spiritwali ċara li biha nistaʼ nara l-Iben t’Alla jaħkem fis-sema? Narah jien lest biex jesegwixxi ġudizzju divin kontra Babilonja l-Kbira u l-bqija tas-sistema taʼ Satana?’
21. Xi wħud għala għandhom mnejn ħallew il-ħarsa spiritwali tagħhom tiċċajpar, u x’għandhom jagħmlu mill-iktar fis?
21 Xi wħud li jissieħbu man-nies taʼ Ġeħova ħallew il-ħarsa spiritwali tagħhom tiċċajpar. Jistaʼ jkun li dawn tilfu l-paċenzja jew is-sabar, bħalma ġralhom xi wħud mill-ewwel dixxipli taʼ Ġesù? Ġew huma effettwati mill-ansjetajiet tal-ħajja, mill-materjaliżmu, jew mill-persekuzzjoni? (Mattew 13:3-8, 18-23; Luqa 21:34-36) Forsi xi wħud sabu ċerta informazzjoni pubblikata mill-“ilsir leali u għaqli” diffiċli biex jifhmuha. Jekk tinsab f’xi waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, inħeġġuk biex tistudja l-Kelma t’Alla b’ħeġġa akbar u titlob bil-ħrara lil Ġeħova sabiex jerġaʼ jkollok relazzjoni b’saħħitha u mill-qrib miegħu.—2 Pietru 3:11-15.
22. Kif ġejt effettwat billi kkunsidrajt il-viżjoni tat-trasfigurazzjoni u profeziji oħrajn relatati magħha?
22 Il-viżjoni tat-trasfigurazzjoni ngħatat lid-dixxipli taʼ Ġesù meta dawn kellhom bżonn l-inkuraġġiment. Illum għandna xi ħaġa ferm akbar biex issaħħaħna—it-twettiq taʼ dik il-viżjoni spettakolari u taʼ ħafna profeziji oħra relatati magħha. Hekk kif nimmeditaw dwar dawn ir-realtajiet glorjużi u dak li jfissru għall-futur, jalla aħna wkoll nesprimu b’qalbna kollha s-sentimenti taʼ l-appostlu Ġwanni meta qal: “Amen! Ejja, Mulej Ġesù.”—Rivelazzjoni 22:20.
[Nota taʼ taħt]
a Dan jissuġġerixxi li bħall-uġigħ tal-ħlas, il-problemi tad-dinja se jiżdiedu fil-frekwenza, il-qawwa, u t-tul u se jilħqu l-quċċata tagħhom fit-tribulazzjoni l-kbira.
Tiftakar Int?
• Sa mill-1870, x’beda jifhem grupp żgħir taʼ studenti tal-Bibbja dwar ir-ritorn taʼ Kristu?
• Kif twettqet il-viżjoni tat-trasfigurazzjoni?
• Liema effett kellha fuq id-dinja u fuq il-kongregazzjoni Kristjana r-rikba rebbieħa taʼ Ġesù?
• X’għandna nagħmlu jekk irridu nkunu fost dawk li se jibqgħu ħajjin meta Ġesù jtemm ir-rebħa tiegħu?
[Stampi f’paġna 17]
Viżjoni ssir realtà
[Stampi f’paġna 18]
Taf x’ġara meta Kristu beda r-rebħa tiegħu?