Jistaʼ l-Bniedem Iġib Tmiem għall-Faqar?
MILJUNI taʼ nies kibru mingħajr m’esperjenzaw il-faqar. Huma qatt ma kellhom għalfejn jidħlu fis-sodda bil-ġuħ jew jorqdu jtertru bil-bard. Minkejja dan, ħafna minn dawn in-nies jiddispjaċihom għall-fqar u joħorġu barra minn triqithom biex jgħinuhom.
Madankollu, il-faqar għadu realtà ħarxa li jesperjenzaw ħafna nies li jgħixu f’pajjiżi mifluġin bi gwerer ċivili, għargħar, nixfa, u problemi oħra. Dawn il-fatturi jagħmlu l-ħajja diffiċli għall-bdiewa Afrikani li jaħdmu biex imantnu lilhom infushom. Ħafna ġew imġagħlin jitilqu minn djarhom u jmorru joqogħdu fi bliet kbar jew jgħixu bħala refuġjati f’pajjiżi oħra. Oħrajn li qabel kienu jgħixu f’postijiet rurali marru joqogħdu fil-bliet minħabba li tħajru minn wegħdi li se jsibu ħajja aħjar.
Ħafna drabi, bliet li huma popolati żżejjed isiru l-post ideali fejn jiżdied il-faqar. Art biex tħawwel xi prodotti ftit ikun hemm, jekk ikun hemm. Ġeneralment ikun diffiċli biex issib xogħol. Minħabba d-disprament kbir li jħossu, ħafna jispiċċaw jgħixu ħajja kriminali. Dawk li jgħixu fil-bliet jgħajtu għall-għajnuna, imma l-gvernijiet umani ma jistgħux isolvu l-problema li dejjem qed tikber tal-faqar. Meta The Independent taʼ Londra rreferiet għar-rapport li ħarġet il-Ġnus Magħquda f’Novembru taʼ l-2003, qalet li fid-dinja hemm iktar u iktar nies bil-ġuħ. Hi kompliet: “Illum fid-dinja hemm madwar 842 miljun ruħ li m’humiex jiġu mitmugħin biżżejjed—u din iċ-ċifra se terġaʼ tiżdied b’5 miljun ruħ oħra bil-ġuħ kull sena.”
L-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Afrika t’Isfel ġieli jirċievi ittri minn uħud li huma milquta mill-faqar. Per eżempju, raġel minn Bloemfontein kiteb: “Ninsab bla xogħol, u kulmeta jkolli l-opportunità nisraq mill-belt. Kieku ma nagħmilx hekk, nibqgħu bil-ġuħ għal ġranet sħaħ—biex ma nsemmix il-kesħa tremenda li nħossu. Assolutament m’hawnx xogħol. Ħafna nies jiġġerrew fit-toroq jipprovaw isibu xogħol u xi ħaġa x’jieklu. Naf b’uħud li jqallbu fiż-żibel biex isibu x’jieklu. Xi wħud ineħħu ruħhom b’idejhom. Ħafna li huma bħali jinsabu dipressi u bla tama. Jidher li m’hemm ebda tama għall-futur. Ma jarax dan Alla, li wara kollox ħalaqna bil-bżonn li nieklu u nilbsu?”
Hemm tweġibiet mimlijin faraġ għat-tħassib taʼ dan ir-raġel. Bħalma se juri l-artiklu li jmiss, dawn it-tweġibiet jinsabu fil-paġni tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja.