Uġigħ Kbir u Dejjiemi
REĊENTEMENT, wieħed raġel għamel riċerka dwar kif iż-żmien jeffettwa s-sentimenti taʼ dawk li qed jitnikktu minħabba t-telfa taʼ wħud maħbubin fil-mewt. Hu bagħat xi kwestjonarji lil numru taʼ ġenituri li mitulhom it-tfal xi snin qabel. Mhux il-ġenituri kollha wieġbu. Wieħed missier jismu Vladimir, li tilef lil ibnu fil-mewt ħames snin qabel, spjega li għadu jsibha diffiċli wisq biex jitkellem dwar ibnu.a
Diqa dejjiema bħal din hija komuni fost il-ġenituri mnikktin minħabba l-mewt taʼ wliedhom. William tilef lil ibnu taʼ 18-il sena fil-mewt meta dan għereq għaxar snin ilu. William jikteb, “Għadni nħoss l-uġigħ taʼ dik it-telfa, u se nibqaʼ nħossu sakemm indum ħaj.” Ħames snin wara li iben Lucy miet minħabba marda mhix mistennija, hi kitbet: “Għall-ewwel ftit ġranet bqajt naħseb, ‘Ma jistax ikun.’ Ħassejtni bħallikieku qed noħlom ħolma kerha u li malajr se nistenbaħ. Wara ftit żmien bdejt nirrealizza li kien veru, li ma kienx se jiġi lura d-dar. Ibni miet ħames snin ilu, imma xi drabi, meta nkun waħdi, xorta għadni nibkih.”
Għala ġenituri mnikktin, bħal Vladimir, William, u Lucy, iħossu tant uġigħ kbir u dejjiemi? Ejja nikkunsidraw xi raġunijiet.
Għala Daqstant Diqa?
Meta fil-familja titwieled tarbija, il-ġenituri jesperjenzaw emozzjonijiet li huma uniċi meta tqabbilhom maʼ xi relazzjoni umana oħra. Il-fatt li sempliċement iħaddnu liż-żgħir tagħhom, iħarsu lejh waqt li jkun rieqed, jew jaraw it-tbissima kbira tiegħu jġibilhom ferħ u sodisfazzjon kbir. Ġenituri kollhom imħabba jgħożżuhom lil uliedhom. Huma jħarrġuhom biex iġibu ruħhom sew u jkunu edukati. (1 Tessalonikin 2:7, 11) Hekk kif it-tfal jikbru filwaqt li jirreaġixxu għal dawn l-isforzi, il-ġenituri jħossuhom kburin u jibdew jiżviluppaw stennijiet kbar għalihom.
Ġenituri li jimpurtahom minn uliedhom jaħdmu iebes biex jipprovdu l-bżonnijiet tagħhom. Huma għandhom mnejn iwarrbu xi flus jew affarijiet materjali sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil uliedhom jibdew familja tagħhom stess fil-futur. (2 Korintin 12:14) Il-fatt li jinvestu daqshekk emozzjoni, ħin, sforz, u flus jipponta lejn konklużjoni waħda—il-ġenituri jrabbu lil uliedhom biex jgħixu, mhux biex imutu. Meta xi ħadd mill-ulied imut, ix-xogħol tat-trobbija ma jkunx komplut, u t-tamiet li kellhom il-ġenituri għalih ikunu sfaw fix-xejn. L-imħabba mill-qalb u l-affezzjoni li l-ġenituri jgħaddu lil uliedhom ikunu spiċċaw, bħallikieku nħoloq ħajt bejniethom. Il-post li binhom jew binthom xi darba kienet tokkupa fi qlubhom issa huwa vojt. Il-ġenituri jħossu diqa kbira li ma tmurx faċilment.
Il-Bibbja tikkonferma li l-ġenituri mnikktin ikollhom uġigħ kbir u kontinwu. Waqt li tiddeskrivi x’ġara meta l-patrijarka Ġakobb semaʼ li ibnu Ġużeppi ġie maqtul, il-Bibbja tgħid: “Ġakobb ċarrat ilbiesu u geżwer xkora maʼ qaddu u għamel vistu għal ibnu għal żmien twil. U wliedu, subjien u bniet, qamu biex ifarrġuh, imma hu ma riedx jaf b’faraġ, u qal: ‘Mnikket sa ninżel taħt l-art [jew, fil-qabar] ħdejn ibni.’” Snin wara, Ġakobb kien għadu mnikket għal ibnu, li mingħalih kien mejjet. (Ġenesi 37:34, 35; 42:36-38) Eżempju Bibliku ieħor jinvolvi lil mara leali jisimha Nagħomi li esperjenzat il-mewt taż-żewġ uliedha subien. Minħabba n-niket kbir li kellha, hi riedet tbiddel isimha minn Nagħomi, li jfisser “Ħelwa,” għal Mâra, li jfisser “Morra.”—Rut 1:3-5, 20, 21, nota taʼ taħt.
Madankollu, il-Bibbja mhux biss tirrikonoxxi n-niket li jesperjenzaw il-ġenituri. Tindika wkoll kif Ġeħova jagħti s-saħħa lil dawk li qed jitnikktu. Fl-artiklu li jmiss, se nikkunsidraw ftit mill-modi fejn Alla jipprovdi l-faraġ lil dawk imnikktin.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.