X’Inhi s-Soluzzjoni għall-Intolleranza Etnika?
FI SPANJA, referì jwaqqaf logħba futbol. Għala? Għax tant hemm spettaturi jinsultaw lil ċertu plejer mill-Kamerun li dan jhedded li jħalli l-grawnd. Fir-Russja, l-attakki vjolenti kontra l-Afrikani, l-Asjatiċi, u l-Amerikani Latini saru komuni; matul l-2004, l-attakki razzisti fir-Russja żdiedu b’55 fil-mija u laħqu t-394 inċident fl-2005. Fil-Britannja, terz min-nies Asjatiċi u s-suwed li wieġbu għal stħarriġ ħasbu li huma kienu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba d-diskriminazzjoni razzjali. Dawn l-eżempji jirriflettu dak li qed jiġri fid-dinja llum.
L-intolleranza etnika tvarja fil-grad taʼ serjetà—minn rimarki offensivi jew bla ħsieb għal sforzi biex jiġi eliminat xi grupp etniku bħala politika nazzjonali.a X’inhu l-għerq taʼ l-intolleranza etnika? Kif nistgħu nevitaw li nuruha? Huwa raġunevoli li nittamaw li xi darba l-familji kollha taʼ l-umanità se jgħixu flimkien fil-paċi? Il-Bibbja tipprovdi dehen interessanti dwar dawn il-kwistjonijiet.
Moħqrija u Mibegħda
“Qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu,” tgħid il-Bibbja. (Ġenesi 8:21) Għalhekk, xi wħud jieħdu gost jaħqru lil oħrajn. Il-Bibbja tkompli tgħid: “Rajt il-maħqurin jibku bla ma għandhom min ifarraġhom; rajt il-qawwa li biha jaħqruhom.”—Koħèlet 4:1.
Il-Bibbja turi wkoll li l-mibegħda etnika ilha teżisti għal żmien twil. Per eżempju, iktar minn 3,000 sena ilu, Fargħun Eġizzjan stieden lil-Lhudi Ġakobb u l-familja kbira tiegħu biex imorru jgħixu l-Eġittu. Madankollu, iktar tard Fargħun ieħor ħassu mhedded minn dan il-grupp kbir taʼ immigranti. B’riżultat taʼ dan, ir-rakkont jgħid: “Qal lill-poplu tiegħu: ‘Araw, il-poplu taʼ wlied Iżrael kiber ħafna u sar aqwa minna. Ejjew nimxu bil-għaqal miegħu, li ma jikbirx aktar.’ . . . U għamlu mgħallmin tax-xogħol fuqhom, biex jgħakksuhom b’xogħol iebes.” (Eżodu 1:9-11) L-Eġizzjani saħansitra ordnaw li jinqatlu l-ewwel imweldin subien kollha tad-dixxendenti taʼ Ġakobb.—Eżodu 1:15, 16.
X’Inhu l-Għerq tal-Problema?
Ir-reliġjonijiet tad-dinja rari kienu t’għajnuna f’li jopponu l-intolleranza etnika. Filwaqt li huwa veru li xi individwi opponew il-moħqrija b’mod erojku, ir-reliġjon in ġenerali taʼ spiss żammet maʼ dawk li kienu qed iwettqu l-moħqrija. Hekk ġara fl-Istati Uniti, fejn it-tjassir tas-suwed ġie inforzat bil-liġi u bi qtil mingħajr proċeduri legali, u sa l-1967 il-liġijiet kienu jipprojbixxu ż-żwiġijiet imħalltin. Dan kien minnu wkoll fl-Afrika t’Isfel fi żmien id-diskriminazzjoni razzjali magħrufa bħala apartheid, meta minoranza taʼ nies ipproteġew il-pożizzjoni importanti tagħhom b’liġijiet li inkludew projbizzjoni fuq żwiġijiet bejn razez differenti. F’kull każ, xi wħud li kienu jappartjenu lill-grupp etniku li kien jippromwovi l-intolleranza kienu nies reliġjużi ħafna.
Madankollu, il-Bibbja tirrivela raġuni iktar profonda għall-intolleranza etnika. Din tispjega għala xi gruppi etniċi jaħqru lil oħrajn. Din tgħid: “Min ma jħobbx ma sarx jaf lil Alla, għax Alla hu mħabba. Jekk xi ħadd jgħid: ‘Inħobb lil Alla,’ iżda jobgħod lil ħuh, hu giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġwanni 4:8, 20) Din l-istqarrija tidentifika l-għerq taʼ l-intolleranza etnika. In-nies jipprattikawha—kemm jekk jistqarru li huma reliġjużi u kemm jekk le—minħabba li lil Alla ma sarux jafuh jew iħobbuh.
L-Għarfien dwar Alla —Il-Bażi taʼ l-Unità Etnika
Il-fatt li tkun taf u tħobb lil Alla kif jipproduċi l-unità etnika? Il-Kelma t’Alla liema għarfien tirrivela li jżomm lin-nies lura milli jaħqru lil dawk li jidhru li huma differenti? Il-Bibbja tirrivela li Ġeħova huwa l-Missier tal-bnedmin kollha. Din tgħid: “Għalina fil-fatt hemm Alla wieħed, il-Missier, li minnu hu kollox.” (1 Korintin 8:6) Iktar minn hekk, din tgħid: “Minn raġel wieħed għamel il-ġnus kollha tal-bnedmin.” (Atti 17:26) Għalhekk, il-bnedmin kollha huma, fil-fatt, aħwa.
Il-gruppi etniċi kollha jistgħu jkunu kburin li rċivew il-ħajja mingħand Alla, iżda kollha għandhom xi dispjaċir dwar id-dixxendenza tagħhom. Pawlu, kittieb Bibliku, qal: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja.” Għalhekk, “kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla.” (Rumani 3:23; 5:12) Ġeħova huwa Alla taʼ diversità—l-ebda żewġ ħlejjaq ma huma eżattament l-istess. Madankollu, hu ma ta lil ebda grupp etniku raġuni biex iħossu superjuri. L-opinjoni komuni li grupp etniku huwa aqwa minn ieħor tikkontradixxi l-fatti misjubin fl-Iskrittura. B’mod ċar, l-għarfien li nirċievu mingħand Alla jippromwovi l-unità etnika.
Alla Jimpurtah mill-Ġnus Kollha
Xi wħud tħassbu dwar jekk Alla ppromwoviex preferenza etnika billi ffavorixxa lill-Iżraelin u għallimhom iżommu ruħhom separati minn ġnus oħrajn. (Eżodu 34:12) Darba minnhom, Alla għażel lill-ġens taʼ Iżrael bħala l-proprjetà speċjali tiegħu minħabba l-fidi li tispikka t’Abraham, missier Iżrael. Alla nnifsu ħakem fuq Iżrael tal-qedem, billi għażel lill-ħakkiema tagħhom u pprovdielhom ġabra taʼ liġijiet. Matul iż-żmien li Iżrael aċċetta dan l-arrangament, in-nies l-oħrajn setgħu jaraw ir-riżultati taʼ gvern immexxi minn Alla b’kuntrast mar-riżultati taʼ gvern immexxi mill-bniedem xi mkien ieħor. Ġeħova wkoll għallem lil Iżrael lura f’dak iż-żmien dwar il-bżonn taʼ sagrifiċċju biex jirrestawra l-umanità għal relazzjoni tajba m’Alla. Għalhekk, il-mod kif Ġeħova ttratta maʼ Iżrael ġab benefiċċji lill-ġnus kollha. Dan kien konsistenti maʼ dak li kien qal lil Abraham: “Jitbierku b’nislek il-ġnus kollha taʼ l-art talli smajt minn kelmti.”—Ġenesi 22:18.
Iktar minn hekk, il-Lhud kellhom il-privileġġ li jirċievu d-dikjarazzjonijiet sagri t’Alla u li jkunu l-ġens li fih twieled il-Messija. Iżda dan ġara sabiex il-ġnus kollha setgħu jibbenefikaw. L-Iskrittura Ebrajka mogħtija lil-Lhud tinkludi deskrizzjoni li tqawwi l-qalb taż-żmien meta l-gruppi etniċi kollha kellhom jirċievu barkiet kbar: “Kotra sħiħa taʼ ġnus għad jiġu u jgħidu: ‘Immorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, lejn id-dar taʼ Alla taʼ Ġakobb, biex jgħallimna triqatu, biex aħna nimxu fi triqtu’ . . . Il-ġnus ma jisiltux ix-xwabel għal xulxin, u ma jitħarrġux aktar għall-gwerra. Imma kull wieħed jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom.”—Mikea 4:2-4.
Għalkemm Ġesù Kristu nnifsu ppriedka lil-Lhud, hu qal ukoll: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha.” (Mattew 24:14) Kull ġens se jismaʼ l-aħbar tajba. Għalhekk, Ġeħova ħalla eżempju perfett f’li jittratta b’imparzjalità mal-gruppi etniċi kollha. “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.”—Atti 10:34, 35.
Il-liġijiet li Alla ta lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem juru wkoll li hu jimpurtah mill-ġnus kollha. Innota kif il-Liġi kienet teħtieġ iktar minn sempliċement tolleranza lejn dawk li ma kinux Iżraelin li jgħixu fil-pajjiż, meta qalet: “Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed taʼ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art taʼ l-Eġittu.” (Levitiku 19:34, korsiv tagħna.) Ħafna mil-liġijiet t’Alla għallmu lill-Iżraelin biex juru qalb tajba maʼ l-immigranti. Għalhekk, meta Bogħaż, antenat taʼ Ġesù, ra mara barranija fil-bżonn qed tlaqqat, hu kien qed jaġixxi fi qbil maʼ dak li kien tgħallem minn Alla meta għamel ċert li dawk li jaħsdu jħallu bosta qamħ għaliha x’tiġbor.—Rut 2:1, 10, 16.
Ġesù Jgħallem il-Qalb Tajba
Ġesù rrivela l-għarfien dwar Alla iktar minn kwalunkwe individwu ieħor. Hu wera lis-segwaċi tiegħu kif wieħed għandu juri qalb tajba maʼ nies li huma differenti. Darba minnhom hu beda konversazzjoni maʼ mara Samaritana. Is-Samaritani kienu grupp etniku li kien mistmerr minn ħafna Lhud, u għalhekk il-mara baqgħet mistagħġba. Matul id-diskussjoni, Ġesù b’qalb tajba għen lill-mara tifhem kif setgħet tikseb il-ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 4:7-14.
Ġesù għallimna ukoll kif aħna għandna nittrattaw lil nies minn gruppi etniċi oħrajn meta hu ta tixbiha dwar Samaritan tajjeb. Dan ir-raġel ra Lhudi li kien ferut serjament u li kien ġie attakkat minn xi ħallelin. Is-Samaritan setaʼ faċilment jirraġuna: ‘Għalfejn għandi ngħin lil wieħed Lhudi? Il-Lhud jistmerruhom lil niesi.’ Iżda Ġesù ta stampa tas-Samaritan bħala li kellu ħarsa differenti lejn il-barranin. Għalkemm xi wħud oħrajn li kienu qed jivvjaġġaw baqgħu għaddejjin minn ħdejn ir-raġel ferut, is-Samaritan “tħassru” u pprovdielu l-għajnuna meħtieġa. Ġesù kkonkluda din il-parabbola billi qal li kulmin jixtieq il-favur t’Alla għandu jagħmel l-istess.—Luqa 10:30-37.
L-appostlu Pawlu għallem lil dawk li jixtiequ jogħġbu lil Alla biex ibiddlu l-personalità tagħhom u jimitaw il-mod kif Alla jittratta lin-nies. Pawlu kiteb: “Inżgħu l-personalità l-qadima bid-drawwiet tagħha, u ilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz taʼ l-għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha, li fiha la hemm Grieg u lanqas Lhudi, la ċirkonċiż u lanqas m’huwiex, la barrani, la Skita . . . Imma, minbarra dawn l-affarijiet kollha, ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kolossin 3:9-14.
L-Għarfien dwar Alla Jbiddel lin-Nies?
Il-fatt li wieħed ikun jaf lil Alla Ġeħova jistaʼ verament ibiddel il-mod kif in-nies jittrattaw lil nies minn gruppi etniċi oħrajn? Ikkunsidra l-esperjenza taʼ waħda mara li emigrat mill-Asja għall-Kanada u li kienet diżappuntata meta esperjenzat diskriminazzjoni hemmhekk. Hi ltaqgħet max-Xhieda taʼ Ġeħova, u huma bdew jistudjaw il-Bibbja magħha. Iktar tard, hi kitbitilhom ittra t’apprezzament li fiha qalet: ‘Intom kontu nies bojod li wrejtu qalb tajba. Meta indunajt li intom kontu differenti ħafna minn nies bojod oħrajn, jien bdejt nipprova nara għala. Jien ħsibt fuq li ħsibt u kkonkludejt li intom kontu x-Xhieda t’Alla. Bilfors li jrid ikun hemm xi ħaġa fil-Bibbja. Fil-laqgħat tagħkom jien rajt folol taʼ nies bojod, suwed, somor, u Asjatiċi li qlubhom kienu taʼ l-istess lewn—trasparenti—minħabba li kienu aħwa rġiel u nisa. Issa naf min għamilhom nies hekk. Huwa Alla tagħkom.’
Il-Kelma t’Alla tbassar żmien meta ‘l-art tkun mimlija bl-għarfien tal-Mulej.’ (Isaija 11:9) Anki issa, bi twettiq tal-profezija Biblika, folla kbira taʼ miljuni taʼ nies “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien” qegħdin jingħaqdu fil-qima vera. (Rivelazzjoni 7:9) Huma jħarsu ’l quddiem biex jaraw l-imħabba tieħu post il-mibegħda f’soċjetà madwar id-dinja kollha li dalwaqt se twettaq l-iskop taʼ Ġeħova li ntqal lil Abraham: “Jitbierku l-familji kollha taʼ l-art.”—Atti 3:25.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kelma “etnika” tiddeskrivi xi ħaġa relatata maʼ popolazzjoni differenti minn oħrajn minħabba r-razza, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, il-lingwa, jew il-kultura.
[Stampa f’paġna 4]
Il-Liġi t’Alla għallmet lill-Iżraelin biex iħobbu l-barranin
[Stampa f’paġna 5]
X’nistgħu nitgħallmu mill-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb?
[Stampi f’paġna 6]
Alla ma ta lil ebda grupp etniku raġuni biex iħossu superjuri