“Mifrudin bil-Lingwa iżda Magħqudin bl-Imħabba”
Ħelsien. Liberazzjoni. Salvazzjoni. Għal sekli sħaħ, in-nies ixxennqu għal serħan mill-piżijiet u l-ansjetajiet. Kif nistgħu nkampaw mal-problemi tal-ħajja? Qatt se jkun hemm ħelsien? U jekk iva, kif?
DAN kien is-suġġett taʼ serje taʼ konvenzjonijiet distrettwali taʼ tlett ijiem organizzati mix-Xhieda taʼ Ġeħova, li bdew f’Mejju taʼ l-2006. It-tema kienet “Il-Ħelsien fil-Qrib!”
F’disgħa minn dawn il-konvenzjonijiet attendew eluf taʼ delegati minn pajjiżi differenti. Dawn saru matul Lulju u Awissu taʼ l-2006, fi Praga, il-belt kapitali tar-Repubblika Ċeka; fi Bratislava, il-belt kapitali tas-Slovakkja; f’Chorzow u f’Poznan, il-Polonja;a u f’ħamest ibliet fil-Ġermanja—Dortmund, Frankfurt, Hamburg, Leipzig, u Munich. L-attendenza totali taʼ dawn il-konvenzjonijiet qabżet it-313,000 ruħ.
Liema tip t’atmosfera kien hemm matul il-konvenzjonijiet? Il-mezzi tax-xandir b’liema mod tkellmu dwarhom? U dawk li attendew kif ħassewhom wara l-konvenzjoni?
Tħejjijiet
Kien hemm stennija ħerqana kemm fost il-viżitaturi kif ukoll fost ix-Xhieda tal-lokal għall-okkażjonijiet spiritwali li żgur kienu se jkunu memorabbli. Kienet biċċa xogħol kbira mhux ħażin biex isiru l-arranġamenti għal akkomodazzjoni xierqa għad-delegati. Per eżempju, għall-konvenzjoni taʼ Chorzow, ix-Xhieda Pollakki offrew li jilqgħu fi djarhom kważi 13,000 mistieden mill-Ewropa tal-Lvant. Id-delegazzjonijiet għal din il-konvenzjoni ġew mill-Armenja, il-Belarus, l-Estonja, il-Ġeorġja, l-Istati Uniti, il-Kazakastan, il-Kirgiżtan, il-Latvja, il-Litwanja, il-Moldova, ir-Russja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Ukraina, u l-Uzbekistan.
Ħafna delegati kellhom jibdew jagħmlu t-tħejjijiet għall-vjaġġ tagħhom minn xhur qabel. Tatiana, evanġelizzatriċi full-time fil-Kamchatka, peniżola Russa li tinsab fil-grigal tal-Ġappun, bdiet iġġemmaʼ l-flus għall-vjaġġ minn sena qabel. Hi kellha tivvjaġġa madwar 10,500 kilometru. L-ewwel, hi vvjaġġat ħames sigħat bl-ajru, imbagħad għal kważi tlett ijiem bil-ferrovija, u fl-aħħar qattgħet 30 siegħa fuq xarabank biex tasal Chorzow.
Eluf taʼ nies volontieri għenu fix-xogħol taʼ qabel il-konvenzjoni, billi rranġaw l-istejdjums u l-inħawi tal-madwar biex ikunu postijiet xierqa għall-qima. (Dewteronomju 23:15 [23:14, NW]) Biex insemmu eżempju wieħed biss, f’Leipzig ix-Xhieda tal-lokal għamlu biċċa xogħol tajba billi naddfu l-istejdjum, u huma wiegħdu li jerġgħu jagħmlu dan wara l-konvenzjoni. B’riżultat taʼ dan, l-uffiċjali taʼ l-istejdjum ħassru klawsola tal-kuntratt tal-kera li kienet titlob pagament sostanzjali biex ikopri l-ispejjeż tat-tindif.
L-Inviti
Il-kongregazzjonijiet madwar id-dinja rreklamawhom bil-kbir il-Konvenzjonijiet “Il-Ħelsien fil-Qrib!” Dawk l-uħud li kellhom jattendu l-konvenzjonijiet speċjali ħadu sehem f’din il-kampanja b’entużjażmu kbir. Huma komplew jgħarrfu lin-nies dwar il-konvenzjoni sa tard fil-għaxija tal-ġurnata taʼ qabel il-konvenzjoni. Iż-żelu tagħhom ipproduċa riżultati tajbin?
Xhud Pollakk li jismu Bogdan iltaqaʼ maʼ raġel anzjan li ried jattendi l-konvenzjoni iżda li qal li l-finanzi limitati tiegħu ma kinux jippermettulu li jivvjaġġa 120 kilometru lejn Chorzow. Ġara li kien se jkun hemm post vojt fix-xarabank mikrija mill-kongregazzjoni lokali. Bogdan jirrakkonta: “Aħna għedna lir-raġel li hu setaʼ jiġi magħna bla ħlas jekk jasal fil-post tat-tluq fil-5:30 taʼ fil-għodu.” Ir-raġel aċċetta l-istedina u attenda l-konvenzjoni. Iktar tard hu kiteb lill-aħwa u qal: “Issa li attendejt din il-konvenzjoni, jien determinat li nsir raġel aħjar.”
Fi Praga, lejla minnhom, raġel li kien qed joqgħod f’waħda mil-lukandi użati mid-delegati mill-Britannja qal lil dawk li kienu qed jattendu l-konvenzjoni li hu wkoll kien attenda s-sessjonijiet dakinhar. X’qanqlu biex ikun hemm? Ir-raġel qal li wara li rċieva l-invit minn għaxar pubblikaturi differenti fit-toroq tal-belt, ma setax ma jmurx! Hu baqaʼ verament impressjonat u kien ħerqan biex jitgħallem iktar.—1 Timotju 2:3, 4.
Programm Spiritwali Mimli Daqs Bajda
Il-programm iddiskuta kif wieħed għandu jittratta varjetà taʼ problemi. Pariri Skritturali li kienu diretti spjegaw kif dawn il-problemi jistgħu jiġu solvuti jew kif wieħed jistaʼ jkampa magħhom.
Individwi li huma ansjużi minħabba x-xjuħija, is-saħħa batuta, it-telfa taʼ xi ħadd għażiż fil-mewt, jew minħabba xi problemi persunali oħrajn irċivew inkuraġġiment mill-Bibbja biex jgħinhom ikollhom ħarsa pożittiva lejn il-ħajja. (Salm 72:12-14) Il-koppji miżżewġin u l-ġenituri semgħu pariri mill-Bibbja fuq kif igawdu żwieġ hieni u fuq kif jirnexxu fit-trobbija tat-tfal tagħhom. (Koħèlet 4:12; Efesin 5:22, 25; Kolossin 3:21) Iż-żgħażagħ Kristjani—li huma esposti għall-pressjoni taʼ ħsara minn taʼ mparhom fl-iskola iżda esposti wkoll għall-pariri għaqlin mill-Kelma t’Alla fid-dar u fil-kongregazzjoni—irċivew pariri prattiċi fuq kif ikampaw mal-pressjoni minn sħabhom u fuq kif ‘jaħarbu mix-xewqat li jistaʼ jkollhom fiż-żgħożija.’—2 Timotju 2:22.
Fratellanza Verament Internazzjonali
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova dejjem jirċievu gwida Skritturali tajba fil-laqgħat tagħhom. (2 Timotju 3:16) Madankollu, dak li għamel dawn il-konvenzjonijiet speċjali kien ix-xejra internazzjonali tagħhom. Il-konvenzjonijiet speċjali kollha ppreżentaw l-istess programm spiritwali b’għadd taʼ lingwi differenti. Kull ġurnata, il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova taw taħditiet, u r-rapporti minn pajjiżi oħrajn żiedu interess speċjali. Dawn it-taħditiet u r-rapporti ġew tradotti għall-benefiċċju tal-gruppi b’lingwi differenti li kienu preżenti.
Id-delegati kienu ħerqanin biex jiltaqgħu maʼ ħuthom irġiel u nisa minn pajjiżi oħrajn. “Id-differenzi fil-lingwa ma ppreżentawx problemi kbar,” qal wieħed delegat. “Għall-kuntrarju, dan żied mal-ferħ taʼ l-okkażjoni. Il-mistidnin ġew minn sfondi kulturali differenti, iżda huma kienu kollha magħqudin mill-istess fidi.” Dawk li attendew il-konvenzjoni taʼ Munich esprimew ruħhom hekk: “Mifrudin bil-lingwa iżda magħqudin bl-imħabba.” Kienu x’kienu pajjiżhom u l-lingwa tagħhom, dawk li attendew ħassew li huma kienu mdawrin minn ħbieb veri—aħwa spiritwali rġiel u nisa.—Żakkarija 8:23.
Espressjonijiet taʼ Gratitudni
It-temp matul il-konvenzjonijiet fil-Polonja poġġa fil-prova l-attitudni u s-sabar fit-tul tad-delegati. Mhux biss għamlet ix-xita għal ħafna mill-ħin iżda kien ukoll bard mhux ħażin—madwar 14-il grad Celsius. Ħu mill-Istati Uniti kkummenta: “Kien l-iktar temp ikrah u l-iktar temperatura baxxa li qatt esperjenzajt f’konvenzjoni, u ftit li xejn fhimt mill-programm. Iżda l-atmosfera internazzjonali inkredibbli li kien hemm, l-ispirtu taʼ l-għaġeb, u l-ospitalità unika pattew għal dan kollu. Din il-konvenzjoni kienet waħda li ma tintesa qatt!”
Xi ħaġa li ma tintesa qatt minn dawk li jitkellmu bil-lingwa Pollakka li attendew il-konvenzjonijiet kienet meta tħabbar il-ħruġ taʼ l-Insight on the Scriptures bil-Pollakk—premju meraviljuż għas-sabar fit-tul tagħhom fil-bard u x-xita. Il-ħruġ tal-pubblikazzjoni l-ġdida Live With Jehovah’s Day in Mind ukoll ġab ferħ kbir fil-Konvenzjonijiet kollha “Il-Ħelsien fil-Qrib!”
Ħafna minn dawk preżenti se jiftakru l-konvenzjoni għal raġunijiet oħrajn. Kristina, oħt mir-Repubblika Ċeka li offriet ruħha biex tassisti lil grupp taʼ delegati minn barra, tgħid: “Meta konna qed nagħtu l-aħħar tislimiet lil xulxin, oħt ħaditni fil-ġenb, għannqitni u qaltli: ‘Veru ħassejt li ħadtu ħsiebi! Ġibtulna l-ikel eżatt fil-postijiet tagħna u saħansitra pprovdejtulna ilma biex nixorbu. Grazzi ħafna taʼ l-imħabba mhix egoistika tagħkom.’” Hi kienet qed tirreferi għal dak il-provvediment taʼ ikel taʼ nofsinhar lid-delegati minn barra. “Kien tip taʼ xogħol li qatt ma kellna esperjenza fih,” spjega wieħed ħu. “Ix-xogħol involva li jitwasslu kważi 6,500 ikla taʼ nofsinhar kuljum. Kien kommoventi li tara kemm nies, inkluż it-tfal, offrew ruħhom biex jgħinu.”
Oħt li vvjaġġat lejn Chorzow mill-Ukraina għall-konvenzjoni qalet: “Aħna verament inħossuna mqanqlin meta naħsbu dwar l-imħabba, l-interess, u l-ġenerożità li wrewna ħutna fit-twemmin. M’għandniex kliem biex nesprimu l-gratitudni tagħna.” Ukoll, Annika, tifla taʼ tmien snin mill-Finlandja kitbet hekk lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Polonja: “Il-konvenzjoni kienet saħansitra iktar taʼ l-għaġeb milli stajt nimmaġina. Huwa sabiħ li tappartjeni lill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, għax wieħed ikollu ħbieb minn madwar id-dinja kollha!”—Salm 133:1.
Kummenti mill-Osservaturi
Qabel il-konvenzjonijiet, ġew organizzati żjajjar f’postijiet taʼ interess għal xi wħud mid-delegati. Meta kienu fil-kampanja tal-Bavarja, il-viżitaturi waqfu fis-Swali tas-Saltna, fejn ġew milqugħin mix-Xhieda tal-lokal. Waħda mill-gwidi tal-gruppi li ma kinitx Xhud baqgħet impressjonata ferm b’din it-turija t’affezzjoni mill-aħwa. “Fuq ix-xarabank lura lejn il-lukanda tagħna,” jgħid wieħed delegat, “il-gwida tal-grupp qalet li aħna konna verament differenti minn gruppi taʼ nies oħrajn. Aħna konna lebsin pulit, u kulħadd ikkoopera maʼ dawk li ħadu t-tmexxija fil-grupp. Ma kienx hemm dagħa u lanqas konfużjoni. Baqgħet mistagħġba kif nies li qatt ma kienu jafu lil xulxin setgħu jsiru daqshekk ħbieb.”
Ħu li ħadem fid-Dipartiment tas-Servizz taʼ l-Aħbarijiet fil-konvenzjoni taʼ Praga jirrakkonta: “Il-Ħadd fil-għodu ġie jżurna l-uffiċjal inkarigat mill-pulizija li kienu assenjati għall-konvenzjoni. Hu nnota l-paċi li kien hemm u qal li ma kellu xejn x’jagħmel. Hu semma wkoll li xi wħud mir-residenti li joqogħdu fl-inħawi taʼ l-istejdjum kienu jistaqsu rigward l-għan tal-programm. Meta kien isemmi lix-Xhieda taʼ Ġeħova, huma spiss kienu jqarrsu wiċċhom, u l-uffiċjal kien jgħidilhom: ‘Kieku l-imġiba tan-nies tkun tajba daqs nofs l-imġiba tax-Xhieda taʼ Ġeħova, il-pulizija ma jkollhomx għalfejn jeżistu.’”
Ħafna Wħud Meħlusin Diġà!
Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, isservi taʼ pont bejn il-kulturi billi tgħaqqad u toħloq il-paċi fost il-Kristjani. (Rumani 14:19; Efesin 4:22-24; Filippin 4:7) Il-konvenzjonijiet speċjali “Il-Ħelsien fil-Qrib!” taw prova taʼ dan. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova diġà ġew meħlusin minn ħafna mill-problemi li jolqtu din id-dinja. L-intolleranza, l-aggressjoni, u r-razziżmu—biex insemmu biss ftit mill-problemi tas-soċjetà—ġew eliminati kważi għalkollox fosthom, u huma jħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien meta d-dinja kollha tkun meħlusa minn problemi bħal dawn.
Dawk li attendew dawn il-konvenzjonijiet esperjenzaw personalment l-unità li teżisti fost ix-Xhieda minn pajjiżi u kulturi differenti. Dan kien evidenti ferm fil-konklużjoni tal-konvenzjonijiet. Kulħadd beda jċapċap, jgħannaq lill-ħbieb ġodda, u jieħu l-aħħar ritratti. (1 Korintin 1:10; 1 Pietru 2:17) Ferħanin u konvinti li l-ħelsien minn dawn il-problemi u l-inkwiet hu fil-qrib, id-delegati marru lura lejn djarhom u lejn il-kongregazzjonijiet tagħhom b’determinazzjoni mġedda biex iżommu qabda tassew soda mal-“kelma tal-ħajja” t’Alla.—Filippin 2:15, 16.
[Nota taʼ taħt]
a Sitt konvenzjonijiet oħrajn fil-Polonja u waħda fis-Slovakkja kienu konnessi b’mod elettroniku għall-partijiet internazzjonali tal-programm.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]
Sitta u Għoxrin Lingwa Bħallikieku Waħda
[Tagħrif f’paġna 10]
Fid-disaʼ konvenzjonijiet li huma, il-programm kien preżentat bil-lingwa lokali. Matul il-konvenzjonijiet fil-Ġermanja, it-taħditiet ngħataw ukoll bi 18-il lingwa oħra. F’Dortmund it-taħditiet ngħataw bl-Għarbi, bil-Farsi, bil-Portugiż, bl-Ispanjol, u bir-Russu; fi Frankfurt bil-Franċiż, bl-Ingliż, u bis-Serb/bil-Kroat; f’Hamburg bid-Daniż, bl-Isvediż, bl-Olandiż, u bit-Tamil; f’Leipzig biċ-Ċiniż, bil-Pollakk, u bit-Tork; u fi Munich bil-Grieg, bit-Taljan, u bil-Lingwa tas-Sinjali Ġermaniża. Fil-konvenzjoni taʼ Praga t-taħditiet kollha ngħataw biċ-Ċek, bl-Ingliż, u bir-Russu. Fi Bratislava, il-programm kien bl-Ingliż, bis-Slovakk, bil-Lingwa tas-Sinjali Slovakka, u bl-Ungeriż. F’Chorzow il-lingwi kienu l-Pollakk, ir-Russu, l-Ukrain, u l-Lingwa tas-Sinjali Pollakka. U f’Poznan kienu bil-Pollakk u bil-Finlandiż.
Sitta u għoxrin lingwa b’kollox! Veru li dawk li attendew il-konvenzjoni kienu mifrudin bil-lingwa, iżda kienu magħqudin bl-imħabba tagħhom.
[Stampa f’paġna 9]
Id-delegati Kroati fi Frankfurt ferħu meta rċivew in-“New World Translation” bil-lingwa tagħhom stess