X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa? Ara jekk tistax twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
• Kif nistgħu nitkellmu b’mod fluwenti l-“lingwa pura,” il-verità dwar Alla u l-iskopijiet tiegħu? (Sof. 3:9)
Bħalma jiġri fil-każ taʼ lingwa mitkellma, biex nitkellmu l-“lingwa pura” b’mod fluwenti jeħtieġ li nisimgħu b’attenzjoni, nimitaw lil kelliema fluwenti, nitgħallmu bl-amment l-ismijiet taʼ kotba Bibliċi u xi versi mill-Bibbja, nirripetu l-affarijiet li nitgħallmu, naqraw b’leħen għoli, nanalizzaw il-grammatika, jew il-mudell tal-verità, inkomplu nagħmlu progress, niffissaw ħinijiet għall-istudju, u nipprattikaw li ‘nitkellmu’ l-lingwa pura.—8/15, paġni 21-25.
• L-idea taʼ “ħabel bi tlieta” kif tistaʼ tapplika għaż-żwieġ?
“Ħabel bi tlieta” hi espressjoni figurattiva. (Ekk. 4:12) Meta tiġi applikata għaż-żwieġ, din tinkludi r-raġel u l-mara, żewġ qfieli, li huma minsuġin mal-qafla ċentrali, Alla. Meta koppja tkun magħquda m’Alla se jkollha s-saħħa spiritwali biex tkampa mal-problemi u biex tikseb l-hena.—9/15, paġna 16.
• “It-tqegħid taʼ l-idejn” għal xiex jirreferi f’Ebrej 6:2?
Minflok ma japplika għall-ħatra t’anzjani Kristjani, x’aktarx li jirreferi għat-tqegħid taʼ l-idejn biex jingħataw l-għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu qaddis. (Atti 8:14-17; 19:6)—9/15, paġna 32.
• Dawk li qed imexxu kif jistgħu jonoraw lil oħrajn?
Mod wieħed kif anzjan jistaʼ jagħmel dan hu billi qatt ma jitlob lil oħrajn biex jagħmlu affarijiet li hu stess mhux lest li jagħmilhom. Ukoll, hu jonora lil ħaddieħor billi jagħti raġunijiet għal dak li qed jitlob minnhom jew għad-direzzjonijiet li jagħtihom.—10/15, paġna 22.
• Anzjan Kristjan x’jistaʼ jitgħallem minn kif ragħaj Israeli kien juża bastun milwi fit-tond?
Ragħaj kien juża bastun milwi fit-tond, jew għasluġ, biex jiggwida l-merħla tiegħu. Hekk kif in-nagħaġ kienu joħorġu mill-maqjel jew jidħlu fih, kienu ‘jgħaddu minn taħt l-għasluġ’ u hu setaʼ jgħoddhom. (Lev. 27:32) Bl-istess mod, ragħaj Kristjan jeħtieġ li jkun jaf u jżomm taħt għajnejh lill-merħla li Alla fdalu biex jieħu ħsiebha.—11/15, paġna 9.