LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w10 1/15 pp. 12-16
  • Uri li Int Segwaċi Veru taʼ Kristu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uri li Int Segwaċi Veru taʼ Kristu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għix fi Qbil mal-​Kelma t’Alla
  • Xandar is-​Saltna t’Alla
  • Kun Kburi li Ġġorr l-​Isem t’Alla
  • “Tħobbux id-​Dinja”
  • Uri Mħabba Kristjana Vera
  • Nidentifikaw Il-Vera Reliġjon
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Il-​Messaġġ li Għandna Nxandru
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Onora l-Isem il-Kbir ta’ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Hemm Responsabbiltà Involuta f’li Wieħed Ikun Jaf ir-Reliġjon it-Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
w10 1/15 pp. 12-16

Uri li Int Segwaċi Veru taʼ Kristu

“Kull siġra tajba tagħmel frott tajjeb, imma kull siġra mħassra tagħmel frott ħażin.”—MT. 7:17.

1, 2. Is-​segwaċi veri taʼ Kristu kif jidhru differenti minn dawk foloz, speċjalment matul dan iż-​żmien tat-​tmiem?

ĠESÙ qal li dawk li b’mod falz jgħidu li qed jaqduh kienu se jidhru differenti mis-​segwaċi veri tiegħu permezz tal-​frott tagħhom—it-​tagħlim u l-​kondotta tagħhom. (Mt. 7:15-​17, 20) Tabilħaqq, in-​nies ma jistgħux ma jinfluwenzawx ruħhom minn dak li jdaħħlu f’moħħhom u f’qalbhom. (Mt. 15:18, 19) Dawk li jiġu mitmugħin tagħlim falz jipproduċu “frott ħażin,” filwaqt li dawk li jiġu mgħallmin il-​verità spiritwali jipproduċu “frott tajjeb.”

2 Iż-​żewġ tipi taʼ frott qegħdin jidhru b’mod ċar matul dan iż-​żmien tat-​tmiem. (Aqra Danjel 12:3, 10.) Il-​Kristjani foloz għandhom ħarsa mċajpra lejn Alla u spiss juru għamla taʼ devozzjoni ipokrita lejh, filwaqt li dawk li għandhom dehen spiritwali jaqdu lil Alla “bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġw. 4:24; 2 Tim. 3:1-​5) Dawn jistinkaw biex juru kwalitajiet bħal taʼ Kristu. Imma xi ngħidu għalina personalment? Hekk kif tikkunsidra l-​ħames punti li ġejjin u li jidentifikaw il-​Kristjanità vera, staqsi lilek innifsek: ‘Il-​kondotta u t-​tagħlim tiegħi jaqblu b’mod ċar mal-​Kelma t’Alla? Insebbaħ jien il-​verità f’għajnejn dawk li qed ifittxuha?’

Għix fi Qbil mal-​Kelma t’Alla

3. X’jogħġob lil Ġeħova, u dan x’jinvolvi għall-​Kristjani veri?

3 “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet,” qal Ġesù, “imma min jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​smewwiet.” (Mt. 7:21) Iva, Ġeħova ma jiħux pjaċir b’min jgħid li jħaddan il-​Kristjanità, imma b’min jipprattikaha. Għas-​segwaċi veri taʼ Kristu, dan jinvolvi l-​ħajja tagħhom kollha kemm hi, inkluż l-​attitudni tagħhom lejn il-​flus, ix-​xogħol sekulari, id-​divertiment, id-​drawwiet u ċ-​ċelebrazzjonijiet dinjin, u ż-​żwieġ u relazzjonijiet oħrajn maʼ sħabhom il-​bnedmin. Iżda l-​Kristjani foloz jadottaw il-​mod taʼ ħsieb u l-​aġir tad-​dinja, li saru iktar u iktar imbegħdin minn Alla matul dawn l-​aħħar jiem.—Salm 92:7.

4, 5. Il-​kliem taʼ Ġeħova li jinsab f’Malakija 3:18 kif nistgħu napplikawh f’ħajjitna?

4 Fi qbil maʼ dan, il-​profeta Malakija kiteb: “Intom terġgħu taraw id-​distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-​agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” (Mal. 3:18) Hekk kif tirrifletti fuq dan il-​kliem, staqsi lilek innifsek: ‘Jien bħan-​nies tad-​dinja jew differenti minnhom? Nistinka dejjem jien biex nintgħoġob min-​nies tad-​dinja, kemm fl-​iskola kif ukoll fuq ix-​xogħol, jew nibqaʼ sod mal-​prinċipji Bibliċi, billi saħansitra niddefendihom meta jkun xieraq?’ (Aqra l-​1 Pietru 3:16.) M’għandniex xi ngħidu, ma rridux nidhru ġusti żżejjed, imma għandna nispikkaw bħala differenti minn dawk li ma jħobbux u ma jaqdux lil Ġeħova.

5 Jekk tara li għandek fejn titjieb f’dan, għala ma titlobx dwar il-​kwistjoni u tfittex is-​saħħa spiritwali permezz taʼ studju tal-​Bibbja regulari, talb, u attendenza għal-​laqgħat? Iktar ma tapplika l-​Kelma t’Alla iktar se tipproduċi “frott tajjeb,” inkluż “il-​frott tax-​xofftejn li jistqarru [isem Alla] pubblikament.”—Ebr. 13:15.

Xandar is-​Saltna t’Alla

6, 7. Rigward il-​messaġġ tas-​Saltna, liema kuntrast nistgħu naraw bejn il-​Kristjani veri u dawk foloz?

6 Ġesù qal: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:43) Ġesù għala għamel is-​Saltna t’Alla t-​tema prinċipali tal-​ministeru tiegħu? Kien jaf li hu nnifsu bħala s-​Sultan taʼ din is-​Saltna, flimkien maʼ ħutu rxoxtati midlukin bl-​ispirtu, kien se jġib fi tmiem il-​kaġuni tan-​niket tal-​umanità, jiġifieri, id-​dnub u x-​Xitan. (Rum. 5:12; Riv. 20:10) Għalhekk, hu kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex ixandru dik is-​Saltna sa tmiem din is-​sistema dinjija. (Mt. 24:14) Nies li sempliċement jgħidu li huma segwaċi taʼ Kristu ma jiħdux sehem f’dan ix-​xogħol—fil-​fatt, ma jistgħux. Għala? Minn tal-​inqas għal tliet raġunijiet: L-​ewwel, ma jistgħux jippritkaw dak li ma jifhmux. It-​tieni, il-​biċċa l-​kbira minnhom m’għandhomx l-​umiltà u l-​kuraġġ meħtiġin biex jiffaċċjaw it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt u l-​oppożizzjoni li jistgħu jirriżultaw mix-​xandir tal-​messaġġ tas-​Saltna lill-​ġirien tagħhom. (Mt. 24:9; 1 Pt. 2:23) U t-​tielet, il-​Kristjani foloz m’għandhomx l-​ispirtu t’Alla.—Ġw. 14:16, 17.

7 Mill-​banda l-​oħra, is-​segwaċi veri taʼ Kristu jifhmu x’inhi s-​Saltna t’Alla u x’se twettaq. Iżjed minn hekk, fil-​ħajja jagħtu prijorità lill-​interessi taʼ din is-​Saltna billi jxandruha madwar id-​dinja bl-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Ġeħova. (Żak. 4:6) Qed ikollok sehem regulari f’dan ix-​xogħol? Qed tipprova titjieb bħala proklamatur tas-​Saltna, forsi billi tqattaʼ iktar ħin fil-​ministeru jew billi tkun iktar effettiv fih? Xi wħud ipprovaw itejbu l-​kwalità tal-​ministeru tagħhom billi użaw il-​Bibbja b’mod aħjar. “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija,” kiteb l-​appostlu Pawlu, li għamilha d-​drawwa tiegħu li jirraġuna mill-​Iskrittura.—Ebr. 4:12; Atti 17:2, 3.

8, 9. (a) Liema esperjenzi jenfasizzaw il-​valur taʼ li nużaw il-​Bibbja fil-​ministeru tagħna? (b) Kif nistgħu nsiru iktar tas-​sengħa f’li nużaw il-​Kelma t’Alla?

8 Meta kien fil-​ministeru minn bieb għal bieb, wieħed ħu qara Danjel 2:44 lil raġel Kattoliku u spjegalu kif is-​Saltna t’Alla se ġġib paċi u sigurtà vera. Ir-​raġel qallu: “Verament napprezza li ftaħt il-​Bibbja u wrejtni x’tgħid l-​iskrittura minflok ma sempliċement għedtli.” Meta ħu qara skrittura lil mara Ortodossa Griega, hi staqsiet għadd taʼ mistoqsijiet interessanti. F’dan il-​każ ukoll, il-​ħu, flimkien maʼ martu, wieġeb mill-​Bibbja. Iktar tard, il-​mara qalet: “Tafu għala kont lesta nkellimkom? Għax ġejtu għandi bil-​Bibbja, u qrajtu minnha.”

9 M’għandniex xi ngħidu, il-​letteratura tagħna hija importanti u għandna noffruha fil-​ministeru. Madankollu, il-​Bibbja hija l-​għodda primarja tagħna. Allura, jekk ma kinitx id-​drawwa tiegħek li tużaha regolarment fil-​ministeru, għala ma tagħmilhiex il-​mira tiegħek li tagħmel dan? Forsi tistaʼ tagħżel xi skritturi prinċipali li jispjegaw x’inhi s-​Saltna t’Alla u kif din se tirranġa problemi speċifiċi li jikkonċernaw lin-​nies fl-​inħawi tiegħek. Imbagħad, kun preparat biex taqrahom meta tipprietka minn bieb għal bieb.

Kun Kburi li Ġġorr l-​Isem t’Alla

10, 11. Rigward l-​użu tal-​isem t’Alla, liema kuntrast hemm bejn Ġesù u ħafna li jsostnu li jsegwuh?

10 “‘Intom ix-​xhieda tiegħi,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘u jien Alla.’” (Is. 43:12) Ix-​Xhud ewlieni taʼ Ġeħova, Ġesù Kristu, qiesu bħala unur li jġorr l-​isem t’Alla u li jagħmlu magħruf. (Aqra Eżodu 3:15; Ġwanni 17:6; Ebrej 2:12.) Fil-​fatt, minħabba li Ġesù xandar isem Missieru, hu ssejjaħ “ix-​Xhud Leali.”—Riv. 1:5; Mt. 6:9.

11 B’kuntrast, ħafna li jsostnu li jirrappreżentaw lil Alla u lil Ibnu wrew attitudni taʼ mistħija lejn l-​isem divin, billi saħansitra neħħewh mill-​verżjonijiet tagħhom tal-​Bibbja. Direttiva reċenti lill-​isqfijiet Kattoliċi wriet attitudni simili meta qalet li “l-​isem t’Alla fil-​forma tat-​tetragrammaton JĦWH la għandu jintuża u lanqas jitlissen” waqt il-​qima.a Kemm hu t’għajb dan il-​ħsieb!

12. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova kif ġew assoċjati maʼ Ġeħova saħansitra iktar mill-​qrib fis-​sena 1931?

12 Il-​Kristjani veri jimitaw kemm lil Ġesù u kemm lis-​“sħaba hekk kbira taʼ xhieda” li ġew qablu, billi jħossuhom kburin li jużaw l-​isem t’Alla. (Ebr. 12:1) Fil-​fatt, il-​qaddejja t’Alla ġew assoċjati maʼ Ġeħova saħansitra iktar mill-​qrib meta fis-​sena 1931 aċċettaw l-​isem Xhieda taʼ Ġeħova. (Aqra Isaija 43:10-​12.) B’hekk, b’mod speċjali ħafna, is-​segwaċi veri taʼ Kristu saru “nies li jissejħu b’[isem Alla].”—Atti 15:14, 17.

13. Kif nistgħu ngħixu fi qbil mal-​isem li tana Alla?

13 Personalment, kif nistgħu ngħixu fi qbil mal-​isem uniku tagħna? Mod wieħed hu li b’lealtà rridu nixhdu għal Alla. “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jiġi salvat,” kiteb Pawlu. “Madankollu, kif se jsejħu lil dak li ma poġġewx il-​fidi fih? Imma kif se jpoġġu l-​fidi f’dak li ma semgħux dwaru? U kif se jisimgħu jekk xi ħadd ma jippridkax? U kif se jippridkaw jekk ma jintbagħtux?” (Rum. 10:13-​15) Ukoll, b’tattika għandna nikxfu t-​tagħlim reliġjuż falz li jimmalafama lill-​Ħallieq tagħna, bħad-​duttrina tan-​nar tal-​infern, li fir-​realtà tagħti x’tifhem li l-​Alla tal-​imħabba għandu l-​karatteristiki krudili tax-​Xitan.—Ġer. 7:31; 1 Ġw. 4:8; qabbel Marku 9:17-​27.

14. Meta tgħallmu x’inhu l-​isem persunali t’Alla, xi wħud kif irreaġixxew?

14 Tħossok kburi int li ġġorr l-​isem taʼ Missierek tas-​sema? Tgħin lil oħrajn isiru jafu dan l-​isem qaddis? Mara f’Pariġi, Franza, semgħet li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jafu l-​isem t’Alla, u għalhekk meta reġgħet iltaqgħet maʼ Xhud taʼ Ġeħova staqsietha biex turiha dan l-​isem fil-​Bibbja tagħha. Meta qrat Salm 83:18, l-​impatt kien profond. Bdiet tistudja l-​Bibbja u issa hi oħt leali li qed taqdi f’pajjiż ieħor. Meta mara Kattolika li tgħix l-​Awstralja rat l-​isem t’Alla fil-​Bibbja għall-​ewwel darba, bkiet bil-​ferħ. Issa ilha ħafna snin taqdi bħala pijuniera regulari. Iktar reċenti, meta xi Xhieda fil-​Ġamajka wrew lil waħda mara l-​isem t’Alla fil-​Bibbja tagħha stess, hi wkoll bkiet bil-​ferħ. Għalhekk, kun kburi li ġġorr l-​isem t’Alla u imita lil Ġesù billi tagħmel dan l-​isem prezzjuż magħruf maʼ kulħadd.

“Tħobbux id-​Dinja”

15, 16. Il-​Kristjani veri kif iħarsu lejn id-​dinja, u liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?

15 “Tħobbux id-​dinja u lanqas dak li hemm fid-​dinja. Jekk xi ħadd iħobb id-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier mhix fih.” (1 Ġw. 2:15) Id-​dinja u l-​ispirtu tagħha jaħdmu kontra Ġeħova u l-​ispirtu qaddis tiegħu. Għalhekk, is-​segwaċi veri taʼ Kristu mhux sempliċement iżommu lura milli jkunu parti mid-​dinja. Huma jirrifjutaw li jħobbu d-​dinja, għax jafu li bħalma kiteb id-​dixxiplu Ġakbu, “il-​ħbiberija mad-​dinja hi għadwa m’Alla.”—Ġak. 4:4.

16 Jistaʼ jkun taʼ sfida li nagħtu kas il-​kliem taʼ Ġakbu f’dinja li toffri numru bla għadd taʼ tentazzjonijiet. (2 Tim. 4:10) Għalhekk, għan-​nom tas-​segwaċi tiegħu, Ġesù talab: “Ma nitolbokx biex toħroġhom mid-​dinja, imma biex tħarishom minħabba l-​Ħażin. M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.” (Ġw. 17:15, 16) Staqsi lilek innifsek: ‘Nistinka jien biex ma nkun ebda parti mid-​dinja? Oħrajn jafu l-​waqfa tiegħi rigward ċelebrazzjonijiet u drawwiet mhux Skritturali, kif ukoll rigward dawk li forsi m’għandhomx oriġini pagana imma li b’mod ċar jirriflettu l-​ispirtu tad-​dinja?’—2 Kor. 6:17; 1 Pt. 4:3, 4.

17. X’jistaʼ jqanqal lil uħud taʼ qalb onesta biex iżommu man-​naħa taʼ Ġeħova?

17 M’għandniex xi ngħidu, il-​waqfa tagħna bbażata fuq il-​Bibbja mhix se tħabbibna mad-​dinja, imma tistaʼ tqanqal il-​kurżità taʼ wħud taʼ qalb onesta. Tabilħaqq, meta individwi bħal dawn josservaw li l-​fidi tagħna hija stabbilita fis-​sod fuq l-​Iskrittura u tinvolvi l-​ħajja tagħna kollha kemm hi, għandhom mnejn iwieġbu, fil-​fatt, billi jgħidu lill-​midlukin: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—Żak. 8:23.

Uri Mħabba Kristjana Vera

18. X’hemm involut f’li nuru mħabba lejn Ġeħova u l-​proxxmu tagħna?

18 Ġesù qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” u “ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mt. 22:37, 39) Din l-​imħabba (bil-​Grieg, agape) hija mħabba morali li tinkludi d-​dmir, il-​prinċipju, u l-​kondotta, imma li spiss tinvolvi emozzjoni qawwija. Tistaʼ tkun mill-​qalb u bil-​ħeġġa. (1 Pt. 1:22) Hija l-​oppost tal-​egoiżmu, għax tintwera fi kliem u għemejjel mhux egoistiċi.—Aqra l-​1 Korintin 13:4-​7.

19, 20. Semmi xi rakkonti li juru l-​qawwa tal-​imħabba Kristjana.

19 Peress li l-​imħabba ġejja mill-​ispirtu qaddis t’Alla, din tgħin lill-​Kristjani veri jagħmlu dak li oħrajn ma jistgħux jagħmlu. Pereżempju, jegħlbu ostakli razzjali, kulturali, u politiċi. (Aqra Ġwanni 13:34, 35; Gal. 5:22) Uħud bħal nagħaġ ma jistgħux ma jitqanqlux meta jaraw imħabba bħal din. Pereżempju, meta żagħżugħ Lhudi f’Israel attenda l-​ewwel laqgħa Kristjana tiegħu baqaʼ skantat meta ra aħwa Lhud u Għarab iqimu lil Ġeħova spalla maʼ spalla. B’riżultat taʼ dan, beda jattendi l-​laqgħat regolarment u aċċetta studju tal-​Bibbja. Turi mħabba mill-​qalb bħal din maʼ ħutek? U tagħmel sforz biex tilqaʼ mill-​qalb lil uħud ġodda fis-​Sala tas-​Saltna tiegħek, minkejja n-​nazzjonalità, il-​kulur tal-​ġilda, jew il-​qagħda soċjali tagħhom?

20 Bħala Kristjani veri, aħna nistinkaw biex nuru mħabba lejn kulħadd. F’El Salvador, pubblikatriċi żagħżugħa kienet qed tistudja l-​Bibbja maʼ mara Kattolika li kellha 87 sena u li kellha qalbha marbuta mal-​knisja tagħha. Ġurnata minnhom, il-​mara mardet serjament u ddaħħlet l-​isptar. Meta marret lura d-​dar, ix-​Xhieda marru jżuruha u ħadulha xi ħaġa tal-​ikel. Dan kompla għal madwar xahar. Ħadd ma mar iżurha mill-​knisja tagħha. X’kien ir-​riżultat? Neħħiet l-​istatwi li kellha, irriżenjat mill-​knisja tagħha, u reġgħet bdiet tistudja l-​Bibbja. Iva, l-​imħabba Kristjana għandha l-​qawwa! Tistaʼ tilħaq il-​qlub b’modi li l-​kliem ma jistax.

21. Kif nistgħu nagħmluh fis-​sod il-​futur tagħna?

21 Dalwaqt, Ġesù se jgħid lil dawk kollha li b’mod falz isostnu li jaqduh: “Jien qatt ma kont nafkom! Itilqu minn quddiemi, intom li tiksru l-​liġi.” (Mt. 7:23) Għalhekk, ejja nagħmlu frott li jonora kemm lill-​Missier kif ukoll lill-​Iben. “Kulmin jismaʼ kliemi u jagħmlu,” qal Ġesù, “ikun jixbah lil raġel għaqli, li bena daru fuq il-​blat.” (Mt. 7:24) Iva, jekk nuru li aħna segwaċi veri taʼ Kristu niksbu l-​favur t’Alla, u l-​futur tagħna jkun fis-​sod, bħallikieku msejjes fuq il-​blat!

[Nota taʼ taħt]

a Xi pubblikazzjonijiet Kattoliċi moderni bil-​Malti, inkluż Il-​Bibbja tal-​Għaqda Biblika Maltija, jittraduċu t-​tetragrammaton bħala “Jaħweh.”

X’Tiftakar?

• Is-​segwaċi veri taʼ Kristu kif jidhru li huma differenti minn dawk foloz?

• Semmi xi “frott” li jidentifika l-​Kristjani veri.

• Sabiex tagħmel frott li jixraq lil Kristjan, liema miri tistaʼ tagħmel?

[Stampa f’paġna 13]

Hija d-​drawwa tiegħek li tuża l-​Bibbja regolarment fil-​ministeru?

[Stampa f’paġna 15]

Oħrajn jafu x’inhi l-​waqfa tiegħek rigward ċelebrazzjonijiet mhux Skritturali?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja