LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 10/15 pp. 17-20
  • Kien Premjanti li Striħajna fuq Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kien Premjanti li Striħajna fuq Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IX-​XOGĦOL TAL-​IVVJAĠĠAR U T-​TAĦRIĠ TAʼ GILEGĦAD
  • SNIN EĊĊITANTI F’BETEL
  • AĠĠUSTAMENTI LI GĦAMILNA
  • LEZZJONIJIET LI TGĦALLIMNA
  • ‘Għamilna dak li Kellna Nagħmlu’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Tistaʼ Din Tkun l-Aħjar Karriera Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Il-ministeru fultajm—⁠Fejn wassalni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 10/15 pp. 17-20

BIJOGRAFIJA

Kien Premjanti li Striħajna fuq Ġeħova

Kif rakkontata minn Malcolm Allen

Kultant ma tkunx taf x’se ġġib magħha l-​ħajja—inċertezzi u diffikultajiet ebsin biex tkampa magħhom. Imma Ġeħova jbierek lil dawk li jistrieħu fuqu, u mhux fuq il-​fehma tagħhom stess. Jien u marti dan esperjenzajnieh matul il-​ħajja twila u premjanti li għexna. Ħa nirrakkonta ftit mill-​istorja tagħna.

OMMI u missieri ltaqgħu fl-​1919 f’konvenzjoni tal-​Istudenti Internazzjonali tal-​Bibbja f’Cedar Point, Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Huma żżewġu iktar tard f’dik l-​istess sena. Jien twilidt fl-​1922, u ħija Paul twieled sentejn wara. Marti Grace twieldet fl-​1930. Il-​ġenituri tagħha, Roy u Ruth Howell, trabbew bħala Studenti tal-​Bibbja, u n-​nanniet tagħha wkoll kienu Studenti tal-​Bibbja u ħbieb taʼ Ħuna Charles Taze Russell.

Iltqajt maʼ Grace fl-​1947, u żżewwiġna fis-​16 taʼ Lulju, 1949. Qabel ma żżewwiġna, kellna diskussjonijiet bil-​miftuħ dwar il-​futur tagħna. Konna determinati li nieħdu sehem fil-​ministeru full-​time u ma nerfgħux ir-​responsabbiltà tat-​trobbija tat-​tfal. Fl-​1 t’Ottubru, 1950, bdejna naqdu flimkien bħala pijunieri. Imbagħad fl-​1952 ġejna mistidnin fix-​xogħol tas-​circuit.

IX-​XOGĦOL TAL-​IVVJAĠĠAR U T-​TAĦRIĠ TAʼ GILEGĦAD

It-​tnejn li aħna ħassejna li kellna bżonn ħafna għajnuna biex inwettqu dan l-​inkarigu ġdid. Filwaqt li tgħallimt minn aħwa tal-​esperjenza, fittixt ukoll l-​għajnuna għal Grace. Avviċinajt lil Marvin Holien, ħabib antik tal-​familja li kien tal-​esperjenza bħala indokratur li jivvjaġġa, u staqsejtu: “Grace għadha żgħira u m’għandhiex esperjenza. Taf lil xi ħadd li jistaʼ jaħdem magħha sabiex titħarreġ ftit?” “Iva,” wieġeb hu. “Edna Winkle hija pijuniera tal-​esperjenza li tistaʼ tgħinha ħafna.” Iktar tard, Grace qalet hekk dwar Edna: “Kienet iġġegħelni nħossni komda fuq il-​bibien, kienet taf kif għandha twieġeb meta tqum xi oġġezzjoni, u għallmitni nagħti widen lill-​inkwilin sabiex inkun nistaʼ nwieġeb bl-​aħjar mod. Kienet proprju dak li kelli bżonn!”

Mix-​xellug: Nathan Knorr, Malcolm Allen, Fred Rusk, Lyle Reusch, Andrew Wagner

Jien u Grace qdejna f’żewġ circuits fl-​istat taʼ Iowa, inkluż partijiet mill-​istati taʼ Minnesota u South Dakota. Imbagħad intbgħatna fi New York Circuit 1, li kien jinkludi l-​inħawi taʼ Brooklyn u Queens. Qatt ma se ninsew kemm ħassejna li konna bla esperjenza f’dan l-​inkarigu. Is-​circuit kien jinkludi l-​Kongregazzjoni taʼ Brooklyn Heights, li kienet tiltaqaʼ fis-​Sala tas-​Saltna f’Betel u kellha ħafna membri tal-​familja Betel li kienu tal-​esperjenza. Wara li tajt l-​ewwel taħdita tas-​servizz tiegħi f’din il-​kongregazzjoni, Ħuna Nathan Knorr resaq fuqi u qalli dan il-​kliem: “Malcolm, int tajtna xi pariri fuqiex naħdmu, u dawn kienu xierqa. Tinsiex, jekk ma tgħinniex billi tagħtina pariri b’qalb tajba, ftit li xejn tkun t’għajnuna għall-​organizzazzjoni. Qed tagħmel xogħlok sew—kompli sejjer hekk.” Wara l-​laqgħa, għedt lil Grace b’dan. Imbagħad tlajna fuq fil-​kamra tagħna f’Betel u nfexxejna nibku tant kemm konna stressati.

“Jekk ma tgħinniex billi tagħtina pariri b’qalb tajba, ftit li xejn tkun t’għajnuna għall-​organizzazzjoni. Qed tagħmel xogħlok sew—kompli sejjer hekk”

Wara ftit xhur, irċivejna stedina biex nattendu l-​24 klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad, u l-​istudenti kellhom jiggradwaw fi Frar tal-​1955. Qabel ma morna l-​iskola ġejna informati li t-​taħriġ tagħna ma kienx neċessarjament biex iħejjina nsiru missjunarji. Minflok, kellu jservi biex jarmana ħalli nsiru iktar effettivi fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar. L-​iskola kienet esperjenza meraviljuża iżda li ġġiegħlek issir iktar umli.

Fern u George Couch miegħi u maʼ Grace f’Gilegħad, fl-​1954

Meta temmejna l-​iskola, ġejna inkarigati biex naqdu fix-​xogħol tad-​distrett. Id-​distrett tagħna kien jinkludi l-​istati taʼ Indiana, Michigan, u Ohio. Imbagħad, b’sorpriża għalina, f’Diċembru tal-​1955 irċivejna ittra mingħand Ħuna Knorr li fiha qal: “Toqogħdux lura milli tesprimu ruħkom, u kunu onesti miegħi. Jekk tgħiduli li intom lesti li tiġu Betel u tibqgħu hawnhekk . . . jew jekk tħossu li tistgħu taċċettaw inkarigu f’pajjiż ieħor wara li tkunu għamiltu xi żmien f’Betel, għiduli. Jekk tippreferu x-​xogħol tad-​distrett u tas-​circuit, nixtieq inkun naf.” Aħna weġibna li konna nkunu kuntenti bi kwalunkwe inkarigu li ningħataw. Minnufih intqalilna biex immorru naqdu f’Betel!

SNIN EĊĊITANTI F’BETEL

Matul is-​snin eċċitanti li qattajt fis-​servizz f’Betel ġejt inkarigat biex nagħti taħditiet u ngħallem f’ħafna postijiet fl-​Istati Uniti. Stajt inħarreġ u ngħin lil bosta żgħażagħ irġiel li iktar tard ngħataw responsabbiltajiet ikbar fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Maż-​żmien, ħdimt bħala segretarju taʼ Ħuna Knorr fl-​uffiċċju fejn kien jiġi organizzat ix-​xogħol tal-​ippritkar madwar id-​dinja.

Naħdem fid-​Dipartiment tas-​Servizz, fl-​1956

Is-​snin li qattajt fid-​Dipartiment tas-​Servizz kienu tassew pjaċevoli. Hemmhekk stajt naħdem maʼ T. J. (Bud) Sullivan. Hu kien għamel snin sħaħ jaqdi bħala l-​indokratur taʼ dan id-​dipartiment. Imma kien hemm oħrajn li wkoll tgħallimt ħafna minnhom. Fred Rusk, li kien ġie inkarigat biex iħarriġni, kien wieħed minnhom. B’għożża, niftakar nistaqsih, “Fred, għala tagħmilli dawk il-​bidliet kollha f’xi wħud mill-​ittri li nikteb?” Hu daħaqha, u qalli, “Malcolm, meta tgħid xi ħaġa bil-​fomm, tistaʼ tkompli tispjega b’iktar kliem, iżda meta tikteb xi ħaġa, speċjalment meta toħroġ minn hawnhekk, trid tkun ċara u eżatta kemm jistaʼ jkun.” Imbagħad b’qalb tajba qalli, “Agħmel il-​qalb—sejjer tajjeb, u maż-​żmien, titjieb.”

Matul is-​snin li qdiet f’Betel, Grace irċiviet għadd taʼ inkarigi taʼ xogħol, inkluż it-​tindif tal-​kmamar. Kienet tħobb tagħmlu dan ix-​xogħol. Sal-​ġurnata tal-​lum, meta kultant niltaqgħu maʼ xi wħud mill-​aħwa li kienu żgħażagħ irġiel f’Betel matul dawk is-​snin, dawn jgħidu lil Grace bi tbissima, “Int għallimtni kif nifrex sodda, u ħa ngħidlek: ommi ħadet pjaċir b’dak li għallimtni.” Grace kienet tieħu pjaċir ukoll taħdem fid-​dipartimenti tar-​Rivisti, tal-​Korrispondenza, u tal-​Produzzjoni tal-​Kasetts. Is-​servizz tagħha f’dawn l-​inkarigi differenti għenha tapprezza li kwalunkwe xogħol li nagħmlu jew kwalunkwe post fejn naqdu fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova huwa privileġġ u barka. Sal-​lum il-​ġurnata, hi tħossha bl-​istess mod.

AĠĠUSTAMENTI LI GĦAMILNA

F’nofs is-​snin 70, bdejna nirrealizzaw li l-​ġenituri tagħna, li kienu mdaħħlin fiż-​żmien, kellhom bżonn iktar attenzjoni. Maż-​żmien, kellna nieħdu deċiżjoni diffiċli. Ma ridniex nitilqu minn Betel u nħallu warajna lill-​qaddejja sħabna taʼ Ġeħova li konna sirna nħobbuhom b’għożża kbira. Iżda xorta ħassejt li kienet ir-​responsabbiltà tagħna li nieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħna. Għalhekk, eventwalment tlaqna minn Betel, iżda bit-​tama li meta s-​sitwazzjoni tagħna tinbidel, forsi mmorru lura.

Sabiex immantnu lilna nfusna, bdejt inbigħ il-​poloz tal-​assikurazzjoni. Qatt ma ninsa x’kien qalli maniġer partikulari meta kont għadni qed nitħarreġ: “Dan in-​negozju jiddependi miż-​żjajjar lin-​nies filgħaxijiet. Huwa b’hekk li tkun tistaʼ tara lin-​nies wiċċ imb wiċċ. Xejn m’hu iktar importanti milli toħroġ kull filgħaxija żżur lin-​nies.” Wiġibtu, “Jien ċert li int qed titkellem mill-​esperjenza, u nirrispettah dan. Imma jien għandi wkoll responsabbiltajiet taʼ natura spiritwali li qatt ma ttraskurajthom, u m’iniex beħsiebni nibda nittraskurahom issa. Inkun nistaʼ nagħmel xi żjajjar filgħaxijiet, iżda nhar taʼ Tlieta u nhar taʼ Ħamis filgħaxija, irrid nattendi laqgħat importanti ħafna.” Ġeħova tassew berikni talli ma tliftx il-​laqgħat biex nagħmel xogħol sekulari.

Meta mietet ommi konna maġenb is-​sodda tagħha f’dar tal-​anzjani f’Lulju tal-​1987. In-​ners resqet lejn Grace u qaltilha: “Sinjura Allen, mur id-​dar u strieħ ftit. Kulħadd jaf li kont hawnhekk il-​ħin kollu maġenb il-​kunjata tiegħek. Serraħ moħħok li għamilt kulma stajt.”

F’Diċembru tal-​1987, applikajna biex nerġgħu naqdu f’Betel, il-​post li konna nħobbu. Iżda ftit jiem wara, lil Grace sabulha kanċer fil-​musrana l-​kbira, jew, il-​ħoxna. Wara li għamlet operazzjoni u rkuprat minnha, qalulha li ma kienx għad fadal traċċa tal-​kanċer. Iżda sadanittant irċivejna ittra minn Betel li fiha ngħatajna l-​parir biex inkomplu bil-​ministeru tagħna mal-​kongregazzjoni lokali. Konna determinati li nkomplu nħabirku għal Ġeħova.

Maż-​żmien, sibt xogħol f’Texas. Iddeċidejna li l-​klima iktar sħuna t’hemmhekk tkun tajba għalina, u hekk kien. Hawnhekk f’Texas, ilna xi 25 sena mdawrin minn aħwa li tant iħobbuna u li saru ħbieb tal-​qalb.

LEZZJONIJIET LI TGĦALLIMNA

Matul is-​snin, Grace batiet minn kanċer tal-​musrana l-​kbira, tat-​tirojde, u dan l-​aħħar tas-​sider. Madankollu, hi qatt ma gergret dwar ħajjitha u dejjem ikkooperat miegħi u rrispettatni bħala l-​kap tal-​familja. In-​nies spiss jistaqsuha, “X’inhu s-​sigriet tas-​suċċess tagħkom bħala koppja u tal-​ferħ li t-​tnejn turu?” Hi tagħti erbaʼ raġunijiet: “Aħna ħbieb tal-​qalb. Nikkomunikaw regolarment kuljum. Inħobbu nqattgħu ħin flimkien kuljum. U qatt ma mmorru norqdu fl-​aħħar tal-​ġurnata filwaqt li nkunu għadna rrabjati għal xulxin.” M’għandniex xi ngħidu, xi kultant nirfsu l-​kallu taʼ xulxin, iżda mbagħad naħfru u ninsew—u din l-​attitudni tirnexxi verament.

“Dejjem strieħ fuq Ġeħova u aċċetta dak li jippermetti”

Matul il-​provi kollha li ffaċċjajna, tgħallimna diversi lezzjonijiet utli:

  1. Dejjem strieħ fuq Ġeħova u aċċetta dak li jippermetti. Tistrieħx fuq fehmtek stess.—Prov. 3:5, 6; Ġer. 17:7.

  2. Strieħ fuq il-​Kelma taʼ Ġeħova għad-​direzzjoni, tkun xi tkun il-​kwistjoni. L-​ubbidjenza lejn Ġeħova u l-​liġijiet tiegħu hi vitali. M’hemmx triq tan-​nofs—jew tobdi jew ma tobdix.—Rum. 6:16; Ebr. 4:12.

  3. Hemm ħaġa waħda fil-​ħajja li hi l-​iktar importanti—li tagħmel isem tajjeb maʼ Ġeħova. Poġġi l-​interessi tiegħu l-​ewwel, u mhux il-​ġid materjali.—Prov. 28:20; Ekk. 7:1; Mt. 6:33, 34.

  4. Itlob li tkun produttiv u attiv kemm jistaʼ jkun fis-​servizz taʼ Ġeħova. Iffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel, u mhux fuq dak li ma tistax tagħmel.—Mt. 22:37; 2 Tim. 4:2.

  5. Kun af li m’hemm ebda organizzazzjoni oħra li għandha l-​barka u l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Ġw. 6:68.

Kemm jien u kemm Grace qdejna lil Ġeħova għal iktar minn 75 sena, u bħala koppja miżżewġa qdejnieh għal kważi 65 sena. Tassew qattajna żmien sabiħ naqdu lil Ġeħova flimkien matul dawn is-​snin kollha. Nittamaw u nitolbu li ħutna kollha jistgħu jesperjenzaw bl-​istess mod kemm il-​ħajja tkun premjanti meta tistrieħ fuq Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja