Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
© 2022 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
6-12 TAʼ MARZU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 KRONAKI 23-26
“Il-Qima fit-Tempju Ġiet Organizzata Ħafna”
it-2 241
Leviti
David organizza sew ix-xogħol tal-Leviti. Hu tagħhom ir-responsabbiltà biex jieħdu ħsieb ix-xogħol tat-tempju, biex ikunu uffiċjali, imħallfin, u għassiesa mal-bibien u mat-teżori. Kien hemm numru kbir li kienu jgħinu lill-qassisin billi jagħmlu xogħol fit-tempju, jieħdu ħsieb il-btieħi, il-kmamar tal-ikel, inaddfu kull ħaġa qaddisa, jiżnu u jkejlu l-affarijiet, u bħala għassiesa t’affarijiet oħra. Il-Leviti li qdew bħala mużiċisti kienu organizzati f’24 grupp, simili għal kif kienu mqassmin il-qassisin u kienu jaqdu grupp wara grupp. Ix-xogħol li kellhom jagħmlu kien jintgħażel billi jtellgħu x-xorti. Fil-każ tal-gruppi tal-għassiesa mal-bibien, kienu jkunu jafu maʼ liema bieb se jkunu għassa bix-xorti wkoll.—1Kr 23, 25, 26; 2Kr 35:3-5, 10.
it-2 686
Qassis
Uffiċjali differenti kienu jieħdu ħsieb biex jorganizzaw ix-xogħol tal-qassisin fit-tempju. Ċertu xogħlijiet kienu jitqassmu billi jtellgħu x-xorti. Kull grupp mill-24 grupp kien jaqdi għal ġimgħa, dan kien ifisser li kienu jaqdu darbtejn fis-sena. Milli jidher, il-qassisin kollha kienu jaqdu fil-festi għax kien ikun hemm eluf t’offerti minn nies, bħalma kienu għamlu meta ġie inawgurat it-tempju. (1Kr 24:1-18, 31; 2Kr 5:11; qabbel 2Kr 29:31-35; 30:23-25; 35:10-19.)
it-2 451-452
Mużika
David għażel 4,000 Levita biex ifaħħru lil Ġeħova fit-tempju bil-mużika. (1Kr 23:4, 5) Minn dawn kien hemm 288 ‘kantant espert u ttrennjat biex ikanta lil Ġeħova.’ (1Kr 25:7) Asaf, Ħeman, u Ġedutun (milli jidher jismu wkoll Etan) kienu mużiċisti esperti u responsabbli fuq dawn l-4,000. Huma kienu jirrappreżentaw lit-tlett kapijiet mill-familja taʼ Levi, jiġifieri Gersom, Keħat, u Merari. (1Kr 6:16, 31-33, 39-44; 25:1-6) Asaf, Ħeman, u Ġedutun kellhom 24 tifel, u kienu jagħmlu parti mill-288 kantant espert. Kull tifel kien magħżul bħala kap taʼ kull grupp, b’hekk kien hemm 24 grupp. Kull kap kellu 11-il espert ieħor mit-tfal tiegħu jew mil-Leviti oħra. Mela f’kull grupp kien hemm 12-il espert. Imbagħad kien hemm madwar 155 li kienu qed jitgħallmu f’kull grupp.—1Kr 25:1-31.
it-1 898
Għassies tal-bieb
Fit-Tempju. Qabel ma miet, ir-Re David organizza lil-Leviti u lill-ħaddiema tat-tempju li kienu jinkludu l-għassiesa tal-bibien. B’kollox kienu 4,000. Huma kienu jaħdmu ġimgħa sħiħa skont il-grupp tagħhom. Dawn kienu responsabbli biex jieħdu ħsieb id-dar taʼ Ġeħova u biex jagħmlu ċert li l-bibien kienu jinfetħu u jingħalqu fil-ħin. (1Kr 9:23-27; 23:1-6) Minbarra li kienu jkunu għassa mal-bibien, kien hemm uħud li jieħdu ħsieb il-flus kollha li n-nies kienu jagħtu għat-tempju.—2Sl 12:9; 22:4.
IRSISTI FIL-MINISTERU
Taħdita
w11 6/1 14-15
Il-Kristjani vera huma organizzati biex jagħmlu dak li qalilna Ġesù. (Mattew 24:14; 1 Timotju 2:3, 4) Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna lill-popli kollha, jiġifieri mad-dinja kollha. Dan ix-xogħol ikun impossibbli mingħajr organizzazzjoni waħda mad-dinja kollha. Biex inġibu eżempju, huwa faċli li tagħti l-ikel lil xi ħadd waħdek. Imma jekk ikollok titmaʼ eluf, u anke miljuni taʼ nies, se jkollok bżonn grupp taʼ nies organizzati sew. Biex jagħmlu dak li qalilhom Ġesù, il-Kristjani veri ‘jaqdu spalla maʼ spalla.’ (Sofonija 3:9) Jistaʼ jkun possibbli li jsir dan ix-xogħol b’lingwi u f’pajjiżi differenti mingħajr organizzazzjoni? Ovvja li le!
Il-Kristjani veri huma organizzati biex jgħinu u jinkuraġġixxu lil xulxin. Xi ħadd li jħobb jimxi u jitlaʼ l-muntanji jistaʼ jiddeċiedi hu stess fejn se jmur u m’għandux għalfejn jieħu ħsieb oħrajn bla esperjenza. Imma jekk iweġġaʼ jew ikollu xi diffikultà, se jkun fil-periklu għax ma jkun hemm ħadd biex jgħinu. Li tinqataʼ għalik waħdek mhux tajjeb. (Proverbji 18:1) Biex il-Kristjani jagħmlu dak li qalilhom Ġesù jridu jgħinu lil xulxin. (Mattew 28:19, 20) L-organizzazzjoni t’Alla tagħti istruzzjonijiet, trejning, u inkuraġġiment mill-Bibbja li vera għandna bżonn biex nibqgħu għaddejjin u ma naqtgħux qalbna. Kieku m’hemmx laqgħat Kristjani organizzati, fejn se mmorru biex nitgħallmu dwar Ġeħova u naqduh?—Ebrej 10:24, 25.
Il-Kristjani veri huma organizzati biex jaqdu lil Alla magħqudin. In-nagħaġ taʼ Ġesù jisimgħu minnu u jsiru “merħla waħda” taħt it-tmexxija tiegħu. (Ġwanni 10:16) Huma m’humiex mifruxin fi knejjes u gruppi differenti u lanqas mhuma mifrudin b’tagħlim differenti. Minflok, huma jaqblu f’dak li jgħidu. (1 Korintin 1:10) Biex inkunu magħqudin, irid ikun hemm l-ordni, u l-ordni trid organizzazzjoni. Biex il-Kristjani jkollhom il-barka t’Alla jridu jkunu magħqudin.—Salm 133:1, 3.
Miljuni li jħobbu lil Alla u dak li tgħallem il-Bibbja, saru parti minn organizzazzjoni li tagħmel dak li semmejna u affarijiet oħrajn mill-Bibbja. Bħala nies magħqudin u organizzati, ix-Xhieda taʼ Ġeħova mad-dinja kollha jaħdmu iebes biex jagħmlu dak li jrid Alla. Huma ċerti minn din il-wegħda: “Nimxi fosthom, u nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.” (2 Korintin 6:16) Int tistaʼ tgawdi dan il-privileġġ sabiħ ukoll jekk taqdi lil Ġeħova mal-organizzazzjoni tiegħu.
13-19 TAʼ MARZU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 KRONAKI 27-29
Ġawhar Spiritwali
w17.03 29 ¶6-7
Kif Tkun Ħabib Tajjeb
David kellu ħbieb oħra li baqgħu leali lejh meta kien għaddej minn żmien diffiċli. Wieħed minnhom kien Ħusaj, li l-Bibbja ssejjaħlu “l-ħabib taʼ David.” (2 Sam. 16:16; 1 Kron. 27:33) Hu kien ħabib tajjeb tar-re u x’aktarx li kien jaqdi bħala uffiċjal tal-palazz. Hu kultant anki ħa ħsieb xogħlijiet kunfidenzjali.
Meta Absalom, it-tifel taʼ David, għamel lilu nnifsu re, ħafna Iżraelin żammew miegħu, imma Ħusaj le. Meta David ħarab, Ħusaj għenu. David ħassu mweġġaʼ ħafna li t-tifel tiegħu u oħrajn li kien jafda ttradewh. Imma Ħusaj baqaʼ leali. Hu kien lest li jirriskja ħajtu u jagħmel dak li qallu David biex il-pjan taʼ Absalom ma jirnexxix. Ħusaj m’għamilx dan għax kien parti mix-xogħol tiegħu bħala uffiċjal tal-palazz. Hu wera li kien ħabib leali.—2 Sam. 15:13-17, 32-37; 16:15-23; 17: 1-16.
20-26 TAʼ MARZU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 KRONAKI 1-4
“Ir-Re Salamun Jieħu Deċiżjoni Ħażina”
it-1 174 ¶5
Armata
Meta beda jmexxi Salamun, kien hemm bidla fl-armata t’Iżrael. Għalkemm waqt li kien qed imexxi kien hemm il-paċi, hu xorta baqaʼ jżid iż-żwiemel u l-karrijiet. Ħafna minn dawn iż-żwiemel kien jixtrihom u jġibhom mill-Eġittu. Minħabba dawn iż-żwiemel kollha, kellu jibni bliet biex ikollhom fejn joqogħdu. (1Sl 4:26; 9:19; 10:26, 29; 2Kr 1:14-17) Imma Ġeħova qatt ma bierku taʼ dan. Wara li miet Salamun u nqasmet is-saltna, l-armata t’Iżrael ma baqgħetx b’saħħitha. Dan ġara bħalma kiteb aktar tard Isaija: “Gwaj għal dawk li neżlin l-Eġittu għall-għajnuna, dawk li jistrieħu fuq sempliċi żwiemel, u li jafdaw fil-karrijiet tal-gwerra għax huma kotrana, u fiż-żwiemel tal-ġiri għax huma setgħanin ferm, imma li ma ħarsux lejn il-Qaddis taʼ Israel u ma fittxewx lil Ġeħova.”—Is 31:1.
it-1 427
Karru
F’Iżrael ma kienx hemm armata bil-karrijiet sakemm beda jmexxi Salamun. Dan kien minħabba li l-liġi t’Alla kienet tgħid li re ma kellux ikollu ħafna żwiemel, għax huma ma kellhomx bżonnhom biex iħossuhom protetti. Din il-liġi llimitat kemm ikollhom karrijiet, peress li biex isuquhom kellhom bżonn iż-żwiemel. (Dt 17:16) Samwel kien wissiehom li r-re kien se jagħmlilhom ħajjithom iżjed diffiċli, meta qalilhom: “Lis-subien tagħkom jiħodhom biex isuqu l-karrijiet tiegħu.”—1Sa 8:11.
Ir-Re Salamun żied il-karrijiet għal 1,400 biex isaħħaħ l-armata t’Iżrael. (1Sl 10:26, 29; 2Kr 1:14, 17) Apparti Ġerusalemm, kien hemm bliet oħra magħrufa bħala l-bliet għall-karrijiet. Fihom kienu jieħdu ħsieb dawn l-armamenti tal-gwerra.—1Sl 9:19, 22; 2Kr 8:6, 9; 9:25.
27 TAʼ MARZU–2 T’APRIL
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 KRONAKI 5-7
“Se Nipproteġiha għal Dejjem”
it-2 1077-1078
Tempju
L-istorja. Dan it-tempju eżista sas-sena 607 qabel Kristu (QK), meta ġie meqrud mill-armata Babiloniża tar-Re Nebukadnessar. (2Sl 25:9; 2Kr 36:19; Ġer 52:13) Peress li l-Iżraelin kienu jqimu allat foloz, Alla ħalla lin-nazzjonijiet jagħmlu l-ħajja diffiċli lil dawk f’Ġuda u f’Ġerusalemm. Xi kultant anki serqu t-teżori tat-tempju. Kien hemm perjodi fejn it-tempju anki ġie abbandunat. Ir-Re Sisak tal-Eġittu seraq it-teżori tat-tempju (993 QK) fi żmien Reħobogħam, it-tifel taʼ Salamun. Dan ġara 33 sena biss wara li kien ġie ddedikat. (1Sl 14:25, 26; 2Kr 12:9) Ir-Re Asa (977-937 QK) kien jirrispetta d-dar taʼ Ġeħova. Imma biex jipproteġi lil Ġerusalemm, ħallas lir-re tas-Sirja Ben-ħadad l-Ewwel bil-fidda u d-deheb mit-teżor tat-tempju. Dan għamlu biex jikser il-ftehim li kellu mar-Re Bagħsa t’Iżrael.—1Sl 15:18, 19; 2Kr 15:17, 18; 16:2, 3.
Ġawhar Spiritwali
w10 12/1 11 ¶7
Hu Jaf “Tajjeb Qalb il-Bniedem”
It-talba taʼ Salamun tistaʼ ssaħħaħna u tinkuraġġina. In-nies taʼ madwarna jaf ma jifhmux eżatt kif inħossuna għax aħna biss nafu l-uġigħ u d-dwejjaq tagħna. (Proverbji 14:10) Imma Ġeħova jaf x’għandna f’qalbna, u hu vera jimpurtah minna. Meta niftħu qalbna miegħu fit-talb, jagħmilhielna iktar faċli biex inkampaw mal-problemi tagħna. Il-Bibbja tgħidilna: ‘Itfgħu l-ansjetà kollha tagħkom fuqu, għax hu jimpurtah minnkom.’—1 Pietru 5:7.
IRSISTI FIL-MINISTERU
Taħdita
w93 2/1 31
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Jekk Kristjan ikun marid jew qed jivvjaġġa u minħabba dan ma jkunx jistaʼ jattendi t-Tifkira, għandu jagħmilha x-xahar taʼ wara?
Fi żmien l-Iżraelin, il-Festa tal-Qbiż kienet issir darba fis-sena fl-14-il ġurnata tal-ewwel xahar, jiġifieri Nisan (jew, Abib). Imma nsibu arranġament speċjali f’Numri 9:10 u 11: “Għid lill-Iżraelin, ‘Jekk xi raġel fostkom jew fost id-dixxendenti tagħkom ma jibqax nadif għax imiss bniedem mejjet jew għax ikun fuq xi vjaġġ ’il bogħod, hu xorta għandu jipprepara s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova. Għandu jippreparah fl-14 tat-tieni xahar [jiġifieri Ijjar, jew Żiw] bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Għandu jieklu mal-ħobż bla ħmira u l-ħxejjex morri.’”
Innota li dan ma kienx ifisser li kien hemm żewġ dati li fihom Iżraeli setgħa jagħżel li jiċċelebra l-Festa tal-Qbiż (l-14 taʼ Nisan jew l-14 taʼ Żiw). Dan l-arranġament kien biss għal Iżraeli li ma jkunx nadif għax ikun mess bniedem mejjet fl-14 taʼ Nisan jew għax ikun fuq xi vjaġġ ’il bogħod minn fejn normalment kienet tiġi ċċelebrata.
L-unika darba li dan l-arranġament ġie użat minn Iżrael kollu kien fi żmien ir-Re Ħeżekija. Hu kien reġaʼ inkuraġġixxa l-Iżraelin biex jerġgħu jibdew jiċċelebraw il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira. Dan ġara għax il-qassisin u l-Iżraelin ma kellhomx ċans biex ikunu lesti fl-ewwel xahar. Allura saret fl-14 tat-tieni xahar.—2 Kronaki 29:17; 30:1-5.
Apparti ċirkustanzi bħal dawn, il-Lhud baqgħu jiċċelebraw il-Qbiż fil-ġurnata li qalilhom Alla. (Eżodu 12:17-20, 41, 42; Levitiku 23:5) Anki Ġesù u d-dixxipli tiegħu żammew mal-Liġi dwar din id-data. Luqa kiteb: “Issa wasal il-jum fil-festa tal-ħobż bla ħmira li fih tiġi sagrifikata l-vittma tal-Qbiż; u [Ġesù] bagħat lil Pietru u lil Ġwanni u qalilhom: ‘Morru ħejjulna l-ikla tal-Qbiż.’”—Luqa 22:7, 8.
Wara l-ikla tal-Qbiż, Ġesù għamel l-ewwel Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej li bħala Kristjani nagħmluha darba fis-sena. Għall-Kristjani hu importanti ħafna li jattendu. Fil-fatt, għax-Xhieda taʼ Ġeħova din hi l-iktar okkażjoni importanti fis-sena. Il-kliem taʼ Ġesù juri għala, għax hu qal: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19) Allura, kull Xhud taʼ Ġeħova għandu jippjana minn xhur qabel biex ma jħalli xejn itellfu f’dan il-ħin.
Imma x’għandu jsir jekk Kristjan ma jkunx jistaʼ jattendi minħabba xi ċirkustanza li m’għandux kontroll fuqha, bħal mard jew komplikazzjonijiet fl-ivvjaġġar?
Waqt it-Tifkira jgħaddi l-ħobż bla ħmira u l-inbid aħmar. Il-Kristjani magħżulin bl-ispirtu qaddis li għandhom it-tama li jgħixu fis-sema jieħdu minnhom. (Mattew 26:26-29; Luqa 22:28-30) X’jiġri jekk xi ħadd li jieħu kull sena ma jistax joħroġ mid-dar għax marid jew qiegħed l-isptar? L-anzjani tal-kongregazzjoni jieħdu ħsieb li wieħed minnhom jiħodlu xi ħobż u inbid, jiddiskuti xi versi mill-Bibbja dwar it-Tifkira, u jagħtih mill-ħobż u l-inbid. Jekk xi ħadd mill-midlukin ma jkunx fit-territorju tal-kongregazzjoni tiegħu, għandu jara li jmur fil-kongregazzjoni taʼ fejn se jkun.
Meta tikkunsidra dan kollu, vera għandha tkun xi ħaġa rari li Kristjan midluk ikollu jagħmel l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej 30 ġurnata wara (xahar qamri). Dan hu fi qbil mal-kmand f’Numri 9:10, 11 u l-eżempju li hemm fit-2 Kronaki 30:1-3, 15.
In-“nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-art, m’hemmx għalfejn jieħdu mill-ħobż u l-inbid. (Ġwanni 10:16) Hu importanti li jattendu għat-Tifkira kull sena, imma ma għandhomx il-kmand biex jieħdu mill-ħobż u l-inbid. Allura x’jistaʼ jagħmel xi ħadd marid jew imsiefer u li ma jistax ikun mal-kongregazzjoni dak il-lejl? Jistaʼ jaqra xi skrittura dwar it-Tifkira (inkluż ir-rakkont taʼ Ġesù meta għamel din l-ikla mal-appostli tiegħu) u jgħid talba biex Ġeħova jbierek din l-okkażjoni li tkun qed issir mad-dinja kollha. F’dal-każ, m’hemmx għalfejn li ssir laqgħa oħra jew diskussjoni speċjali mill-Bibbja xahar wara.
10-16 T’APRIL
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 KRONAKI 8-9
Ġawhar Spiritwali
it-2 1097
Tron
L-iljun jirrappreżenta l-awtorità li wieħed għandu biex imexxi. Allura jagħmel sens li Salamun uża l-iljuni għat-tron. (Ġen 49:9, 10; Ri 5:5) Milli jidher it-12-il iljun irrappreżentaw lit-12-il tribù taʼ Iżrael. Dan setaʼ wera li t-12-il tribù kienu taħt it-tmexxija tar-re fuq dan it-tron u li kienu lesti li jissapportjawh.
17-23 T’APRIL
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 KRONAKI 10-12
Ġawhar Spiritwali
it-1 966-967
Demonji li Qishom Mogħoż
F’Ġożwè 24:14 naraw li l-Iżraelin ġew effettwati mill-qima falza fl-Eġittu. U Eżekjel juri li din il-qima falza baqgħet teffettwahom għal żmien twil. (Eże 23:8, 21) Ġeħova kkmanda lill-Iżraelin li m’għandhomx “joffru s-sagrifiċċji tagħhom lid-demonji li qishom mogħoż.” (Le 17:1-7) U Ġerobogħam għażel “il-qassisin tiegħu fil-postijiet għall-qima biex jaqdu lid-demonji li qishom mogħoż.” (2Kr 11:15) Minħabba f’hekk, xi studjużi jaħsbu li l-Iżraelin kienu jqimu b’xi mod lill-mogħoż bħalma kienu jagħmlu l-Eġizzjani. Il-ktieb Herodotus (II, 46) jgħid li mill-qima tal-Eġizzjani, il-Griegi bdew jemmnu f’Pan u satyrs, li x’aktarx kien ikollhom qrun, denb, u saqajn bħal tal-mogħoż. Xi nies jissuġġerixxu li dawn l-allat pagani kienu jirrappreżentaw lil Satana b’denb, qrun, u saqajn bħal tal-mogħoż.
Ma nafux x’setgħu kienu eżatt dawn il-mogħoż. Filwaqt li xi nies jaħsbu li kienu mogħoż letterali jew statwi tal-mogħoż, il-Bibbja ma tgħidilniex. Il-frażi hawnhekk taf tirreferi li għal dawk li kienu jqimu dawn l-allat foloz, f’moħħhom kienu jidhru qishom mogħoż. Il-kelma “mogħoż” tistaʼ turi wkoll il-ħarsa negattiva lejn kull tip taʼ statwa għal alla falz.—Le 26:30; Dt 29:17.