LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 7/8 pp. 8-11
  • Kif Iżżomm Ħarsa Mentali f’Saħħitha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Iżżomm Ħarsa Mentali f’Saħħitha
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Velenu għall-​Moħħ
  • Agħżel id-​Divertiment bil-​Għaqal
  • Fittex id-​Direzzjoni Divina
  • Kif Tagħżel Divertiment Bnin
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Int Tistaʼ Ssib Divertiment Edifikanti
    Stenbaħ!—1997
  • Kif tqattaʼ l-ħin liberu tiegħek
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Xi Ġralu D-​Divertiment?
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1999
g99 7/8 pp. 8-11

Kif Iżżomm Ħarsa Mentali f’Saħħitha

IS-​SAĦĦA fiżika tagħna tiddependi ħafna minn dak li nieħdu ġewwa ġisimna. Jekk bniedem jgħix fuq dieta regulari taʼ ikel li m’huwiex sustanzjuż, fl-​aħħar mill-​aħħar saħħtu se tbati. Dan l-​istess prinċipju japplika għas-​saħħa mentali tagħna.

Per eżempju, tistaʼ xxebbah l-​affarijiet li ndaħħlu ġewwa moħħna maʼ tip taʼ ikel mentali. Ikel mentali? Iva, l-​informazzjoni li nassorbu mill-​kotba, ir-​rivisti, il-​programmi televiżivi, il-​vidjos, il-​logħbiet tal-​vidjo, l-​Internet, u l-​kliem tal-​kanzunetti tistaʼ teffettwalna l-​mod kif naħsbu u l-​personalità tagħna sewwa sew bħalma l-​ikel jeffettwalna ġisimna. Dan kif?

Jerry Mander, li qabel kien direttur tar-​reklamar, kiteb rigward l-​impatt li għandu t-​televixin fuq ħajjitna: “Iktar minn kwalunkwe oġġett ieħor waħdu, it-​televixin iqegħdilna immaġnijiet fi mħuħna.” Madankollu, dawk l-​immaġnijiet mentali jagħmlu ħafna iktar milli jipprovdulna divertiment. Ir-​rivista The Family Therapy Networker tgħid: “Il-​lingwaġġ, l-​istampi, il-​ħsejjes, l-​ideat, il-​karattri, is-​sitwazzjonijiet, il-​valuri, u l-​estetika tal-​mezzi taʼ komunikazzjoni saru s-​suġġett tal-​ħsibijiet, is-​sentimenti u l-​immaġinazzjonijiet tagħna.”

Iva, sew jekk nirrealizzaw dan u sew jekk le, il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħna jistgħu jiġu dominati b’mod sottili minn dak li naraw fuq it-​televixin u minn forom oħrajn taʼ divertiment. U hemm qiegħed il-​periklu. Bħalma jgħid Mander, “aħna l-​bnedmin bil-​mod il-​mod nittrasformaw ruħna fi kwalunkwe immaġni li nġorru fi mħuħna.”

Velenu għall-​Moħħ

Ħafna nies li għandhom mnejn joqogħdu attenti għad-​dieta fiżika tagħhom jaħtfu bl-​addoċċ kwalunkwe ikel mentali li sservilhom il-​medja. Per eżempju, qatt smajt lil xi ħadd jgħid: “M’hemm xejn tajjeb x’nara fuq it-​TV!” Xi wħud qishom ikunu ipnotizzati, billi ma jiqfux iqallbu l-​istazzjonijiet bit-​tama li jinzertaw xi ħaġa siewja. Qatt ma jgħaddilhom minn moħħhom li jitfu t-​TV!

Barra li jaħlu ħafna ħin, bosta programmi jippreżentaw temi li l-​Kristjani għandhom ikunu jridu jevitaw. Gary Koltookian, kittieb taʼ l-​arti, jgħid: “Minbarra l-​profanità, suġġetti kontroversjali u sesswali qed jidhru iktar fuq l-​iskrin illum milli kienu fl-​imgħoddi.” Tabilħaqq, fi studju reċenti li sar fl-​Istati Uniti nstab li xeni b’kontenut sesswali jidhru bejn wieħed u ieħor 27 darba fis-​siegħa matul il-​ħin ewlieni tat-​trasmissjonijiet.

Dan iġiegħel lil dak li jkun jaħseb dwar l-​effett li dan għandu fuq il-​mod kif jaħsbu n-​nies. Fil-​Ġappun, tant kien hemm nies li ntilfu wara dramm popolari televiżiv li l-​medja tan-​nazzjon qalet li dan ipprovoka “tfaqqigħa t’adulterju.” Iktar minn hekk, l-​awturi tal-​ktieb Watching America jgħidu: “Illum il-​biċċa l-​kbira tat-​tipi taʼ mġiba sesswali jiġu . . . trattati bħala għażliet leġittimi taʼ stil taʼ ħajja persunali.”

Minkejja dan, il-​programmi televiżivi li jirreklamaw temi sesswali huma biss biċċa mill-​problema. Deskrizzjonijiet reali u dettaljati taʼ vjolenza huma komuni wkoll. L-​effetti taʼ ħsara li l-​programmi televiżivi u l-​films jistgħu jkollhom fuq l-​imħuħ żgħar u impressjonabbli huma taʼ tħassib partikulari. “Meta tfal żgħar jaraw lil xi ħadd li sparawlu, ngħata daqqiet taʼ sikkina, ġie stuprat, imbiċċer, degradat, jew maqtul fuq it-​TV,” jgħid David Grossman, uffiċjal irtirat taʼ l-​armata u espert fil-​psikoloġija tal-​qtil, “għalihom ikun bħallikieku jkun qed iseħħ verament.” Billi kkummenta fuq din l-​istess problema, The Journal of the American Medical Association qal: “Sa l-​età taʼ 3 u 4 snin, ħafna tfal ma jkunux jistgħu jiddistingwu fatt minn fantasija fil-​programmi televiżivi u jibqgħu mhux kapaċi jagħmlu hekk minkejja l-​istruzzjoni mill-​adulti.” Fi kliem ieħor, avolja ġenitur jistaʼ jgħid lil ibnu, ‘Dawk in-​nies mhux veru mietu; kienu biss qed jagħmluha taʼ bir-​ruħhom,’ moħħ it-​tifel xorta ma jkunx jistaʼ jagħraf id-​differenza. Għal tifel żgħir, il-​vjolenza fuq it-​TV hija reali ħafna.

Billi ġabret fil-​qosor l-​impatt tal-​“vjolenza tal-​medja,” ir-​rivista Time qalet: “Ftit huma r-​riċerkaturi li għadhom iħabblu rashom biex jargumentaw li d-​dmija fuq it-​TV u fil-​films għandha effett fuq it-​tfal li jkunu xhieda tagħha.” X’tip t’effett għandha? “Snin sħaħ taʼ divertiment vjolenti rnexxielhom ibiddlu l-​valuri tal-​pubbliku u l-​mod kif iqis dan it-​tip taʼ divertiment,” jgħid Michael Medved, kritiku tal-​films. Hu jżid: “Ma tantx huwa żvilupp pożittiv għal soċjetà meta din titlef l-​abbiltà tagħha li titkaża.” Mhux taʼ b’xejn li kittieb wieħed qal illi li tieħu tifel t’erbaʼ snin biex jara film vjolenti “huwa velenu għal moħħ[u].”

M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li l-​programmi televiżivi kollha huma ħżiena. Dan japplika wkoll għall-​kotba, ir-​rivisti, il-​vidjos, il-​logħob fuq il-​kompjuter, u forom oħrajn taʼ divertiment. Iżda, jidher ċar li ħafna minn dak li jissejjaħ divertiment m’huwiex xieraq għal dawk li jixtiequ jżommu ħarsa mentali f’saħħitha.

Agħżel id-​Divertiment bil-​Għaqal

L-​immaġnijiet trasmessi lil moħħna permezz t’għajnejna jeżerċitaw influwenza qawwija fuq il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tagħna. Per eżempju, kieku kellna nitimgħu regolarment lil moħħna b’divertiment immorali, id-​determinazzjoni tagħna biex nobdu l-​kmand tal-​Bibbja li ‘naħarbu ż-​żína’ tistaʼ tiddgħajjef. (1 Korintin 6:18) Bl-​istess mod, jekk nieħdu gost b’divertiment li jagħti prominenza lil “nies li jagħmlu d-​deni,” nistgħu nsibuha diffiċli li ‘ngħixu fil-​paċi maʼ kulħadd.’ (Salm 141:​4, Saydon; Rumani 12:18) Biex nevitaw dan, irridu nżommu għajnejna ’l bogħod minn dak li hu ‘ħażin.’​—Salm 101:3; Proverbji 4:​25, 27.

Veru, minħabba l-​imperfezzjoni li writna, ilkoll kemm aħna jkollna nitħabtu biex nagħmlu t-​tajjeb. L-​appostlu Pawlu ammetta bis-​sinċerità kollha: “Skond il-​bniedem taʼ ġewwa togħġobni l-​liġi taʼ Alla; iżda nilmaħ fil-​membri taʼ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-​liġi taʼ moħħi u tjassarni taħt il-​liġi tad-​dnub li hemm ġo ġismi.” (Rumani 7:​22, 23) Ifisser dan li Pawlu ċeda għad-​dgħjufijiet taʼ ġismu? ’Il bogħod minn hekk! Hu qal: “Ngħakkes bl-​aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, . . . jiena stess insib ruħi kkundannat.”​—1 Korintin 9:27.

Bl-istess mod, qatt ma rridu nużaw l-​imperfezzjoni tagħna bħala skuża għad-​dnub. Ġuda, kittieb Bibliku, qal: “Maħbubin, . . . ħassejt il-​ħtieġa li niktbilkom biex nitlobkom li tissieltu għall-​fidi mogħtija lill-​qaddisin darba.” (Ġuda 3, 4, Saydon) Iva, hemm bżonn li ‘nissieltu’ u nitbegħdu minn divertiment li jħajjarna nagħmlu l-​ħażin.a

Fittex id-​Direzzjoni Divina

F’din is-​sistema t’affarijiet m’huwiex dejjem faċli li tikkultiva ħarsa mentali f’saħħitha. Madankollu, il-​Bibbja tiżgurana li huwa possibbli li nibqgħu nodfa kemm mentalment u kemm moralment. Kif? F’Salm 119:11 naqraw: “Jien żammejt kelmtek f’qalbi, biex ma nidneb qatt kontrik.”

Li nżommu kelmet Alla f’qalbna jfisser li nqisuha bħala prezzjuża jew li nagħtuha valur għoli. Ovvjament, ikun diffiċli nqisu l-​Bibbja bħala li hija taʼ preġju jekk ma nkunux nafu x’fiha. Billi nieħdu għarfien eżatt mill-​Kelma t’Alla, aħna nassorbu l-​ħsibijiet t’Alla. (Isaija 55:​8, 9; Ġwann 17:3) Dan, imbagħad, se jagħmilna rikki spiritwalment u jelevalna l-​mod kif naħsbu.

Hemm xi kejl taʼ min joqgħod fuqu biex bih niddeċiedu x’inhu spiritwalment u mentalment tajjeb għas-​saħħa? Iva! L-​appostlu Pawlu ta l-​parir: “Mill-​bqija, ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-​imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-​ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-​tifħir; f’dan kollu aħsbu.”​—Filippin 4:8.

Imma biex aħna nirċievu benefiċċju veru, jinħtieġ iktar milli niksbu għarfien dwar Alla. Taħt ispirazzjoni, il-​profeta Isaija kiteb: “Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek, u nqabbdek it-​triq fejn għandek timxi.” (Korsiv tagħna.) (Isaija 48:17) Iva, mhux biss għandna bżonn infittxu gwida divina imma wkoll għandna bżonn naġixxu fuq dak l-​għarfien.

Mod ieħor kif nibbenefikaw moralment u spiritwalment huwa billi nsejħu lil Jehovah, ‘dak li jismaʼ talbna.’ (Salm 65:3 [65:​2, New World Translation]; 66:19) Jekk nersqu lejn Alla bis-​sinċerità u bl-​umiltà, hu se jismaʼ s-​supplika tagħna. U jekk ‘infittxuh, iħallina nsibuh.’​—2 Kronaki 15:2, Saydon.

Mela, huwa possibbli li nżommu f’saħħitna mentalment f’din id-​dinja vjolenti u immorali? Tabilħaqq, huwa possibbli! Billi ma nħallux li d-​divertiment taʼ din id-​dinja jġiegħel li mħuħna ma jibqgħux sensittivi, billi nsaħħu l-​abbiltà tagħna li naħsbu permezz taʼ studju tal-​Kelma t’Alla, u billi nfittxu gwida divina, nistgħu nżommu ħarsa mentali f’saħħitha!

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar tagħrif dwar kif tagħżel divertiment edifikanti, ara Stenbaħ! t’April-Ġunju, 1997, paġni 8-10.

[Kumment f’paġna 9]

“Ħafna tfal ma jkunux jistgħu jiddistingwu fatt minn fantasija fil-​programmi televiżivi”

[Kumment f’paġna 11]

“Snin sħaħ taʼ divertiment vjolenti rnexxielhom ibiddlu l-​valuri tal-​pubbliku u l-​mod kif iqis dan it-​tip taʼ divertiment”

[Stampa f’paġna 8]

Il-​vjolenza fuq it-​TV hija bħal velenu għall-​moħħ taʼ tifel

[Stampa f’paġna 9]

Xi drabi t-​tfal jimitaw il-​vjolenza li jaraw fuq it-​TV

[Stampa f’paġna 10]

Il-​ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom billi jipprovdulhom varjetà taʼ materjal tajjeb għall-​qari

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja