LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lv kap. 6 pp. 62-73
  • Kif Tagħżel Divertiment Bnin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tagħżel Divertiment Bnin
  • “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “AGĦMLU KOLLOX GĦALL-​GLORJA T’ALLA”
  • “STMERRU DAK LI HU ĦAŻIN”
  • DEĊIŻJONIJIET PERSUNALI BBAŻATI FUQ PRINĊIPJI BIBLIĊI
  • “KULMA HU SAFI”
  • FITTEX DAK LI JAQBEL LIL OĦRAJN
  • Kif tqattaʼ l-ħin liberu tiegħek
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Ħu Pjaċir b’Affarijiet li Jogħġbu lil Ġeħova
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Agħżel id-divertiment tiegħek bil-għaqal
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2019
  • Int Tistaʼ Ssib Divertiment Edifikanti
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
“Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
lv kap. 6 pp. 62-73

Kapitlu 6

Kif Tagħżel Divertiment Bnin

“Agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.”—1 KORINTIN 10:31.

1, 2. Liema għażla għandna nagħmlu rigward id-​divertiment?

IMMAĠINA li hekk kif se tigdem frotta delizzjuża tinnota li biċċa minnha hija mħassra. X’se tagħmel? Mela, tistaʼ tiekol il-​frotta kollha kemm hi, inkluż il-​biċċa l-​imħassra; tistaʼ tarmi l-​frotta kollha kemm hi, inkluż il-​biċċa l-​imħassra; jew tistaʼ taqtaʼ l-​biċċa l-​imħassra minn mal-​frotta u tgawdi l-​biċċa t-​tajba. Liema għażla se tagħmel?

2 F’ċertu sens, id-​divertiment hu bħal dik il-​frotta. Kultant, tkun trid tgawdi xi ftit rikreazzjoni, imma taf li ħafna mid-​divertiment illi hawn illum hu ħażin moralment, saħansitra mħassar. Allura, x’se tagħmel? Xi wħud għandhom mnejn jittolleraw dak li hu ħażin u jibilgħu kull divertiment li għandha x’toffri d-​dinja. Oħrajn għandhom mnejn jevitaw id-​divertiment kollu biex ikunu ċerti li ma jesperjenzaw xejn li jistaʼ jkun taʼ ħsara. Terġaʼ oħrajn b’attenzjoni jevitaw divertiment li hu taʼ ħsara imma kultant igawdu dak li ftit jew wisq hu bnin. Liema għażla għandek tagħmel sabiex iżżomm ruħek fl-​imħabba t’Alla?

3. X’se nikkunsidraw issa?

3 Il-​biċċa l-​kbira minna nagħżlu t-​tielet waħda. Aħna napprezzaw il-​bżonn għal xi rikreazzjoni imma rridu niddevertu biss b’dak li hu tajjeb moralment. Għalhekk, irridu nikkunsidraw kif nistgħu niddeterminaw dak li hu bnin u dak li m’huwiex. Però, l-​ewwel ejja niddiskutu x’effett jistaʼ jkollha l-​għażla taʼ divertiment tagħna fuq il-​qima li nagħtu lil Ġeħova.

“AGĦMLU KOLLOX GĦALL-​GLORJA T’ALLA”

4. Id-​dedikazzjoni tagħna kif għandha teffettwa l-​għażla tagħna taʼ divertiment?

4 Ftit taż-​żmien ilu, Xhud imdaħħal fiż-​żmien li tgħammed fl-​1946 qal: “Jien nagħmel ċert li nkun preżenti għal kull taħdita tal-​magħmudija u nagħti widen sew, daqslikieku kienet il-​magħmudija tiegħi.” Għala? Hu spjega, “Il-​fatt li żammejt id-​dedikazzjoni friska f’moħħi kien pass importanti biex nibqaʼ leali.” Int ċertament taqbel maʼ din l-​istqarrija. Il-​fatt li tfakkar lilek innifsek li int wegħedt lil Ġeħova li se tuża l-​ħajja kollha tiegħek biex taqdih jimmotivak biex tistabar. (Ekkleżjasti 5:4; Ebrej 10:7) Fil-​fatt, meditazzjoni fuq id-​dedikazzjoni tiegħek se teffettwa l-​ħarsa tiegħek kemm lejn il-​ministeru Kristjan kif ukoll lejn l-​aspetti l-​oħrajn kollha taʼ ħajtek—inkluż id-​divertiment. L-​appostlu Pawlu enfasizza din il-​verità meta kiteb lill-​Kristjani taʼ żmienu: “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.”—1 Korintin 10:31.

5. Levitiku 22:18-20 kif jgħinna naraw it-​twissija indiretta fil-​kliem taʼ Rumani 12:1?

5 Dak kollu li tagħmel fil-​ħajja hu konness mal-​qima tiegħek lejn Ġeħova. Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, Pawlu uża espressjoni qawwija biex jenfasizza din il-​verità lil sħabu fit-​twemmin. Hu ħeġġiġhom: ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-​qawwa tar-​raġuni tagħkom.’ (Rumani 12:1) Ġismek jinkludi moħħok, qalbek, u s-​saħħa fiżika tiegħek. Dawn kollha tużahom biex taqdi lil Alla. (Marku 12:30) Pawlu jitkellem dwar servizz bħal dan b’qalb sħiħa bħala li hu sagrifiċċju. Din l-​espressjoni fiha twissija indiretta. Skond il-​Liġi Mosajka, sagrifiċċju li kien difettuż ma kienx aċċettat minn Alla. (Levitiku 22:18-20) B’mod simili, jekk is-​sagrifiċċju spiritwali taʼ Kristjan ikun imtebbaʼ b’xi mod, Alla mhux se jaċċettah. Però, dan kif jistaʼ jiġri?

6, 7. Kristjan kif jistaʼ jtebbaʼ lil ġismu, u x’jistgħu jkunu l-​konsegwenzi?

6 Pawlu wissa lill-​Kristjani f’Ruma: “Tibqgħux tippreżentaw il-​membri taʼ ġisimkom lid-​dnub.” Pawlu qalilhom ukoll biex ‘jagħtu l-​mewt lid-​drawwiet tal-​ġisem.’ (Rumani 6:12-14; 8:13) Iktar kmieni fl-​ittra tiegħu, hu kien ta xi eżempji taʼ dawn “id-​drawwiet tal-​ġisem.” Rigward l-​umanità midinba, naqraw: “Fommhom mimli saħta.” “Saqajhom ħfief biex ixerrdu d-​demm.” “M’għandhomx il-​biżaʼ t’Alla quddiem għajnejhom.” (Rumani 3:13-18) Kristjan itebbaʼ lil ġismu jekk juża lill-​‘membri taʼ ġismu’ għal prattiki midinba bħal dawn. Per eżempju, illum jekk Kristjan minn jeddu jara affarijiet baxxi bħall-​pornografija jew jara vjolenza sadistika, hu qed ‘jippreżenta [’l għajnejh] lid-​dnub,’ u b’hekk qed itebbaʼ lil ġismu kollu. Kwalunkwe qima li hu joffri ssir sagrifiċċju li m’għadux qaddis u li m’huwiex aċċettabbli għal Alla. (Dewteronomju 15:21; 1 Pietru 1:14-16; 2 Pietru 3:11) Xi prezz għoli jkollu jħallas talli ma jkunx fittex divertiment bnin!

7 Jidher ċar li l-​għażla taʼ divertiment taʼ Kristjan għandha konsegwenzi serji. Għalhekk, żgur li aħna rridu nagħżlu divertiment li se jsebbaħ, mhux itebbaʼ, is-​sagrifiċċju tagħna lil Alla. Issa ejja niddiskutu kif nistgħu niddeterminaw dak li hu bnin u dak li m’huwiex.

“STMERRU DAK LI HU ĦAŻIN”

8, 9. (a) F’liema żewġ kategoriji nistgħu ngħidu li jinqasam id-​divertiment? (b) Liema divertiment niċħdu, u għala?

8 Nistgħu ngħidu li d-​divertiment jistaʼ jinqasam f’żewġ kategoriji. Wieħed jinkludi divertiment li l-​Kristjani żgur jevitaw; l-​ieħor jikkonsisti f’divertiment li l-​Kristjani jistgħu jqisuh jew ma jqisuhx bħala li hu aċċettabbli. Ejja nibdew billi nikkunsidraw l-​ewwel kategorija—divertiment li l-​Kristjani jevitaw.

9 Bħalma semmejna f’Kapitlu 1, ċertu divertiment jenfasizza attivitajiet li b’mod ċar huma kundannati fil-​Bibbja. Per eżempju, aħseb f’Web sites kif ukoll films, programmi tat-​televixin, u mużika li fihom materjal sadistiku jew demoniku jew li fihom il-​pornografija jew jippromwovu prattiki diżgustanti u immorali. Ladarba ċertu divertiment baxx bħal dan ipinġi attivitajiet li jmorru kontra l-​prinċipji jew il-​liġijiet Bibliċi bħala li huma normali, dan għandu jiġi mwarrab minn Kristjani veri. (Atti 15:28, 29; 1 Korintin 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:8) Billi tiċħad divertiment mhux bnin bħal dan, int tagħti prova lil Ġeħova li int tassew ‘tistmerr dak li hu ħażin’ u li b’mod konsistenti ‘titbiegħed mill-​ħażen.’ B’hekk, ikollok “fidi mingħajr ipokrisija.”—Rumani 12:9; Salm 34:14; 1 Timotju 1:5.

10. Liema tip taʼ rraġunar dwar id-​divertiment hu perikoluż, u għala?

10 Però, xi wħud għandhom mnejn iħossu li m’hemm xejn ħażin f’li jaraw divertiment li b’mod sfaċċat juri mġiba immorali. Huma jirraġunaw, ‘Forsi narah fil-​films jew fuq it-​televixin, imma qatt m’hu se nagħmel xi ħaġa hekk.’ Irraġunar bħal dan hu qarrieq u perikoluż. (Ġeremija 17:9) Jekk aħna nieħdu pjaċir naraw dak li Alla jikkundanna, verament ‘nistmerru dak li hu ħażin’? Jekk darba wara l-​oħra nesponu lilna nfusna għal kondotta mill-​agħar se ndgħajfu s-​sensi tagħna. (Salm 119:70; 1 Timotju 4:1, 2) Prattika bħal din tistaʼ teffettwa dak li nagħmlu aħna jew kif inqisu l-​kondotta midinba t’oħrajn.

11. Il-​kliem f’Galatin 6:7 kif juri li hu minnu b’konnessjoni mad-​divertiment?

11 Dan seħħ fir-​realtà. Xi Kristjani kkommettew atti immorali għaliex ġew influwenzati mid-​divertiment li huma raw fuq bażi regulari. Huma tgħallmu bid-​dnewwa li “dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” (Galatin 6:7) Imma esperjenza taʼ niket bħal din tistaʼ tiġi evitata. Jekk b’attenzjoni tiżraʼ f’moħħok dak li hu nadif moralment, b’ferħ se taħsad f’ħajtek dak li hu bnin.—Ara l-​kaxxa “Liema Divertiment Għandi Nagħżel?” f’paġna 67.

DEĊIŻJONIJIET PERSUNALI BBAŻATI FUQ PRINĊIPJI BIBLIĊI

12. Galatin 6:5 kif għandu x’jaqsam mad-​divertiment, u liema gwida għandna biex nieħdu deċiżjonijiet persunali?

12 Issa ejja nikkunsidraw it-​tieni kategorija—divertiment li fih attivitajiet li la huma kundannati direttament fil-​Bibbja u lanqas m’huma approvati speċifikament fil-​Kelma t’Alla. Meta niġu biex nagħżlu divertiment bħal dan, kull Kristjan irid jieħu deċiżjoni persunali dwar dak li hu jqis bħala bnin. (Galatin 6:5) Madankollu, meta niffaċċjaw din l-​għażla, m’aħniex mingħajr gwida. Il-​Bibbja fiha prinċipji, jew veritajiet fundamentali, li jgħinuna nagħrfu l-​mod kif jaħsibha Ġeħova. Billi noqogħdu attenti għal prinċipji bħal dawn, aħna nkunu nistgħu nagħrfu “x’inhi r-​rieda taʼ Ġeħova” f’kollox, inkluż l-​għażla tagħna taʼ divertiment.—Efesin 5:17.

13. X’se jqanqalna biex nevitaw divertiment li jistaʼ ma jogħġobx lil Ġeħova?

13 Aħna nifhmu li mhux il-​Kristjani kollha żviluppaw id-​dixxerniment morali tagħhom sa l-​istess livell. (Filippin 1:9) Iżjed minn hekk, il-​Kristjani jirrealizzaw li fil-​qasam tad-​divertiment, il-​gosti jvarjaw. Għalhekk, m’għandniex nistennew li l-​Kristjani kollha se jieħdu eżatt l-​istess deċiżjonijiet. Minkejja dan, iktar ma nħallu l-​prinċipji divini jinfluwenzaw lil moħħna u lil qalbna, iktar se nkunu ħerqanin li nevitaw kwalunkwe tip taʼ divertiment li jistaʼ ma jogħġobx lil Ġeħova.—Salm 119:11, 129; 1 Pietru 2:16.

14. (a) Liema aspett għandna nikkunsidraw meta nagħżlu d-​divertiment? (b) Kif nistgħu nżommu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna?

14 Meta tkun qed tagħżel id-​divertiment, hemm aspett importanti ieħor li trid tikkunsidra: il-​ħin tiegħek. Filwaqt li dak li fih id-​divertiment tiegħek jikxef dak li tqis bħala li hu aċċettabbli, l-​ammont taʼ ħin li tqattaʼ fih jikxef dak li tqis bħala li hu importanti. M’għandniex xi ngħidu, għall-​Kristjani l-​affarijiet spiritwali huma l-​iktar ħaġa importanti. (Mattew 6:33) Allura, x’tistaʼ tagħmel biex tkun ċert li l-​interessi tas-​Saltna jibqgħu l-​ewwel f’ħajtek? L-​appostlu Pawlu stqarr: “Oqogħdu attenti bis-​sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-​ħin bl-​aħjar mod.” (Efesin 5:15, 16) Tabilħaqq, jekk tpoġġi limiti ċari fuq l-​ammont taʼ ħin li se twarrab għad-​divertiment se tiġi megħjun biex ikollok il-​ħin meħtieġ għal “dak li hu iktar importanti”—attivitajiet li jikkontribwixxu għall-​ġid spiritwali tiegħek.—Filippin 1:10.

15. Għala jkun għaqli li noqogħdu attenti ftit iktar milli naħsbu li hemm bżonn meta niġu biex nagħżlu d-​divertiment?

15 Ikun għaqli wkoll li meta niġu biex nagħżlu d-​divertiment noqogħdu attenti ftit iktar milli naħsbu li hemm bżonn. Dan xi jfisser? Ejja nerġgħu nikkunsidraw l-​eżempju tal-​frotta. Biex tevita li bi żball tiekol dak li hu mħassar, int tneħħi mhux biss il-​post eżatt fejn hu mħassar imma xi ftit iżjed ukoll. Bl-​istess mod, ikun għaqli li noqogħdu attenti ftit iktar milli naħsbu li hemm bżonn meta niġu biex nagħżlu d-​divertiment. Kristjan għaqli ma jevitax biss divertiment li b’mod ċar imur kontra l-​prinċipji Bibliċi, imma wkoll ċertu divertiment li hu dubjuż jew li donnu jinkludi elementi li jistgħu jagħmlulna l-​ħsara spiritwalment. (Proverbji 4:25-27) Jekk tibqaʼ qrib il-​Kelma t’Alla se tiġi megħjun biex tagħmel eżatt hekk.

“KULMA HU SAFI”

16. (a) Kif nistgħu nuru li għandna l-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-​morali? (b) L-​applikar tal-​prinċipji Bibliċi kif jistaʼ jsir il-​mod taʼ ħajja tiegħek?

16 Meta jagħżlu d-​divertiment, il-​Kristjani veri l-​ewwelnett jagħtu kas il-​ħarsa taʼ Ġeħova. Il-​Bibbja tirrivela s-​sentimenti u l-​livelli taʼ Ġeħova. Per eżempju, is-​Sultan Salamun isemmi diversi affarijiet li Ġeħova jobgħod, bħal “ilsien falz, u idejn li qed ixerrdu demm innoċenti, qalb li tfassal pjanijiet taʼ ħsara, saqajn mgħaġġlin biex jiġru lejn il-​ħażen.” (Proverbji 6:16-19) Il-​ħarsa taʼ Ġeħova kif għandha teffettwa lil tiegħek? Is-​salmista jħeġġeġ: “O intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin.” (Salm 97:10) L-​għażliet tiegħek taʼ divertiment iridu juru li int verament tobgħod dak li jobgħod Ġeħova. (Galatin 5:19-21) Ukoll, żomm f’moħħok li dak li tagħmel fil-​privat, iktar milli fil-​pubbliku, jikxef liema tip taʼ persuna int verament. (Salm 11:4; 16:8) Għalhekk, jekk int mill-​fond taʼ qalbek trid tħossok bħalma jħossu Ġeħova fi kwistjonijiet morali fl-​aspetti kollha taʼ ħajtek, int dejjem se tagħmel għażliet fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi. Aġir bħal dan se jsir il-​mod taʼ ħajja tiegħek.—2 Korintin 3:18.

17. Qabel ma nagħżlu xi divertiment, liema mistoqsijiet għandna nistaqsu?

17 X’tistaʼ tagħmel iktar biex tkun ċert li se taġixxi fi qbil mal-​mod taʼ kif jaħsibha Ġeħova meta tagħżel id-​divertiment? Irrifletti fuq il-​mistoqsija, ‘Dan kif se jeffettwa lili u l-​waqfa tiegħi m’Alla?’ Per eżempju, qabel ma tiddeċiedi li tara ċertu film, staqsi lilek innifsek, ‘Dak li fih dan il-​film kif se jeffettwa l-​kuxjenza tiegħi?’ Ejja nikkunsidraw liema prinċipji għandhom x’jaqsmu maʼ dan is-​suġġett.

18, 19. (a) Il-​prinċipju li jinsab f’Filippin 4:8 kif jistaʼ jgħinna niddeterminaw jekk id-​divertiment tagħna huwiex bnin? (b) Liema prinċipji oħrajn jistgħu jgħinuk tagħżel divertiment tajjeb? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

18 Prinċipju importanti jinsab f’Filippin 4:8, li jgħid: “Kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-​imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir, fuq dawn l-​affarijiet komplu aħsbu.” Veru, Pawlu ma kienx qed jiddiskuti dwar id-​divertiment iżda fuq il-​meditazzjoni tal-​qalb, li għandha tkun iffokata fuq l-​affarijiet li jogħġbu lil Alla. (Salm 19:14) Madankollu, il-​kliem taʼ Pawlu jistaʼ jiġi applikat għall-​kwistjoni tad-​divertiment. Kif?

19 Staqsi lilek innifsek, ‘L-​għażla tiegħi taʼ films, logħob tal-​kompjuter, mużika, jew forom oħra taʼ divertiment timla lil moħħi b’“kulma hu safi”?’ Per eżempju, wara li tkun rajt xi film, liema stampi jibqgħu l-​iżjed f’moħħok? Jekk huma sbieħ, safjin, u taʼ serħan, mela taf li d-​divertiment tiegħek kien bnin. Madankollu, jekk il-​film li rajt iġiegħlek taħseb dwar affarijiet li m’humiex safjin, mela d-​divertiment tiegħek ma kienx f’loku, saħansitra kien taʼ ħsara. (Mattew 12:33; Marku 7:20-23) Għala? Għaliex jekk taħseb dwar affarijiet li moralment m’humiex nodfa, dan itelliflek il-​paċi ġewwinija, itebbaʼ l-​kuxjenza tiegħek imħarrġa fuq il-​Bibbja, u jistaʼ jħassar ir-​relazzjoni tiegħek m’Alla. (Efesin 5:5; 1 Timotju 1:5, 19) Ladarba divertiment bħal dan għandu effett taʼ ħsara fuqek personalment, kun determinat li tevitah.a (Rumani 12:2) Kun bħas-​salmista li talab lil Ġeħova: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.”—Salm 119:37.

FITTEX DAK LI JAQBEL LIL OĦRAJN

20, 21. L-​1 Korintin 10:23, 24 kif għandu x’jaqsam maʼ l-​għażla taʼ divertiment bnin?

20 Pawlu semma prinċipju Bibliku importanti li rridu nikkunsidraw meta nieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet persunali. Hu stqarr: “Kollox hu permess; imma mhux kollox jibni. Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.” (1 Korintin 10:23, 24) Dan il-​prinċipju kif għandu x’jaqsam maʼ l-​għażla taʼ divertiment bnin? Trid tistaqsi lilek innifsek, ‘Id-​divertiment li nagħżel kif se jeffettwa lil oħrajn?’

21 Il-​kuxjenza tiegħek għandha mnejn tħallik tgawdi ċertu tip taʼ divertiment li int tqis li huwa “permess,” jew aċċettabbli. Madankollu, jekk tinnota li sħabek fit-​twemmin b’kuxjenza iktar restrittiva jqisuh oġġezzjonabbli, għandek mnejn tiddeċiedi li ma tibqax tfittxu. Għala? Għaliex int ma tridx ‘tidneb kontra ħutek’—jew saħansitra tkun qed ‘tidneb kontra Kristu,’ bħalma stqarr Pawlu—billi tagħmilha iktar diffiċli għal sħabek fit-​twemmin biex jibqgħu leali lejn Alla. Int tkun qed iddaħħal f’qalbek din it-​twissija: “Tkunux taʼ tfixkil.” (1 Korintin 8:12; 10:32) Illum, il-​Kristjani veri jagħtu kas il-​parir konsiderevoli u għaqli taʼ Pawlu billi jevitaw divertiment li jistaʼ jkun “permess” imma li ma ‘jibnix.’—Rumani 14:1; 15:1.

22. Għala l-​Kristjani jħallu l-​wisaʼ għal ħarsa differenti fi kwistjonijiet persunali?

22 Però, hemm aspett ieħor fil-​kwistjoni taʼ li nfittxu dak li jaqbel lil oħrajn. Kristjan b’kuxjenza iktar restrittiva m’għandux jinsisti li kulħadd fil-​kongregazzjoni Kristjana għandu jżomm mal-​ħarsa iktar stretta tiegħu dwar dak li hu divertiment xieraq. Kieku kellu jagħmel hekk, ikun bħal sewwieq fi triq prinċipali li jinsisti li s-​sewwieqa kollha l-​oħra għandhom iżommu maʼ l-​istess veloċità li jippreferi hu. Talba bħal din ma tkunx raġunevoli. Bi mħabba Kristjana, xi ħadd b’kuxjenza iktar restrittiva jeħtieġ jirrispetta lil sħabu fit-​twemmin b’ħarsa lejn id-​divertiment li hija ftit jew wisq differenti minn tiegħu, imma xorta għadha fil-​limiti tal-​prinċipji Kristjani. B’dan il-​mod, hu jħalli lil ‘kulħadd ikun jaf kemm hu raġunevoli.’—Filippin 4:5; Ekkleżjasti 7:16.

23. Kif tistaʼ tkun ċert li tagħżel divertiment bnin?

23 Fil-​qosor, kif tistaʼ tkun ċert li tagħżel divertiment bnin? Iċħad kwalunkwe tip taʼ divertiment li fih attivitajiet degradanti u immorali b’mod sfaċċat u li huma kundannati b’mod ċar fil-​Kelma t’Alla. Segwi l-​prinċipji Bibliċi li jistgħu japplikaw għal ċertu divertiment li ma jissemmiex speċifikament fil-​Bibbja. Evita divertiment li jagħmel ħsara lill-​kuxjenza tiegħek, u kun lest li titlaq divertiment li jistaʼ jkun offensiv għal oħrajn, speċjalment għal sħabna fit-​twemmin. Jalla d-​deċiżjoni soda tiegħek li tagħmel hekk iġġib glorja lil Alla u żżomm lilek u lil familtek fi mħabbtu.

[Nota taʼ taħt]

a Xi prinċipji oħrajn li japplikaw għad-​divertiment jinsabu fi Proverbji 3:31; 13:20; Efesin 5:3, 4; u Kolossin 3:5, 8, 20.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 67]

LIEMA DIVERTIMENT GĦANDI NAGĦŻEL?

Prinċipju: “Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.”—Rumani 12:9.

Ikun ferħan Alla jekk . . .

▪ il-​kliem tal-​mużika li nismaʼ jagħmilha diffiċli għalija li nżomm moħħi fuq affarijiet safjin?—1 Korintin 6:9, 10.

▪ nimita d-​diskors u l-​azzjonijiet immorali tan-​nies fil-​films li nagħżel li nara?—Luqa 6:40.

▪ nagħżel li nilgħab logħob tal-​kompjuter li fih ikolli nagħmilha taʼ persuna vjolenti jew immorali?—Salm 11:5, 7.

▪ il-​morali li nippriedka lil oħrajn m’humiex il-​morali li nuża biex jiggwidawni fl-​għażla tiegħi taʼ divertiment?—Rumani 2:21.

[Kaxxa f’paġna 70]

Qabel ma jagħżlu xi tip taʼ divertiment, il-​Kristjani jistaqsu lilhom infushom

▪ Kif se jeffettwa r-​relazzjoni tiegħi m’Alla?

▪ Kif se jeffettwa lili personalment?

▪ Kif se jeffettwa lil oħrajn?

[Stampa f’paġna 68]

L-​applikar taʼ prinċipji divini meta nagħżlu d-​divertiment jipproteġina mill-​ħsara spiritwali

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja