Il-Ħarsa Tal-Bibbja
L-Unità Reliġjuża fiż-Żwieġ—Għala Hi Importanti
FAMILJA tpoġġi bil-qegħda għall-ikla taʼ fil-għaxija. Hekk kif il-missier jgħid talba, l-omm titlob f’qalbha lil xi alla ieħor. Ġo familja oħra l-mara tmur il-knisja, imma żewġha jattendi sinagoga. Hemm familji fejn ġenitur minnhom jgħallem lit-tfal dwar Santa Klaws, waqt li l-parti l-oħra tgħidilhom dwar Ħannukah.
Skond studji reċenti, xeni bħal dawn saru komuni peress li iktar nies qed jiżżewġu lil xi ħadd li m’huwiex tar-reliġjon tagħhom. Stħarriġ wieħed juri li fl-Istati Uniti, 21 fil-mija tal-Kattoliċi issa qed jiżżewġu lil xi ħadd li m’huwiex tar-reliġjon tagħhom; il-figura fost il-Mormoni hi taʼ 30 fil-mija; għall-Musulmani, 40 fil-mija; u għal-Lhud, iktar minn 50 fil-mija. Minħabba sekli sħaħ taʼ mibegħda reliġjuża, xi wħud iqisu ż-żwieġ bejn tnejn taʼ twemmin differenti bħala rebħa kontra l-intolleranza. Wieħed kittieb tal-gazzetta kiteb: “Żwiġijiet imħalltin tistaʼ tgħid taʼ kwalunkwe tip għandhom jiġu ċelebrati.” Hija din il-ħarsa tal-Bibbja?
Għandu jiġi notat li l-Bibbja ma tappoġġax preġudizzji razzjali jew etniċi. Il-Kelma t’Alla tippromwovi l-imparzjalità razzjali. L-appostlu Pietru tkellem b’mod ċar fuq dan il-punt: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Fl-istess ħin, il-Bibbja tgħallem ukoll li l-adoraturi veri taʼ Jehovah għandhom jiżżewġu “basta fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39) Għala?
L-Iskop taż-Żwieġ
Alla ħalaq iż-żwieġ biex ikun rabta speċjalment intima. (Ġenesi 2:24) Meta stabbilixxa l-arranġament taż-żwieġ, Alla kellu f’moħħu iktar milli jkunu taʼ kumpanija għal xulxin. Meta Jehovah ta lill-ewwel koppja l-inkarigu li jrabbu t-tfal u jieħdu ħsieb l-art li kienet id-dar tagħhom, hu wriehom li kellhom jaħdmu flimkien mill-qrib f’li jwettqu r-rieda tiegħu. (Ġenesi 1:28) Billi jikkooperaw f’li jaqdu lil Alla b’dan il-mod, raġel u martu kienu se jgawdu, mhux biss il-kumpanija taʼ xulxin, imma wkoll sħubija mill-qrib u dejjiema.—Qabbel Malakija 2:14.
Ġesù kien qed jalludi għal din is-sħubija meta qal dan il-kliem magħruf sew: “Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” (Mattew 19:6) Ġesù uża lingwaġġ metaforiku biex iqabbel l-unjoni taż-żwieġ maʼ madmad li jżomm żewġ annimali tal-ġbid flimkien biex jiġbdu jew iċaqalqu tagħbija komuni. Immaġina kemm jitħabtu żewġ annimali taħt madmad wieħed jekk jiġbdu f’direzzjonijiet opposti! B’mod simili, dawk li jiżżewġu lil xi ħadd li ma jħaddanx ir-reliġjon vera jistgħu jsibu ruħhom jitħabtu biex jgħixu skond il-prinċipji tal-Bibbja meta l-parti l-oħra tirreżisti. B’mod xieraq, il-Bibbja tistqarr: “La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx.”—2 Korintin 6:14.
Żwieġ Aħjar
L-unità fil-qima vera tistaʼ ssaħħu ferm iż-żwieġ. Wieħed kittieb ikkummenta: “Li tnejn iqimu flimkien hi waħda mill-karatteristiċi prinċipali taʼ familji henjin u b’saħħithom.” Koħèlet 4:9, 10 jgħid: “Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu, għax fejda akbar ikollu xogħolhom. Jekk jaqaʼ wieħed, l-ieħor jistaʼ jqajjmu.”
Meta jiċċentraw ħajjithom fuq il-qima tagħhom, koppja Kristjana tkun magħquda mhux biss fiżikament imma wkoll spiritwalment. Hekk kif jitolbu flimkien, jistudjaw il-Kelma t’Alla flimkien, jiltaqgħu maʼ Kristjani sħabhom, u jaqsmu t-twemmin tagħhom m’oħrajn, huma joħolqu rabta spiritwali li tant ittejjeb l-intimità taż-żwieġ tagħhom. Mara Kristjana kkummentat: “Il-qima vera hija mod taʼ ħajja. Ma nistax nimmaġina lili nnifsi nagħżel li niżżewweġ lil xi ħadd li m’għandux l-istess prinċipji tiegħi għal dak li jien personalment.”—Qabbel Mark 3:35.
Dawk li jiżżewġu “basta fil-Mulej” jistgħu jistennew li l-imseħbin tagħhom fiż-żwieġ jimitaw il-kondotta taʼ Ġesù. L-irġiel miżżewġin Kristjani għandhom jittrattaw lin-nisa tagħhom bħalma Ġesù ttratta bl-imħabba lill-kongregazzjoni. In-nisa miżżewġin Kristjani għandhom jittrattaw lil żwieġhom b’rispett. (1 Korintin 11:3; Efesin 5:25, 29, 33) Il-Kristjani jagħmlu dan mhux biss minħabba x-xewqa li għandhom biex jogħġbu lill-imseħbin tagħhom fiż-żwieġ imma wkoll biex jogħġbu lil Alla, Dak li jitlob kont mingħand il-koppji miżżewġin għall-mod kif jittrattaw lil xulxin.—Malakija 2:13, 14; 1 Pietru 3:1-7.
Meta koppji Kristjani jżommu maʼ twemmin komuni għat-tnejn, dan se jgħinhom ukoll isolvu d-differenzi taʼ bejniethom fil-paċi. Il-Bibbja twissi lill-Kristjani biex jibqgħu ffokati, mhux fuq li ‘jfittxu li jaqblilhom, imma li jaqbel lil ħaddieħor.’ (Filippin 2:4) Minkejja l-preferenzi persunali, l-imseħbin li huma magħqudin fil-fidi jqisu l-Kelma t’Alla bħala awtorità komuni għat-tnejn biex jissetiljaw kwalunkwe nuqqas taʼ ftehim. (2 Timotju 3:16, 17) B’dan il-mod, huma jsegwu l-parir tal-Bibbja għall-Kristjani biex ikollhom “ħsieb wieħed.”—1 Korintin 1:10; 2 Korintin 13:11; Filippin 4:2.
L-Attrazzjoni u l-Valuri Komuni għat-Tnejn
Irridu nammettu li f’relazzjoni hemm iktar milli tnejn iħaddnu l-istess twemmin. L-attrazzjoni reċiproka hija fattur ukoll. (L-Għanja taʼ l-Għanjiet 3:5; 4:7, 9; 5:10) Imma l-valuri li huma komuni għat-tnejn huma kruċjali biex żwieġ jirnexxi. Skond il-ktieb Are You the One for Me? “koppji li jħaddnu l-istess valuri għandhom ħafna iktar ċans li joħolqu relazzjoni hienja, armonjuża, u dejjiema.”
Sfortunatament, tnejn min-nies li huma miġbudin lejn xulxin għandhom mnejn ma jittrattawx differenzi serji ħlief wara li jiżżewġu. Bħala paragun, immaġina li se tixtru dar primarjament għaliex togħġobkom kif tidher. Madankollu, ftit biss wara li tmorru tgħixu fiha tindunaw li l-pedament m’huwiex sod. B’pedament dubjuż, il-karatteristiċi attraenti kollha tad-dar isiru bla sens. B’mod simili, persuna tistaʼ tkun miġbuda lejn xi ħadd taʼ twemmin differenti li jidher kompatibbli—imma wara ż-żwieġ ir-relazzjoni tistaʼ tirriżulta li tkun difettuża serjament.
Ikkunsidra xi kwistjonijiet diffiċli li jistgħu jitfaċċaw iktar tard fi żwiġijiet fejn tnejn ikunu taʼ reliġjon differenti: Fejn se jmorru jqimu bħala familja? Liema taħriġ reliġjuż se jirċievu t-tfal? Il-familja liema reliġjon se tappoġġa finanzjarjament? Se jinsisti xi ħadd mill-imseħbin li kulħadd jieħu sehem f’ċerti drawwiet u btajjel reliġjużi li l-parti l-oħra tikkunsidrahom bħala pagani? (Isaija 52:11) Kull żwieġ jirrikjedi li kull sieħeb jagħmel xi aġġustamenti raġunevoli; madankollu, li wieħed jikkomprometti l-prinċipji tal-Bibbja—saħansitra biex isalva ż-żwieġ—m’huwiex aċċettabbli għal Alla.—Qabbel Dewteronomju 7:3, 4; Neħemija 13:26, 27.
Biex iżommu l-paċi fiż-żwieġ, xi koppji fi żwiġijiet maqsumin reliġjożament jipprattikaw il-fidi tagħhom indipendentement. Iżda, b’sogħba, li tqim indipendentement joħloq vojt spiritwali fiż-żwieġ. Waħda mara Kristjana li żewġha ma kellux l-istess twemmin tagħha rrakkontat: “Għalkemm konna ilna miżżewġin għal 40 sena, żewġi kien għadu ma jafnix sew.” Għall-kuntrarju, żwieġ fejn iż-żewġ imseħbin iqimu “fl-ispirtu u l-verità” għandu lil Alla bħala ċ-ċentru tiegħu. Bħalma tistqarr poetikament il-Bibbja, “ħabel bi tlieta m’hux lakemm jinqataʼ.”—Ġwann 4:23, 24; Koħèlet 4:12.
Xi Ngħidu dwar it-Tfal?
Xi wħud li qed jikkontemplaw żwieġ maʼ xi ħadd taʼ twemmin differenti għandhom mnejn iħossu li jistgħu jesponu lil uliedhom għaż-żewġ reliġjonijiet u jħallu lit-tfal jagħżlu. Veru, il-ġenituri t-tnejn għandhom id-dritt legali u morali biex joffru taħriġ reliġjuż, u fl-aħħar mill-aħħar, huma t-tfal li se jagħmlu d-deċiżjoni għalihom infushom.a
Il-Bibbja tistruwixxi lit-tfal biex jobdu liż-żewġ ġenituri “fil-Mulej.” (Efesin 6:1) Proverbji 6:20 ipoġġiha b’dan il-mod: “Ħares, ibni, ordnijiet missierek, u twarrbux tagħlim ommok.” Minflok ma jiġu esposti għal duttrini differenti, it-tfal imrobbijin minn żewġ ġenituri li għandhom l-istess twemmin ikunu magħqudin f’dak li l-Bibbja ssejjaħlu “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda.”—Efesin 4:5; Dewteronomju 11:19.
Verament “fil-Mulej”
Jekk il-fatt li tnejn ikollhom l-istess valuri hu ċavetta għal żwieġ taʼ suċċess, ikun għaqli li tiżżewweġ lil kwalunkwe persuna li tistqarr li hi Kristjana? Il-Bibbja twieġeb: “Min jgħid li qiegħed jgħammar fih [f’Ġesù], jeħtieġ li hu jgħix kif għex hu stess.” (1 Ġwann 2:6) B’hekk, persuna Kristjana li qed tikkontempla ż-żwieġ se tfittex Kristjan li tassew iħabrek biex isegwi lil Ġesù. Sieħeb prospettiv bħal dan se jkun iddedika ħajtu lil Alla u jkun tgħammed. Se jimita l-personalità kollha mħabba taʼ Ġesù u l-ippridkar żeluż tiegħu dwar is-Saltna t’Alla. Bħal Ġesù, ħajtu se tiċċentra madwar li jagħmel ir-rieda t’Alla.—Mattew 6:33; 16:24; Luqa 8:1; Ġwann 18:37.
Billi bil-paċenzja jistennew għal sieħeb jew sieħba xierqa minn fost il-familja t’adoraturi t’Alla, dawk li qed jikkontemplaw iż-żwieġ jistabbilixxu mudell f’li jpoġġu r-rieda t’Alla l-ewwel f’ħajjithom. Fl-aħħar mill-aħħar, mudell bħal dan se jikkontribwixxi għal żwieġ iktar hieni u iktar sodisfaċenti.—Koħèlet 7:8; Isaija 48:17, 18.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “The Bible’s Viewpoint: Should Children Choose Their Own Religion?” fl-Awake! tat-8 taʼ Marzu, 1997, paġni 26-7. Ukoll, ara paġni 24-5 taʼ Jehovah’s Witnesses and Education, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., 1995.
[Kaxxa fʼpaġna 18]
Għajnuna għall-Familji Maqsumin Reliġjożament
Għal diversi raġunijiet, illum ħafna koppji miżżewġin huma maqsumin reliġjożament. Xi individwi forsi jkunu għażlu sieħeb li jappartjeni lil xi reliġjon differenti. Imma ħafna koppji fil-bidu kellhom l-istess twemmin u iktar tard saru mifrudin reliġjożament meta wieħed mill-imseħbin adotta forma oħra taʼ qima. Jistaʼ jkun hemm ċirkustanzi oħrajn li jwasslu għal firda reliġjuża fil-familja. Madankollu, ikunu xi jkunu l-kaġuni, il-wegħdi taż-żwieġ m’għandhomx jitkissru jew jiċċekknu sempliċement minħabba li l-imseħbin ma jaqblux fuq l-għażla tar-reliġjon. Il-Bibbja tonora l-qdusija u l-permanenza taż-żwieġ, saħansitra meta l-imseħbin ma jkunux magħqudin fil-qima. (1 Pietru 3:1, 2) L-appostlu Pawlu kiteb: “Jekk wieħed mill-aħwa għandu martu ma temminx, u hi jogħġobha tgħammar miegħu, ma għandux jitlaqha.” (1 Korintin 7:12) Jekk jiġu applikati, il-prinċipji misjubin fil-Bibbja se jkunu t’għajnuna għal kwalunkwe koppja miżżewġa biex tgawdi l-paċi f’relazzjoni taʼ mħabba u rispett.—Efesin 5:28-33; Kolossin 3:12-14; Titu 2:4, 5; 1 Pietru 3:7-9.