Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Xi Ngħidu għall-Body Piercing?
‘Meta rajt għall-ewwel darba nies b’xofftejhom u partijiet oħrajn taʼ ġisimhom imtaqqbin, ħsibt “Waw! Din xi ħaġa speċjali.”’—Lisa.
LISA m’hijiex waħedha. Għadd li dejjem jiżdied taʼ żgħażagħ saru jilbsu xi ħolqa jew xi buttun f’diversi partijiet tal-ġisem, anki ħdejn is-suf t’għajnejhom, maʼ lsienhom, maʼ xofftejhom, u maʼ żokrithom. Din il-prattika hija msejħa body piercing.a
Heather, tfajla taʼ 16-il sena, għandha sebaʼ mitt sena biex tagħmel bħalma qed jagħmel kulħadd. Tinsab konvinta li b’misluta maż-żokra se tkun tidher “assolutament tal-ġenn.” Madankollu Joe, li għandu dsatax-il sena, diġà qed jitkessaħ bil-misluta tad-deheb li għandu mwaħħla min-naħa għall-oħra taʼ lsienu. U tfajla oħra għażlet li twaħħal misluta ħdejn is-suf t’għajnejha għax hi riedet xi ħaġa “li tispikka ħafna” u li “tixxokkja lin-nies.”
L-idea taʼ li jitwaħħlu xi ġojjelli mal-ġisem m’hijiex daqstant ġdida. Lura fi żminijiet Bibliċi, mara devota lejn Alla jisimha Rebekka kellha ħolqa fi mneħirha. (Ġenesi 24:22, 47) Meta ħarġu mill-Eġittu, l-Iżraelin kienu lebsin l-imsielet. (Eżodu 32:2) Iżda, m’huwiex magħruf jekk dawn il-ġojjelli kinux imqabbdin permezz taʼ xi toqba fil-widna u fl-imnieħer. Ilsiera leali veru li kienu jtaqqbu widnejhom, madankollu, bħala simbolu tal-lealtà tagħhom lejn sidhom. (Eżodu 21:6) It-titqib kien prominenti ukoll f’kulturi antiki oħrajn. L-Azteki u l-Maja kienu jtaqqbu lsienhom għal raġunijiet spiritwali. It-titqib fix-xoffa għadu mifrux fl-Afrika u fost l-Indjani taʼ l-Amerka t’Isfel. Fost il-Melanesjani u l-abitanti taʼ l-Indja u l-Pakistan hija xi ħaġa komuni li n-nies idendlu oġġetti dekorattivi maʼ mneħirhom.
Sa ftit tas-snin ilu biss, it-titqib fid-dinja tal-Punent kien limitat ġeneralment għal widnejn in-nisa. Imma issa l-adolexxenti u adulti żgħażagħ taż-żewġ sessi tistaʼ tgħid li jilbsu xi ġojjelli f’kull parti tal-ġisem li jistgħu jdendlu xi ħaġa magħha.
Għala Jittaqqbu
Ħafna jittaqqbu għax iħossu li huwa l-istil taʼ bħalissa—xi ħaġa moda ħafna. Oħrajn jaħsbu li biha se jkunu jidhru isbaħ. Ċertament li din il-moda ġiet inkuraġġita mill-fatt li mudelli famużi, stilel taʼ l-isports, u mużiċisti popolari jilbsu xi ġojjelli maʼ ġisimhom. U xi żgħażagħ, it-titqib jinqdew bih ukoll biex jesprimu indipendenza, ifittxu l-individwalità, u jsibu mod kif juru li m’humiex bħall-bqija. John Leo, kittieb f’gazzetta, josserva: “Ix-xewqa li jinnervjaw lill-ġenituri u li jixxokkjaw lill-klassi tan-nofs tidher li hi l-fattur ewlieni li jimmotivahom biex jittaqqbu ripetutament.” Nuqqas taʼ sodisfazzjon, imġiba mhux konformi, attitudni taʼ sfida, u ribelljoni jidhru li jqanqluhom biex iħossu l-bżonn li jesprimu lilhom infushom hekk.
Hemm dawk ukoll li jittaqqbu biex jissodisfaw bżonnijiet psikoloġiċi profondi jew emozzjonali. Per eżempju, xi żgħażagħ iħossu li dan se jgħinhom ikollhom iktar rispett tagħhom infushom. Xi vittmi taʼ l-abbuż fuq it-tfal rawh bħala mezz kif jerġgħu jieħdu kontroll fuq ġisimhom.
Riskji taʼ Saħħa
Imma huwa kull xorta taʼ titqib bħal dan mingħajr periklu? Ħafna tobba jgħidu li ftit minnu huwa taʼ periklu. Ċertament, it-titqib li tagħmel int stess fuqek innifsek huwa perikoluż. U li tmur għand xi ħadd hekk imsejjaħ professjonist fit-titqib jistaʼ jkollu r-riskji tiegħu. Ħafna ma jkunux ġew imħarrġin sew, billi jkunu tgħallmu s-sengħa mingħand ħbiebhom, mir-rivisti, jew minn xi vidjos. Bħala riżultat, huma forsi ma jużawx metodi sanitarji jew saħansitra ma jifhmux ir-riskji li fih it-titqib. Ukoll, ħafna li jtaqqbu ma jifhmux fl-anatomija. Din m’hijiex xi ħaġa taċ-ċajt, peress li jekk toqba tintgħamel f’post ħażin, jistaʼ joħroġ ħafna u ħafna demm. Jekk jintlaqat nerv tistaʼ ssir ħsara permanenti.
Riskju serju ieħor huwa xi infezzjoni. Apparat mhux sterilizzat jistaʼ jittrasmetti mard qattiel bħalma huma l-epatite, l-AIDS, it-tuberkulosi, u t-tetnu. Anki meta l-affarijiet ikunu sterilizzati, xorta huwa essenzjali li tingħata kura wara din il-proċedura. Per eżempju, jekk ittaqqab iż-żokra, din tistaʼ tiffjammalek għax il-ħwejjeġ ikunu jħokku magħha l-ħin kollu. B’hekk, tistaʼ ddum sa disaʼ xhur biex tfiqlek.
It-tobba jgħidu illi li wieħed itaqqab il-qarmuċa taʼ mnieħru jew taʼ widnejh huwa iktar perikoluż milli li jtaqqab il-parti t’isfel tal-widna. Bullettin mill-Akkademja Amerikana tal-Kirurġija Plastika u Rikostruttiva tal-Wiċċ jispjega: “Ħafna toqob fil-widnejn madwar in-naħa taʼ fuq tal-widna huma kaġun partikulari għal tħassib—infezzjonijiet serji jistgħu jikkaġunaw it-telf tad-dawra taʼ fuq kollha tal-widna. L-imsielet fl-imnieħer ukoll huma taʼ riskju—infezzjoni f’din il-parti tistaʼ tinvolvi lil xi vini fil-viċin u tinfirex għall-moħħ.” Il-bullettin jikkonkludi: “Idealment, [it-toqob] għandhom ikunu limitati biss għall-parti t’isfel tal-widna.”
Xi perikli oħrajn huma feriti koroh li jħallu marka u reazzjonijiet allerġiċi għal xi ġojjelli li jintużaw fit-titqib. Jekk xi ħolqa f’xi parti sensittiva ħafna, bħas-sider, tinqabad jew tinġibed mal-ħwejjeġ, it-toqba malajr tistaʼ tiċċarrat. Il-qoxra li tifforma bil-ferita fuq is-sider taʼ żagħżugħa tistaʼ timblokka l-kanali tal-ħalib, u jekk ma tfittixx kura, għandha mnejn issibha diffiċli jew impossibbli li treddaʼ tarbija fil-futur.
L-Assoċjazzjoni Dentali Amerikana dan l-aħħar sejħet it-titqib fil-ħalq bħala periklu għas-saħħa pubblika. Riskji oħrajn tat-titqib fil-ħalq jinkludu li tifga wara li tiblaʼ xi ġojjell, jorqodlok ilsienek u ma tibdiex ittiegħem bih, jibqaʼ joħroġlok id-demm, jitfarrkulek jew jinkisrulek xi snien, ikollok iktar riq f’ħalqek, iqattarlek ħalqek u ma tkunx tistaʼ tikkontrollah, ikollok feriti fil-ħanek, ikollok diffikultà biex titkellem sew, u jkollok diffikultajiet biex tieħu nifs, tomgħod, u tiblaʼ. Meta waħda żagħżugħa jisimha Kendra taqqbet ilsienha, dan “intefħilha bħal bużżieqa.” Biex tgħaxxaqha, dak li għamlilha t-toqba uża buttun magħmul għall-geddum, u l-buttun qataʼ lsien Kendra u ċarrtilha ċ-ċelluli taʼ taħt. Hi kważi tilfet l-abbiltà tagħha li titkellem.
Alla għallem lil niesu Iżraelin biex jirrispettaw lil ġisimhom u jevitaw li jagħmlu qatgħat fuq ġisimhom stess. (Levitiku 19:28; 21:5; Dewteronomju 14:1) U filwaqt li l-Kristjani llum m’humiex taħt il-Liġi Mosajka, xorta huma inkuraġġiti li jittrattaw lil ġisimhom bir-rispett. (Rumani 12:1) Allura, ma jagħmilx sens li tevita riskji taʼ saħħa għalxejn? Minkejja dan, hemm fatturi oħrajn li għandek tikkunsidra minbarra s-saħħa.
Liema Messaġġ Jittrasmetti Dan?
Il-Bibbja ma tagħti l-ebda kmand speċifiku dwar it-titqib fil-ġisem. Imma din tinkuraġġina biex niżżejnu bil-“modestja u bil-għaqal.” (1 Timotju 2:9) Filwaqt li oġġett jistaʼ jitqies bħala modest f’parti waħda tad-dinja, il-vera kwistjoni hija kif dan jitqies fejn tgħix int. Per eżempju, f’parti waħda tad-dinja, it-titqib fuq in-nisa fil-parti t’isfel taʼ widnejhom jistaʼ jkun aċċettat. Imma f’pajjiż ieħor jew f’kultura oħra, xi wħud jistgħu joffendu ruħhom b’dan.
Minkejja li t-titqib tal-ġisem u l-imsielet għall-irġiel huma popolari fost nies ċelebri, dawn s’issa naqsu li jiġu aċċettati b’mod ġenerali fil-Punent. Raġuni waħda tistaʼ tkun li dawn ilhom jitqiesu bħala l-karatteristika taʼ ħabsin, klikek bil-muturi, punk rockers, u membri taʼ ċertu grupp omosesswali sadist u masokist. Għal ħafna wħud, meta xi ħadd itaqqab ġismu jkun qed jissuġġerixxi azzjoni żvijata u ribelluża. Xi wħud iqisuha bħala xi ħaġa xokkanti u li tqażżiżhom. Waħda tfajla Kristjana jisimha Ashley tgħid: “Hemm dan it-tifel fil-klassi tiegħi li għadu kemm taqqab imnieħru. Hu jaħseb li għamel xi bravura. Jien naħseb li hi ħaġa diżgustanti!”
Mela, mhux taʼ b’xejn li ħanut Amerikan magħruf ħafna għandu regola li dawk l-impjegati li jkollhom kuntatt dirett mal-konsumaturi jistgħu jilbsu biss misluta waħda f’kull widna u li kull toqba oħra li tkun tidher hija projbita. “Ma tistax tgħid kif jirreaġixxu n-nies,” tispjega kelliema għall-kumpanija. Bl-istess mod, uħud li jagħtu pariri rigward il-karrieri jgħidu lill-istudenti universitarji rġiel biex meta japplikaw għal xi xogħol ma jilbsu “l-ebda misluta jew ġojjelli oħra maʼ ġisimhom; in-nisa m’għandhomx jilbsu . . . imsielet f’imneħirhom.”
Kristjani żgħażagħ b’mod partikulari għandhom ikunu konċernati li jagħtu impressjoni tajba lil oħrajn, inkluż meta jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar. Huma ma jridu ‘jagħmlu xejn li jistaʼ jkun taʼ tfixkil lil xi ħadd, biex il-ministeru tagħhom ma jaqax fl-għajb.’ (2 Korintin 6:3, 4) Hi x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar dan it-titqib, id-dehra tiegħek trid jew ma tridx se tgħid xi ħaġa dwar l-attitudnijiet tiegħek u l-istil taʼ ħajja li għandek. Int xi tridha tgħid dwarek?
Fl-aħħar mill-aħħar, int—u, m’għandniex xi ngħidu, il-ġenituri tiegħek—għandkom tiddeċiedu x’se tagħmlu dwar din il-ħaġa. Il-Bibbja tagħti l-parir biex ma nħallux lid-dinja tagħġinna kif trid hi. (Rumani 12:2) Wara kollox, int se jkollok tgħix b’dak li jirriżulta.
[Nota taʼ taħt]
a B’dan, m’aħniex qed nirreferu għat-titqib tal-widnejn li hu xi ħaġa modesta u li f’ħafna pajjiżi hu komuni u aċċettabbli skond il-kultura tagħhom. Minflok, aħna qed nirreferu għall-prattiċi estremi li huma popolari llum.—Ara The Watchtower tal-15 taʼ Mejju, 1974, paġni. 318-19.
[Stampi f’paġna 12]
Hija ħaġa popolari ħafna fost iż-żgħażagħ li jtaqqbu ġisimhom ’l hemm u ’l hawn