LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 8/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jigdbu biex Jiksbu Xogħol
  • Iljunfanti li Jħobbu ż-​Żejt
  • Adulti Jmutu bil-​Ġidri r-​Riħ
  • Erbaʼ Biljuni bil-​Ġuħ sa l-​2050
  • Għala l-​Irġiel Imutu Iżgħar
  • Fis-​Sakra bl-​Imħabba
  • Is-​Separazzjoni u d-​Divorzju Telgħu m’Ogħla s-​Sema fi Spanja
  • Tħassib dwar il-​Kura tas-​Saħħa fl-​Ewropa
  • Vjolenza Kontra l-​Vigarji
  • Għandi Nuża l-Kirurġija Kosmetika?
    Stenbaħ!—2002
  • Xi Ngħidu għall-Body Piercing?
    Stenbaħ!—2000
  • Perikli Moħbija fit-Tfittxija għas-Sbuħija
    Stenbaħ!—2005
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2004
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 8/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Jigdbu biex Jiksbu Xogħol

“Wieħed minn kull erbaʼ individwi jigdeb meta japplika għax-​xogħol,” tirrapporta l-​Financial Times taʼ Londra. Matul perijodu taʼ 12-il xahar, il-​kumpanija tas-​sigurtà Control Risks Group eżaminat 10,435 kandidat fis-​servizzi finanzjarji u fit-​teknoloġija tal-​kompjuters u “sabet iffalsifikar f’kull livell taʼ pożizzjoni,” tistqarr il-​gazzetta. “Madwar 34 fil-​mija taʼ l-​applikazzjonijiet ma kinux jaqblu max-​xogħol li kellhom qabel, filwaqt li 32 fil-​mija esaġeraw jew iffalsifikaw il-​kwalifiki akkademiċi. Bħala total 19 fil-​mija pprovaw jaħbu li kienu falluti jew li kellhom kundizzjoni finanzjarja batuta u 11 fil-​mija neħħew għalkollox dettalji li jidentifikawhom.” Dawk li għexu barra l-​pajjiż kienu iktar probabbli li jigdbu dwar il-​kundizzjoni finanzjarja li kellhom, għaliex milli jidher, ħasbu li ma kinux se jinqabdu, u l-​irġiel kienu “iktar lesti li jiffalsifikaw min-​nisa.” Tim Nicholson, tal-​Konfederazzjoni tar-​Reklutaġġ u l-​Impjiegi, jikkonferma r-​riżultati taʼ l-​istudju u jżid: “Jekk dawk li jdaħħlu n-​nies magħhom jemmnu dak kollu li jkun hemm miktub fuq biċċa karta, m’għamlux xogħolhom sew.”

Iljunfanti li Jħobbu ż-​Żejt

L-​iljunfanti f’Digboi fil-​grigal taʼ l-​Indja jaffaxxinaw ruħhom biż-​żejt. “L-​iljunfanti jimxu ’l hemm u ’l hawn faċilment fil-​medda taż-​żejt, u spiss jiftħu l-​valvijiet prinċipali li jqabbdu l-​bjar mar-​raffinerija,” jgħid Ramen Chakravarty, inġinier prinċipali maʼ l-​Oil India Limited. “Milli jidher, l-​iljunfanti jieħdu gost meta jisimgħu l-​ħoss tal-​valv jinfetaħ, speċjalment jekk ikun wieħed li jirregola l-​fwar li ma jħallix iż-​żejt jiġi raffinat.” Dawn l-​annimali mhux biss jieħdu gost bil-​ħoss taż-​żejt ħiereġ sparat mill-​kanna iżda jidhru wkoll attratti mill-​bjar taż-​żejt minħabba “t-​tajn u l-​ilma li joħroġ maż-​żejt mhux raffinat,” tirrapporta l-​gazzetta Indian Express. “L-​ilma huwa mielaħ u l-​iljunfanti jieħdu gost bih.” Fatt kurjuż hu li ljunfant, mingħajr ma kien jaf, wassal għall-​iskoperta taż-​żejt f’dan il-​post. L-​iljunfant irritorna lejn il-​kamp wara li kien ġarr il-​materjal għall-​ewwel linja tal-​ferrovija tar-​reġjun. F’dak il-​waqt uffiċjali Britanniċi nnotaw sustanza żejtnija maʼ saqajh u segwew it-​traċċi li wassluhom lejn ħofra li minnha kien qed ibaqbaq iż-​żejt. Permezz t’hekk infetaħ l-​ewwel bir taż-​żejt fl-​Asja, fl-​1889.

Adulti Jmutu bil-​Ġidri r-​Riħ

“Il-​ġidri r-​riħ, infezzjoni komuni fit-​tfulija, qiegħed joqtol numru li dejjem jikber taʼ adulti,” tgħid il-​gazzetta Independent taʼ Londra. L-​istatistiċi pubblikati fil-​British Medical Journal juru li kmieni fis-​snin 70, 48 fil-​mija minn dawk li mietu bil-​ġidri r-​riħ kienu adulti, filwaqt li sa l-​2001 ir-​rata telgħet għal 81 fil-​mija. Il-​Professur Norman Noah, taʼ l-​Iskola taʼ l-​Iġjene u l-​Mediċina Tropikali f’Londra, iwissi: “Dan l-​istudju juri biċ-​ċar li l-​ġidri r-​riħ jikkaġuna ammont konsiderevoli taʼ mwiet fost l-​adulti. . .  L-​istatistika li għandna taʼ 25 imwiet fis-​sena [fl-Ingilterra u f’Wales] wisq probabbli hija waħda baxxa wisq. . .  Jekk l-​adulti jaqbadhom il-​ġidri r-​riħ għandhom jirrealizzaw li din il-​marda hija differenti minn dik tat-​tfulija. Huma jinsabu f’riskju akbar u għandhom bżonn jaraw tabib malajr kemm jistaʼ jkun.” L-​irġiel li għandhom bejn il-​15 u l-​44 sena huma l-​iktar fir-​riskju.

Erbaʼ Biljuni bil-​Ġuħ sa l-​2050

It-​tkabbir fil-​pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa mistenni li se jżid il-​popolazzjoni tad-​dinja għal 9.3 biljuni sas-​sena 2050, skond ir-​rapport annwali mingħand il-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għall-​Popolazzjoni. Minn dawn, huwa stmat, li 4.2 biljuni se jkunu qed jgħixu f’pajjiżi fejn il-​bżonn bażiku għall-​ikel u l-​ilma ma jistax jintlaħaq. Dan huwa d-​doppju taʼ l-​ammont taʼ nies li m’għandhomx biżżejjed x’jieklu llum il-​ġurnata. “Ir-​rapport juri li l-​faqar u t-​tkabbir mgħaġġel tal-​popolazzjoni huma żewġ affarijiet li flimkien huma fatali,” tispjega Thoraya Obaid, direttriċi esekuttiva tal-​fondazzjoni. “Il-​foqra jiddependu iktar direttament mir-​riżorsi naturali bħal per eżempju l-​art, l-​injam u l-​ilma li huma disponibbli, u madankollu huma l-​iktar li jbatu mid-​degradazzjoni taʼ l-​ambjent. . . . Filwaqt li xi wħud minna nużaw l-​affarijiet bil-​ħela, oħrajn lanqas għandhom biżżejjed biex jibqgħu ħajjin.”

Għala l-​Irġiel Imutu Iżgħar

“Ħajja taʼ raġel, ħajja miżerabbli: l-​irġiel jimirdu qabel u jmutu qabel.” Din hi d-​deskrizzjoni xejn sabiħa li taw l-​organizzaturi taʼ l-​ewwel Kungress Dinji dwar is-​Saħħa taʼ l-​Irġiel, li sar fi Vjenna, l-​Awstrija. Ħassewhom ansjużi minħabba l-​fatt li l-​irġiel imutu, bħala medja, ħames snin qabel in-​nisa, tirrapporta l-​gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung. Għala l-​irġiel imutu iżgħar? Raġuni waħda hi, li hemm iktar ċans li huma jpejpu u jixorbu ż-​żejjed. Ikel żejjed u nuqqas t’eżerċizzju huma fatturi oħra li jkabbru r-​riskju—jingħad li 70 fil-​mija taʼ l-​irġiel taʼ mezz’età għandhom piż żejjed. Iktar minn hekk, ħafna jbatu mill-​istress li jiġi għaliex jipprovaw iżommu bilanċ bejn ix-​xogħol u l-​familja. Huwa inqas probabbli li l-​irġiel imorru għand tabib meta jimirdu jew li jfittxu kura tas-​saħħa preventiva. Biex jiġbor kollox fil-​qosor, Siegfried Meryn, wieħed mill-​organizzaturi tal-​kungress, qal: “Fejn tidħol is-​saħħa, l-​irġiel huma tassew żvantaġġati.”

Fis-​Sakra bl-​Imħabba

Ħafna nies meta jsiru jħobbu lil xi ħadd iħossuhom ferħanin ħafna, tirrapporta l-​gazzetta El Universal tal-​Belt tal-​Messiku. Dan iżid iċ-​ċirkulazzjoni taʼ sustanzi bijokimiċi bħad-​dopamine fil-​moħħ. Il-​psikologu tal-​familja Giuseppe Amara, jinnota li xi nies, minħabba li jkunu jridu jibqgħu jħossuhom fis-​sakra bl-​imħabba, jgħaddu minn infatwazzjoni għall-​oħra mingħajr ma jżommu relazzjoni dejjiema. L-​effett tal-​ferħ kbir jistaʼ jdum għaddej minn xhur sħaħ sa sentejn. Imbagħad dawn is-​sentimenti jibdew jonqsu, u l-​individwu jistaʼ jgħaddi għall-​fażi li jmiss, meta l-​ormoni li jissejħu ossitosin jiżdiedu, u jġagħlu lil dak li jkun iħoss iktar imħabba u rabta profonda. Amara jinnota li għalkemm din il-​fażi taʼ ferħ kbir bl-​imħabba romantika hija tassew pjaċevoli, tistaʼ ċċajpar il-​ġudizzju taʼ dak li jkun u ma tħallihx jara d-​difetti tal-​persuna l-​oħra. El Universal tistqarr, li minħabba f’hekk l-​ispeċjalisti jagħtu l-​parir li l-​koppji ma jiżżewġux qabel “ma jsiru jafu lil xulxin biżżejjed sabiex iżommu relazzjoni tajba.”

Is-​Separazzjoni u d-​Divorzju Telgħu m’Ogħla s-​Sema fi Spanja

“M’għandniex għalfejn nintrabtu maʼ persuna waħda fiż-​żwieġ tul ħajjitna kollha,” tistqarr is-​soċjologa u l-​awtriċi tal-​ktieb La nueva familia española (Il-Familja Spanjola Ġdida), Inés Alberdi. Bħalma tirrapporta l-​gazzetta El País, jidher ċar li ħafna koppji Spanjoli jħossuhom l-​istess. Studju reċenti li sar mill-​Ministeru tal-​Ġustizzja juri li fi Spanja hemm separazzjoni jew divorzju għal kull żewġ żwiġijiet. L-​esperti jħabbru li żwiġijiet imkissrin bħal dawn se jkomplu jiżdiedu minħabba l-​attitudnijiet li dejjem jinbidlu dwar iż-​żwieġ. Dan hu wkoll għaliex in-​nisa qed isiru iktar indipendenti finanzjarjament. “Il-​koppji ma jurux spirtu taʼ sagrifiċċju persunali, [u] ż-​żgħażagħ ma huma lesti jissaportu xejn,” jispjega l-​president taʼ l-​Assoċjazzjoni Spanjola taʼ l-​Avukati tal-​Familji, Luis Zarraluqui. “Iż-​żwiġijiet imkissrin qed jiżdiedu [saħansitra] iktar fost uħud avanzati, b’mod partikulari meta jilħqu l-​età li fiha jirtiraw mix-​xogħol.” Twemmin reliġjuż tradizzjonali qed juri li m’huwiex biżżejjed biex iwaqqaf din it-​tendenza. Għalkemm 85 fil-​mija mill-​Ispanjoli jqisu lilhom infushom bħala Kattoliċi, is-​separazzjoni u d-​divorzju żdiedu bil-​ħeffa għal 500 fil-​mija f’dawn l-​aħħar 20 sena.

Tħassib dwar il-​Kura tas-​Saħħa fl-​Ewropa

F’xi pajjiżi Ewropej in-​nuqqas taʼ sodisfazzjon minħabba s-​servizzi tas-​saħħa qed jiżdied. L-​istatistiċi tal-​Kummissjoni Ewropea juru li ħafna nies fil-​Portugall, fil-​Greċja, u fl-​Italja jħossu li l-​kura tas-​saħħa li tingħata hija waħda fqira. Huwa minnu, li s-​servizzi tas-​saħħa fl-​Ewropa jinsabu mgħobbijin wisq bix-​xogħol. Hekk kif qed jiżdied l-​ammont taʼ nies anzjani fil-​popolazzjoni, iktar nies qed jiżviluppaw mard bħall-​Alzheimer. Mill-​banda l-​oħra, l-​uffiċjali tas-​saħħa jħossu li l-​Ewropej jistgħu jieħdu iktar ħsieb taʼ saħħithom. Skond il-​bullettin EUR-OP News, “id-​dieta, ħafna ħin bil-​qiegħda, u li jittiekel ikel b’wisq xaħmijiet kienu msemmija bħala tendenzi perikolużi,” u “l-​ammont taʼ rġiel li għandhom piż żejjed u nisa li huma rqaq wisq . . . qed jiżdiedu.”

Vjolenza Kontra l-​Vigarji

“Parruċċani aggressivi tal-​klassi tan-​nofs qed jabbużaw u jattakkaw lill-​vigarji meta jitilfu t-​tempra f’argumenti taʼ ġlied dwar iż-​żwiġijiet u l-​magħmudija,” tirrapporta The Sunday Telegraph taʼ Londra. Studju li sar fuq 1,300 membru tal-​kleru fix-​xlokk taʼ l-​Ingilterra wera li f’perijodu taʼ iktar minn sentejn, iktar minn 70 fil-​mija ġew abbużati verbalment, xi 12 fil-​mija ġew attakkati, u 22 fil-​mija ġew mhedda bil-​vjolenza. It-​tabib Jonathan Gabe, li mexxa r-​riċerka fil-​Kulleġġ Royal Holloway taʼ l-​Università taʼ Londra, waħħal “fil-​parruċċani li, fi ftit kliem, kienu abbużivi jekk ma tgħaddix tagħhom.” Hu semma wkoll “żjieda fl-​attitudni li kulħadd irid li tgħaddi tiegħu u nuqqas taʼ rispett mill-​pubbliku u fiduċja fil-​personalitajiet magħrufa” bħala affarijiet li qed iġagħlu lill-​parruċċani jkunu ribellużi. Xi djoċesi qed jaġixxu billi jipprovdu taħriġ f’affarijiet bħalma huma d-​difiża persunali sabiex jgħinu lill-​membri tal-​kleru jiffaċċjaw parruċċani li huma vjolenti.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja