Il-Ħarsa tal-Bibbja
It-Tiżjin fuq il-Ġisem—Il-Ħtieġa li Wieħed Ikun Raġunevoli
IL-VANITÀ tfixkel ir-raġuni. Hekk kitbet kittieba Franċiża tar-rumanzi. Fil-fatt matul is-sekli n-nies għamlu ħafna affarijiet lilhom infushom minħabba li kienu vanitużi. Ħafna minn dawn l-affarijiet ftit li xejn kienu raġunevoli. Per eżempju, fis-seklu 19 in-nisa kienu jkunu jridu qadd żgħir kemm jistaʼ jkun. Allura kienu jilbsu kurpett u jissikkawh, avolja kienu jweġġgħu, sakemm kważi lanqas kienu jkunu jistgħu jieħdu nifs. Xi nisa kienu jiftaħru li kellhom qadd żgħir taʼ 32.5 ċentimetri. Xi wħud minnhom tant kienu jissikkawhom il-kurpetti, li l-kustilji kienu jidħlu fil-fwied, u b’hekk imutu.
Veru li għallinqas din il-ħaġa m’għadhiex moda. Imma l-vanità, li ħolqot din il-moda, għadha tidher sew illum daqs kemm kienet tidher dakinhar. Xi nisa u rġiel illum ukoll jgħaddu minn proċeduri diffiċli, u saħansitra perikolużi, sabiex jibdlu d-dehra naturali tagħhom. Per eżempju, żmien ilu biex wieħed jagħmel xi tpinġija jew jittaqqab għall-imsielet, kien ikollu jmur f’ċerti postijiet li kienu jitqiesu li huma tal-ħamalli. Issa, f’daqqa waħda, wieħed jistaʼ jaqbad u jmur f’xi ċentru tal-ħwienet u anki fl-irħula biex jagħmel dan. Fil-fatt, m’ilux, in-negozju tat-tpinġija kien fis-sitt post min-negozji kollha li kienu qed jikbru malajr fl-Istati Uniti.
It-tiżjin fuq il-ġisem qed jieħu xejra iktar estrema, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Qed isir iktar popolari li wieħed itaqqab partijiet tal-ġisem bħalma huma ras is-sider, l-imnieħer, l-ilsien, u saħansitra l-partijiet ġenitali. Għal ftit uħud, dan it-titqib kollu diġà m’għadux eċċitanti biżżejjed għalihom. Dawn qed jipprovaw prattiċi iżjed taʼ sogru bħalma huwa l-immarkar tal-ġisem b’ħadida mikwija, qtugħ,a u skultura tal-ġisem, fejn idaħħlu xi oġġetti taħt il-ġilda biex din tkun tidher imtaqqba jew imqabbża ’l barra b’mod elaborat.
Użanza minn Żmien il-Qedem
It-tiżjin u ċertu tibdil fuq il-ġisem m’humiex affarijiet ġodda. F’xi nħawi fl-Afrika hemm ritwal li ilu jsir sekli sħaħ. Sabiex xi familji jew tribujiet ikunu jintgħarfu, il-ġisem issirlu xi ferita jew xi tpinġija fuqu. Interessanti ngħidu li f’ħafna minn dawn il-pajjiżi, dawn l-affarijiet issa ma tantx għadhom jintgħoġbu, u qed jonqsu.
It-tpinġija, it-titqib, u l-qtugħ fuq il-ġisem eżistew ukoll fi żminijiet Bibliċi. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, il-ġnus pagani kienu jipprattikawhom f’konnessjoni mar-reliġjon tagħhom. Għalhekk, nistgħu nifhmu għala Jehovah kkmanda lill-poplu tiegħu, il-Lhud, biex ma jimitawx lil dawk il-pagani. (Levitiku 19:28) Bħala l-poplu “magħżul” t’Alla, il-poplu Lhudi kien b’hekk protett minn prattiċi reliġjużi li kienu foloz u baxxi.—Dewteronomju 14:2.
Il-Ħelsien Kristjan
Il-Kristjani m’humiex taħt il-Liġi Mosajka, avolja din tipprovdi ċerti prinċipji li baqgħu japplikaw ukoll għall-kongregazzjoni Kristjana. (Kolossin 2:14) B’hekk, meta jiġu għat-tip taʼ tiżjin li jagħżlu li jilbsu, il-Kristjani huma ħielsa li jesprimu ruħhom sakemm dan ikun xieraq. (Galatin 5:1; 1 Timotju 2:9, 10) Madankollu, dan il-ħelsien għandu l-limiti tiegħu.—1 Pietru 2:16.
Fl-1 Korintin 6:12, Pawlu kiteb hekk: “‘Kollox jiswa għalija,’ iżda mhux kollox jaqbel.” Pawlu fehem li l-ħelsien li kellu bħala Kristjan ma kienx jagħtih il-permess li jagħmel li jrid mingħajr ma jaħseb f’ħaddieħor. Dak li kien jagħmel kien influwenzat mill-imħabba li kellu għal ħaddieħor. (Galatin 5:13) Hu ħeġġiġna biex ‘ma nfittxux li jaqblilna, imma li jaqbel lil ħaddieħor.’ (Filippin 2:4) Hu kien iqis l-affarijiet bla egoiżmu, u dan huwa eżempju eċċellenti għal kwalunkwe Kristjan li qed jaħsibha jekk jagħmilx xi tip taʼ tiżjin fuq ġismu.
Prinċipji Bibliċi li Trid Tikkunsidra
Wieħed mill-inkarigi tal-Kristjani huwa li jippridkaw u jgħallmu l-aħbar tajba. (Mattew 28:19, 20; Filippin 2:15) Kristjan m’hu se jkun irid iħalli xejn, inkluż id-dehra tiegħu, ifixkel lil ħaddieħor milli jagħti widen għal dan il-messaġġ.—2 Korintin 4:2.
Filwaqt li t-tiżjin bħat-titqib għall-imsielet jew it-tpinġija jistgħu jkunu popolari fost xi nies, Kristjan irid jistaqsi lilu nnifsu, ‘Kif se jirreaġixxu n-nies fl-inħawi fejn ngħix jien b’dan it-tiżjin? Se jassoċjawni maʼ ċertu grupp stramb taʼ nies fis-soċjetà? Anki jekk il-kuxjenza ma tniggiżnix, it-titqib jew it-tpinġija kif se jeffettwaw lil oħrajn fil-kongregazzjoni? Se jqisuni bħala li qed nuri “l-ispirtu taʼ din id-dinja”? Jistaʼ jkun li jqumu xi dubji dwar kemm għandi moħħ f’loku spiritwalment?’—1 Korintin 2:12; 10:29-32; Titu 2:12.
Ċertu tibdil li jsir fuq il-ġisem jistaʼ jkun taʼ riskju għas-saħħa. It-tpinġija li ssir b’labar mhux nodfa taʼ spiss ġiet assoċjata mat-tixrid taʼ l-epatite u l-HIV. Xi kultant il-kulur li jintuża jikkaġuna ċertu mard fil-ġilda. It-toqob taʼ l-imsielet jistgħu jdumu xhur sħaħ biex ifiqu u sadattant għandek mnejn tibqaʼ muġugħ. Dawn jistgħu wkoll jivvelenaw id-demm, jikkaġunaw emorraġija, ċapep taʼ demm magħqud, ħsara fin-nervituri, u infezzjonijiet gravi. Barra minn hekk, ċerti proċeduri ma tistax treġġagħhom lura kif ġieb u laħaq. Per eżempju, biex wieħed ineħħi xi tpinġija, dan ikollu jagħmel xi trattamenti bil-laser. Dawn jistgħu jiswewlu ħafna flus u jkunu taʼ wġigħ ferm, u dan jiddependi mid-daqs u l-kulur tat-tpinġija. It-toqob taʼ l-imsielet jistgħu jibqgħulek marka għal għomrok.
Jekk individwu jiddeċidix li jaċċetta dawn ir-riskji jew le, hija xi ħaġa persunali. Imma xi ħadd li jrid jogħġob lil Alla jagħraf li bħala Kristjan jeħtieġ li joffri ruħu lil Alla. Ġisimna huwa sagrifiċċju ħaj offrut lil Alla biex jużah skond ir-rieda tiegħu. (Rumani 12:1) Għaldaqstant, il-Kristjani maturi ma jqisux lil ġisimhom li hu tagħhom kompletament, u li jistgħu jagħmlulu l-ħsara jew jirrovinawh meta jfettlilhom. Dawk li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni huma magħrufin b’mod speċjali li huma meqjusin, prudenti, u serji.—1 Timotju 3:2, 3.
Efesin 4:18 tgħid li d-dinja hi “maqtugħa mill-ħajja taʼ Alla.” Dan jidher ċar meta naraw li d-dinja tieħu pjaċir bi prattiċi li jikkaġunaw uġigħ u li huma estremi. Mela, jekk il-Kristjani jiżviluppaw u jużaw ir-raġuni mħarrġa fuq il-Bibbja, ikunu jistgħu jevitaw dawn il-prattiċi. B’hekk, il-bnedmin kollha jistgħu jkunu jafu bir-raġunevolezza tagħhom.—Filippin 4:5.
[Nota taʼ taħt]
a Hemm differenza kbira bejn il-qtugħ li jsir għal skopijiet mediċi jew anki estetiċi, u l-qtugħ ossessjonat fuq il-ġilda jew taʼ xi parti mill-ġisem li jagħmlu ħafna żgħażagħ, speċjalment tfajliet. Dan it-tip taʼ qtugħ taʼ spiss ikun sintomu taʼ tensjoni emozzjonali kbira jew t’abbuż, u jistaʼ jkun hemm bżonn t’għajnuna professjonali.