Il-Vikingi—Nies Li Kkonkwistaw U Waqqfu Kolonji
L-ISTORJA tiħodna jum wieħed f’Ġunju tas-sena 793 E.K. Il-patrijiet fuq il-gżira żgħira taʼ Lindisfarne, imsejħa wkoll Holy, lil hinn mill-kosta taʼ Northumberland, l-Ingilterra, kienu għaddejjin bil-kwiet għall-affari tagħhom, mingħajr ma ndunaw bil-bastimenti mirqumin u baxxi joforqu l-mewġ u resqin bil-ħeffa lejn din il-gżira. Il-bastimenti telgħu fuq ix-xatt, u minn fuqhom qabżu rġiel bid-daqna, b’ħarsa kiefra, u bix-xabla u l-mannara f’idejhom. Dawn ġrew lejn il-monasteru, ħabtu għall-patrijiet imwerwrin u għamlu ħerba sħiħa. Dawn il-ħallelin serqu d-deheb, il-fidda, il-ġojjelli, u t-teżori l-oħra taʼ dan il-monasteru. Imbagħad għal darb’oħra rħewlha lejn il-Baħar Nordiku u sparixxew.
Dawn il-ħallelin kienu Vikingi u saru magħrufin sew fl-Ewropa għax kienu jattakkaw u mbagħad jitilqu malajr. Dan immarka wkoll il-bidu taʼ l-era tal-Vikingi. Fi żmien qasir il-Vikingi tant qanqlu biżaʼ li maʼ l-Ingilterra kollha kienet tinstemaʼ t-talba: “Mill-furja taʼ l-irġiel tan-Nord eħlisna, O Mulej.”a
Min kienu dawn il-Vikingi? Għala f’daqqa waħda saru parti mill-istorja bħallikieku ħarġu mill-arja, baqgħu importanti għal tliet sekli, u mbagħad qishom sparixxew?
Bdiewa u Ħallelin
L-antenati tal-Vikingi kienu nies Ġermaniċi li xi 2,000 sena qabel l-era tal-Vikingi, bdew jemigraw min-naħa tal-majjistral taʼ l-Ewropa għad-Danimarka, in-Norveġja, u l-Isvezja—l-Iskandinavja. Il-Vikingi, anki dawk li kienu jmorru jattakkaw, kienu bdiewa bħall-antenati tagħhom. Fl-inħawi iktar kesħin taʼ l-Iskandinavja, kienu jiddependu iktar mill-kaċċa, is-sajd, u li jaqbdu l-balieni. In-negozjanti Vikingi kienu jgħixu f’komunitajiet akbar, u minn hemm kienu jitilqu biex ibaħħru fir-rotot tan-negozju fl-Ewropa b’dawk il-bastimenti taʼ saħħa kbira. Allura dawn in-nies li tant kienu jidhru li huma innoċenti, kif filli qishom ma kinux jeżistu u filli kellhom daqshekk fama ħażina f’ġenerazzjoni waħda biss?
Raġuni waħda tistaʼ tkun li kien hemm popolazzjoni iżjed milli kien jiflaħ il-post. Imma ħafna storjografi jħossu li dan setaʼ japplika biss għan-naħa tal-punent tan-Norveġja billi hemmhekk kien hemm ftit rabaʼ li setaʼ jiġi kultivat. The Oxford Illustrated History of the Vikings jgħid: “Il-biċċa l-kbira taʼ l-ewwel ġenerazzjonijiet taʼ Vikingi kienu qed ifittxu l-għana, mhux ir-rabaʼ.” Dan kien minnu b’mod speċjali għas-slaten u l-kapijiet li kellhom bżonn dħul mhux ħażin biex jibqgħu fil-poter. Vikingi oħrajn setgħu telqu mill-Iskandinavja biex jaħarbu mill-ġlied bejn il-familji u mill-gwerer lokali.
Fattur ieħor setaʼ kien li kienet ħaġa komuni li l-irġiel Vikingi li kienu għonja jkollhom iktar minn mara waħda. B’hekk kien ikollhom ħafna tfal. Madankollu, ġeneralment, l-ewwel imwieled biss kien jieħu l-wirt tal-familja, u allura ħutu iżgħar minnu kienu jitħallew ifendu għal rashom. Skond il-ktieb The Birth of Europe, l-ulied li kienu jispiċċaw bla wirt ifformaw grupp qawwi taʼ bosta gwerriera perikolużi li kellhom bilfors jaraw x’jagħmlu biex jibqgħu ħajjin, jew billi jagħmlu xi konkwisti f’pajjiżhom jew billi jsiru pirati barra pajjiżhom.
Barra minn hekk il-Vikingi kellhom il-bastiment ideali biex jattakkaw għal għarrieda u bil-ħeffa—il-bastiment it-twil. L-istorjografi jfaħħruh ħafna dan il-bastiment u jgħidu li kien wieħed mill-aħjar avvanzi teknoloġiċi li qatt saru fil-bidu tal-Medju Evu. Permezz taʼ dawn il-bastimenti sbieħ li kienu baxxi maʼ l-ilma u li kienu jimxu permezz tal-qlugħ jew l-imqadef, il-Vikingi kienu jaħkmu l-ibħra, l-għadajjar, u x-xmajjar kollha li kienu jilħqu.
Kif Xterdu l-Vikingi
Xi storjografi jgħidu li l-era tal-Vikingi feġġet f’nofs it-tmien seklu, eżatt qabel ma l-Vikingi attakkaw lil Lindisfarne. Kien meta kien, l-attakk fuq Lindisfarne għen biex il-Vikingi jsiru magħrufin minn oħrajn. Mill-Ingilterra marru l-Irlanda, u għal darb’oħra mmiraw lejn monasterji mimlijin ġid. Meta kienu jimlew il-bastimenti tagħhom bl-affarijiet li jkunu serqu u bl-iskjavi , il-Vikingi kienu jbaħħru lura lejn darhom għax-xitwa. Madankollu, fit-840 E.K., ma baqgħux iżommu din l-użanza u minflok qattgħu x-xitwa fil-post li attakkaw. Fil-fatt, il-belt Irlandiża taʼ Dublin saret territorju speċjali tal-Vikingi. Fit-850 E.K. bdew ukoll iqattgħu x-xitwa fl-Ingilterra, u l-ewwel bażi tagħhom kienet l-Isle of Thanet, fejn tispiċċa x-Xmara Thames.
Il-Vikingi Daniżi u Norveġiżi ma damux wisq ma waslu lejn il-Gżejjer Britanniċi. Din id-darba ma ġewx bħala gruppi żgħar taʼ ħallelin imma bħala armati bi flotot taʼ bastimenti twal. Xi wħud mill-bastimenti tagħhom setgħu kienu twal 30 metru u jistaʼ jkun li kienu jġorru sa 100 gwerrier. Fis-snin taʼ wara, il-Vikingi ħakmu fuq in-naħa tal-grigal taʼ l-Ingilterra. Dawn l-inħawi saru magħrufa bħala Danelaw, għax il-kultura u l-liġi Daniża kellhom saħħa kbira hemmhekk. Madankollu, fin-naħa t’isfel taʼ l-Ingilterra, f’Wessex, ir-Re Sassonu Alfred u s-suċċessuri tiegħu żammew il-Vikingi ’l bogħod. Imma fl-1016 kien hemm battalja kbira f’Ashington u ftit wara f’dik is-sena stess miet ir-Re Edmondu taʼ Wessex. Imbagħad il-mexxej Viking Kanut, li ddikjara ruħu bħala Kristjan, sar re fuq l-Ingilterra kollha.
Għal ġo Nofs l-Ewropa u Lil Hinn Minnha
Fis-799 E.K., il-Vikingi Daniżi bdew jinvadu ż-żona li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-Frisia—ir-reġjun kostali taʼ l-Ewropa li tibda bejn wieħed u ieħor mid-Danimarka u tkompli sa l-Olanda. Minn hemm għaddew minn xmajjar bħalma huma l-Loire u s-Seine u ħarbtu bliet u rħula fil-qalba taʼ l-Ewropa. Fit-845 E.K., il-Vikingi saħansitra attakkaw lil Pariġi. Ir-Re Frank, Karlu l-Fartas, ħallashom bi 3,000 kilogramma fidda biex jirtiraw mill-belt. Imma dawn reġgħu ġew u mbagħad attakkaw mhux biss lil Pariġi imma anki waslu sa Troyes, Verdun, u Toul.
Il-Vikingi baħħru wkoll lejn Spanja u l-Portugall, u l-ewwel attakk tagħhom li hu magħruf sar fit-844 E.K. Neżżgħu lil partita bliet żgħar u saħansitra ħadu l-kontroll taʼ Seville għal xi żmien. Cultural Atlas of the Viking World jgħid li d-difensuri Għarab tant irreżistew bl-aħrax li l-Vikingi malajr intbagħtu lura, u l-forzi tagħhom kważi nqerdu. Xorta waħda, huma reġgħu marru lura fit-859 E.K. u din id-darba bi flotta taʼ 62 bastiment. Wara li ħarbtu lil diversi partijiet taʼ Spanja, attakkaw ukoll l-Afrika taʼ Fuq; u avolja l-bastimenti tagħhom kienu mimlijin sax-xifer b’dak li kienu serqu, baqgħu sejrin l-Italja u komplew jisirqu minn Pisa u Lina (li qabel kienet Luna).
Xi Vikingi mill-Isvezja, baħħru lejn il-lvant u qasmu l-Baltiku għal ġo xmajjar kbar fl-Ewropa tal-Lvant—ix-xmajjar Volkhov, Lovat’, Dnieper, u Volga. Dan fl-aħħar wassalhom lejn il-Baħar l-Iswed u lejn il-pajjiżi sinjuri li kienu taħt l-Imperu Biżantin. Xi negozjanti Vikingi saħansitra waslu Bagdad mix-Xmara Volga u l-Baħar Kaspjan. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kapijiet Svediżi saru l-kapijiet tal-pajjiżi Slaviċi kbar ħafna li kienu madwar id-Dnieper u l-Volga. Dawn l-uħud li invadew dawn il-postijiet kienu jissejħu r-Rus, terminu li xi wħud jgħidu li minnu ġejja l-kelma “Russja,” li tfisser “Art tar-Rus.”
Lejn l-Islanda, Greenland, u Newfoundland
Il-Vikingi Norveġiżi ffokaw fuq ħafna mill-gżejjer li kienu fuq in-naħa taʼ barra. Per eżempju, fit-tmien seklu huma ħadu l-kontroll tal-gżejjer taʼ Orkney u taʼ Shetland, u fid-disaʼ seklu ħadu l-kontroll tal-gżejjer Faeroe, Hebrides, u n-naħa tal-lvant taʼ l-Irlanda. Il-Vikingi saħansitra għamlu lill-Islanda kolonja tagħhom. Hemmhekk huma stabbilew ġemgħa parlamentari msejħa Althing. L-Althing għadha sal-lum teżisti bħala l-ġemgħa li tiggverna taʼ l-Islanda, u hija l-eqdem assemblea parlamentari tal-Punent.
Fid-985 E.K., Viking jismu Erik l-Aħmar, stabbilixxa kolonja fi Greenland. Iktar tard dik is-sena raġel ieħor tan-Nord, Bjarni Herjolfsson, telaq mill-Islanda biex jingħaqad mal-ġenituri tiegħu fi Greenland. Imma r-riħ ħarġu ’l barra mir-rotta u lil Greenland tilifha. “Bjarni probabbilment kien l-ewwel raġel tan-Nord li ra l-Amerika taʼ Fuq,” jgħid Cultural Atlas of the Viking World.
Leif Eriksson, bin Erik l-Aħmar, qagħad fuq ir-rapport li għamel Bjarni, u x’aktarx wara s-sena 1000, salpa lejn il-punent. Telaq minn Greenland għall-gżira taʼ Baffin, u mbagħad ’l isfel mal-kosta taʼ Labrador. Wasal ħdejn biċċa art li ra ħierġa ’l barra fil-baħar u sejħilha Vinland, minħabba l-għeneb jew frott salvaġġ ieħor li kien jikber hemm.b Leif qattaʼ x-xitwa hemmhekk qabel ma mar lura lejn Greenland. Is-sena taʼ wara ħu Leif, Torwaldu, mexxa spedizzjoni lejn Vinland, imma nqatel f’taqbida żgħira man-nies tal-post. Madankollu, ftit snin wara, bejn 60 u 160 Viking stabbilew komunità f’Vinland, imma minħabba li dejjem kien għaddej il-ġlied man-nies tal-post, qagħdu hemm għal tliet snin biss, u qatt ma reġgħu lura. Għaddew kważi 500 sena qabel ma esploratur Taljan li kien qed jaqdi fis-servizz Ingliż, John Cabot, talab l-Amerika taʼ Fuq bħala propjetà taʼ l-Ingilterra.
It-Tmiem taʼ l-Era tal-Vikingi
Sakemm wasal it-tmiem taʼ l-era tagħhom, il-Vikingi laħqu ħolqu għadd taʼ stati politiċi ġodda li nħakmu mid-dinastiji Skandinavi. Imma ma damux barranin għal ħafna żmien, għax ħafna Vikingi maż-żmien draw il-kulturi ġodda li sabu, anki r-reliġjonijiet. Per eżempju, wieħed mill-kapijiet tal-Vikingi, Rollo, li ħataf parti mit-territorju tal-kosta Franċiża li tissejjaħ in-Normandija (jiġifieri “L-Art taʼ l-Irġiel tan-Nord,” jew Normanni), ikkonverta għall-Kattoliċiżmu. Wieħed mid-dixxendenti tiegħu kien Guliermu, Duka tan-Normandija. Fl-1066 kien hemm il-battalja taʼ Hastings, u fiha d-dixxendenti tal-Vikingi Normanni u Ingliżi daru kontra xulxin. Wara l-gwerra, id-Duka Guliermu li ħareġ rebbieħ ġie inkurunat re taʼ l-Ingilterra.
William mill-ewwel ra li l-ebda influwenza Skandinava ma tidħol iktar fl-Ingilterra u introduċa era fewdali ġdida li kienet tinvolvi sistemi medjevali bħal tal-Franċiżi. Dawn is-sistemi kellhom x’jaqsmu mal-gvern, il-pussess taʼ l-art u l-ekonomija. Għaldaqstant, “jekk kellha tintgħażel data biex timmarka t-tmiem taʼ Żmien il-Vikingi,” jgħid il-ktieb The Vikings, taʼ Else Roesdahl, “din għandha tkun l-1066.” Ukoll, fis-seklu 11 is-saltniet oriġinali tal-Vikingi fl-Iskandinavja nbidlu u saru stati taʼ ġnus indipendenti.
It-tliet sekli taʼ l-istorja tal-Vikingi huma mimlijin ġrajjiet. Però, l-idea li għandhom ħafna nies, li l-Vikingi ma kienu xejn ħlief barbari ħallelin ixejru f’idejhom ix-xabla u l-mannara, m’hijiex eżatta. Nistgħu naraw li huma kienu jafu jaddattaw ruħhom billi jwaqqfu pajjiżi mbegħdin bħala kolonji tagħhom, u saħansitra jidraw il-kulturi lokali. Bħala bdiewa kienu jibqgħu fl-artijiet fejn kienu joqogħdu, u bħala ħakkiema qagħdu bil-qegħda fuq tronijiet barranin. Iva, il-Vikingi kienu tas-sengħa mhux biss fit-tbaħħir u fil-ġlied imma wkoll fil-biedja u l-politika.
[Noti taʼ taħt]
a Barra l-Iskandinavja l-Vikingi ġeneralment kienu jissejħu pagani, Daniżi, jew irġiel tan-Nord. Peress li l-biċċa l-kbira taʼ l-istorjografi jużaw it-terminu “Viking” għall-Iskandinavi kollha taʼ l-era tal-Vikingi, aħna wżajna dan it-terminu f’dan l-artiklu. Ħadd ma jaf eżatt minfejn ġie l-isem “Viking.”
b F’post imsejjaħ L’Anse aux Meadows lejn in-naħa taʼ fuq taʼ Newfoundland, bini li kienu bnewh in-nies tan-Nord u li huwa miksi bil-ħaxix inbena mill-ġdid. Ix-xogħol taʼ bini mill-ġdid ġie bbażat fuq evidenza arkeoloġika li nstabet hemm fil-bidu tas-snin 60. Din l-evidenza tindika li elf sena qabel kien hemm il-Vikingi f’dan il-post, imma hemm xi dubji dwar kemm din il-komunità kienet parti mill-pajjiż leġġendarju, Vinland.—Ara l-Awake! tat-8 taʼ Lulju, 1999.
[Kaxxa f’pagna 27]
IR-RELIĠJON TAL-VIKINGI
Il-Vikingi kienu jqimu ħafna allat tal-mitoloġija, u fosthom kien hemm Odin, Tor, Frej, Freja, u Ħel. Odin, l-alla taʼ l-għerf u l-gwerra, kien il-kap taʼ l-allat. Martu kienet Frigga. Tor kien il-qattiel taʼ l-iġganti u l-ħakkiem taʼ l-irjieħ u x-xita. Frej kien alla immorali tal-paċi u tal-fertilità. Freja kienet oħtu, u din kienet l-alla taʼ l-imħabba u l-fertilità. Ħel kienet l-alla taʼ taħt l-art.
Il-mitoloġija Nordika hija l-bażi taʼ ċerti ismijiet tal-ġranet tal-ġimgħa bil-lingwa Ingliża u xi lingwi oħrajn. Per eżempju, hemm ġranet li ħadu isimhom minn Tir, Woden, Tor, u Frigga.
Kien jingħad li l-allat tal-Vikingi, bħall-Vikingi li kienu jqimuhom, kienu jiksbu l-għana billi jisirqu, jissograw, u jqarrqu. Odin kien iwiegħed li dawk li kienu jmutu mewta t’eroj f’xi battalja kien se jkollhom post merfugħ fil-qasam ċelestjali t’Asgard (dar l-allat), fis-sala kbira taʼ Valħalla. Hemmhekk setgħu jiffesteġġaw u jiġġieldu kemm iridu. Ħafna drabi, in-nobbli fost il-Vikingi kienu jindifnu b’dgħajsa jew b’ġebel imqiegħed f’forma taʼ dgħajsa. Magħhom kienu jidfnu wkoll ikel, armamenti, ornamenti, annimali maqtulin, u forsi wkoll xi skjav sagrifikat. Is-seftura tar-reġina forsi kienet tindifen magħha.
Ħafna drabi nassoċjaw l-elmu bil-qrun mal-Vikingi. Dan l-elmu ġej minn xi 1,000 sena qabel l-era tal-Vikingi u milli jidher kien jintlibes biss f’xi ċerimonja. Il-ġellieda Vikingi kienu jilbsu biss elmijiet ġejjin għall-ponta. Dawn kienu jkunu tal-metall jew tal-ġilda u kienu jintlibsu minn min kien ikun irid biss.
[Mappa f’paġna 26]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
KIF XTERDU L-VIKINGI
NORVEĠJA
↓
ISLANDA
GREENLAND
Il-Gżira taʼ Baffin
Labrador
Newfoundland
DANIMARKA
↓
IRLANDA
INGILTERRA
OLANDA
FRANZA
PORTUGALL
SPANJA
AFRIKA
ITALJA
SVEZJA
↓
RUSSJA
Il-Baħar Kaspjan
Bagdad
UKRAINA
Il-Baħar l-Iswed
Istanbul
[Sors]
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.
[Stampa f’paġna 24]
Replika taʼ bastiment twil tal-Vikingi
[Sors]
Antonion Otto Rabasca, Courtesy of Gunnar Eggertson
[Stampi f’paġna 25]
Għodda li l-Vikingi kienu jużaw fil-gwerra
Elmu tal-Vikingi
[Sors]
Għodda tal-gwerra u elmu: Artifacts on display at the Museum of National Antiquities, Stockholm, Sweden
[Stampa f’paġna 27]
Leif Eriksson