LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 10/8 pp. 18-21
  • Leif Eriksson—Kien Hu li Skopra l-Amerika?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Leif Eriksson—Kien Hu li Skopra l-Amerika?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Leif Eriksson Jibda l-​Vjaġġ Tiegħu
  • Tliet Artijiet Ġodda
  • X’Evidenza Hemm?
  • X’Ġara min-​Nies Nordiċi?
  • Il-Vikingi—Nies Li Kkonkwistaw U Waqqfu Kolonji
    Stenbaħ!—2000
  • Navigar bl-Ilma, bl-Ajru, u bir-Riħ
    Stenbaħ!—2003
  • “Ħadd Minnkom Mhu Se Jmut”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
Stenbaħ!—2001
g01 10/8 pp. 18-21

Leif Eriksson—Kien Hu li Skopra l-​Amerika?

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FID-​DANIMARKA

MIN skoprieha l-​Amerika? Ħadd ma jaf fiċ-​ċert. It-​tweġiba tiddependi ħafna minn x’tifhem bil-​kliem “tiskopri” u “Amerika.” Fuq kollox, in-​nies kienu ilhom jgħixu għal sekli sħaħ f’din l-​art vasta qabel ma l-​Ewropej biss saru jafu li teżisti. Kmieni fl-​1493, Kristofru Kolombu rritorna l-​Ewropa b’rakkonti dwar l-​ewwel vjaġġ tiegħu għall-​Amerika bħala wieħed li ra b’għajnejh stess. Hu fil-​fatt kien niżel fuq il-​gżejjer taʼ l-​Indji tal-​Punent. Imma ma kienx l-​ewwel Ewropew li laħaq din id-​dinja ġdida taʼ l-​għaġeb. L-​evidenza turi li 500 sena qabel, kien hemm grupp taʼ Skandinavi bjondi li waslu fuq l-​art prinċipali taʼ l-​Amerika taʼ Fuq.

Elf sena ilu, l-​Atlantiku taʼ Fuq x’aktarx li kien baħar kiesaħ, u imprevedibbli bħalma huwa llum. Baħħâr jistaʼ jaħseb li jafhom l-​irjiħat u l-​kurrenti li dejjem jinbidlu fl-​oċeani, imma minħabba ċ-​ċpar u l-​maltemp jistaʼ jagħmel ġimgħat sħaħ mitluf u ma jafx fejn sejjer. Skond saga antika Nordika, dan hu dak li ġralu sajf minnhom iż-​żagħżugħ Bjarni Herjolfsson, baħħâr u avventurier taʼ ħila. Dan veru tilef ir-​rotta—imma setaʼ wkoll sab kontinent!

Din kienet l-​era tal-​Vikingi, meta l-​irġiel Nordiċi firxu d-​dominju tagħhom lejn in-​naħa l-​oħra taʼ l-​ibħra u ’l isfel fl-​Ewropa. Huma kienu jbaħħru b’bastimenti dojoq u li jifilħu għall-​baħar, u kienu jivvjaġġaw mill-​kosta tan-​Norveġja għax-​xtut taʼ l-​Afrika taʼ Fuq u x-​xmajjar taʼ l-​Ewropa.

Skond is-​Saga of the Greenlanders, Bjarni mar fuq vjaġġ twil lejn in-​Norveġja. Hekk kif qorbot ix-​xitwa tas-​sena 986 E.K., hu rritorna l-​Islanda mimli sa fuqnett bit-​tagħbija. Imma b’sorpriża għalih, sar jaf li missieru kien ħalla l-​Islanda bi flotta taʼ bastimenti taħt it-​tmexxija taʼ Erik l-​Aħmar. Huma kienu telqu biex jissetiljaw f’pajjiż kbir li kien skoprieh Erik lejn il-​punent taʼ l-​Islanda. Biex ikompli jsebbaħha, Erik kien semma l-​gżira Greenland. Għaldaqstant iż-​żagħżugħ Bjarni qatagħha li jbaħħar lejn Greenland. Imma mbagħad ir-​riħ biddel id-​direzzjoni u l-​baħħara sabu ruħhom fiċ-​ċpar. “Għal ħafna ġranet huma ma kinux jafu fejn qed ibaħħru,” tgħid is-​saga li ssemmiet qabel.

Meta fl-​aħħar il-​baħħara raw l-​art, din ma kinitx taqbel mad-​deskrizzjoni taʼ Greenland. Il-​kosta kienet tidher miksija kollha ħdura, mimlija għoljiet, u b’ħafna foresti. Huma baħħru lejn it-​tramuntana bil-​kosta fuq ix-​xellug tagħhom. Reġgħu raw art oħra imma din lanqas ma kienet tidher bħal Greenland. Madankollu, diversi ġranet wara l-​pajsaġġ inbidel—sar iktar muntanjuż u kiesaħ silġ. Imbagħad Bjarni u l-​ekwipaġġ tiegħu ġibdu lejn il-​lvant f’baħar miftuħ u fl-​aħħar sabu lil Greenland u l-​kolonja Nordika taʼ Erik l-​Aħmar.

Leif Eriksson Jibda l-​Vjaġġ Tiegħu

Jistaʼ jkun li l-​Ewropej b’dan il-​mod raw għall-​ewwel darba—għalkemm ma messewx l-​art—il-​parti prinċipali tal-​kontinent li iktar tard beda jissejjaħ l-​Amerika taʼ Fuq. Ir-​rapport taʼ x’kien ra Bjarni qajjem l-​interess taʼ sħabu rġiel Nordiċi fi Greenland. Il-​pajjiż kiesaħ tagħhom kellu ftit siġar; biex jibnu u jsewwu x-​xwieni u d-​djar tagħhom, huma kienu jiddependu mill-​injam li kien idaħħal il-​mewġ jew mill-​ġarr taʼ injam minn pajjiżi oħra, xi ħaġa li kienet tiswa l-​flus. Imma mid-​dehra kemm taqsam il-​baħar lejn il-​punent kien hemm art b’foresti mimlijin siġar bla għadd!

Wieħed li kien kurjuż ħafna dwar din l-​art ġdida kien iż-​żagħżugħ Leif Eriksson, wieħed mit-​tfal taʼ Erik l-​Aħmar. Leif kien deskritt bħala “raġel kbir u b’saħħtu, taʼ dehra li tispikka ħafna u għaref.” Madwar is-​sena 1000, Leif Eriksson xtara l-​bastiment taʼ Bjarni, u b’ekwipaġġ taʼ 35 raġel, irħielha biex isib ix-​xtut li kien ra Bjarni.

Tliet Artijiet Ġodda

Jekk is-​sagi huma eżatti, Leif l-​ewwel sab art mingħajr ħaxix, b’muntanji miksijin bis-​silġ. Peress li l-​art kienet qisha blata waħda u ċatta, Leif semmieha Helluland—li tfisser “Art Blata.” Dan setaʼ kien il-​mument meta l-​Ewropej rifsu għall-​ewwel darba fuq l-​Amerika taʼ Fuq. Illum l-​istorjografi jemmnu li Helluland kienet il-​Gżira taʼ Baffin, fil-​grigal tal-​Kanada.

Il-baħħara Nordiċi komplew il-​vjaġġ tagħhom lejn in-​nofsinhar. Huma sabu art oħra, li kienet ċatta u bil-​foresti, u bi xtajtiet taʼ ramel abjad. Leif semmieha Markland, li tfisser “Art bil-​Foresta,” post li llum normalment jgħidu li kien Labrador. Huma ma damux wisq ma sabu art oħra li kien fiha iktar x’toffri mill-​ewwel tnejn.

Is-saga tkompli: “Huma baħħru u qattgħu jumejn fuq il-​baħar jimxu mar-​riħ tal-​grigal qabel ma raw l-​art.” Tant għoġbithom din l-​art ġdida li ddeċidew li jibnu djar u jqattgħu x-​xitwa hemm. Matul ix-​xitwa “t-​temperatura qatt ma kienet tinżel taħt iż-​żero u l-​ħaxix ftit kien jidbiel.” Iktar tard, wieħed mill-​irġiel sab anki għeneb u dwieli, u għaldaqstant, Leif Eriksson semma l-​art Vinland, li jistaʼ jkun tfisser “Art l-​Inbid.” Ir-​rebbiegħa taʼ wara l-​irġiel reġgħu baħħru lura lejn Greenland, bil-​bastimenti mgħobbija bil-​prodotti minn Vinland.

Illum l-​istorjografi jixtiequ ħafna jsiru jafu fejn kien eżattament dan Vinland bi pjanuri ħodor u bl-​għeneb, imma ħadd għadu ma jistaʼ jifhem fejn. Xi riċerkaturi jħossu li l-​karatteristiċi tal-​pajsaġġ misjuba fi Newfoundland jaqblu mad-​deskrizzjonijiet tas-​sagi antiki. Tħaffir li sar fi Newfoundland juri li n-​Nordiċi veru żaru l-​gżira. Madankollu, xjenzati oħra jsostnu li Vinland kellu bilfors ikun iktar lejn in-​nofsinhar u li dak li nstab fi Newfoundland kien jintuża min-​Nordiċi bħala bażi jew passaġġ biex jinżlu iktar lejn in-​nofsinhar u jaslu f’Vinland.a

X’Evidenza Hemm?

Ħadd ma jaf eżatt kif jistaʼ jqabbel id-​dettalji taʼ din is-​saga Nordika maʼ kif inhi mqassma d-​dinja llum. Is-​sagi fihom ħafna dettalji neqsin u m’humiex ċari u l-​istorjografi ilhom is-​snin iħabblu rashom fuqhom. Madankollu, l-​iktar evidenza sostanzjali li kien hemm in-​Nordiċi fl-​Amerika qabel Kolombu hija t-​tħaffir li sar fis-​snin 60 u 70 fi Newfoundland, qrib il-​villaġġ taʼ L’Anse aux Meadows. Il-​post fih fdalijiet taʼ djar li bla dubju huma Nordiċi, kif ukoll forn tal-​ħadid u oġġetti oħra li jmorru lura għal żmien Leif Eriksson. Ukoll, esploratur Daniż li kien qed jaħdem fin-​nofsinhar taʼ Newfoundland dan l-​aħħar sab saborra tal-​ġebel mirquma bi preċiżjoni li probabbilment kienet tintuża fuq bastiment tal-​Vikingi.

Il-vjaġġi tan-​Nordiċi lejn artijiet ġodda fil-​punent imbiegħed ma kinux jinżammu sigrieti. Leif Eriksson ivvjaġġa lejn in-​Norveġja biex jirrapporta lis-​sultan Norveġiż dak li kien ra. Meta Adam taʼ Bremen, storjografu Ġermaniż u kap taʼ skola katidrali, mar id-​Danimarka madwar l-​1070 biex jitgħallem dwar artijiet fit-​tramuntana, is-​Sultan Sweyn tad-​Danimarka qallu dwar Vinland, u l-​inbid eċċellenti li kien isir mill-​għeneb t’hemm. Din it-​tradizzjoni saret parti mir-​rakkonti taʼ Adam taʼ Bremen. Għaldaqstant, ħafna nies taʼ skola fl-​Ewropa saru jafu bl-​artijiet fil-​punent li kienu żaru n-​Nordiċi. Flimkien maʼ dan, annali qodma Islandiżi tas-​sekli 12 u 14 isemmu xi vjaġġi li għamlu iktar tard in-​Nordiċi lejn Markland u Vinland, lejn il-​punent taʼ Greenland.

Jistaʼ jkun ukoll li anki Kristofru Kolombu kien jaf bil-​vjaġġi lejn Vinland li kienu saru mal-​500 sena qabel żmienu. Skond ktieb wieħed dwar Vinland, hemm indikazzjonijiet li qabel il-​vjaġġ famuż tiegħu taʼ l-​1492/93, Kolombu saħansitra mar l-​Islanda biex jistudja d-​dokumenti rekordjati li kienu jinstabu hemmhekk.

X’Ġara min-​Nies Nordiċi?

M’hemm l-​ebda rekord li n-​Nordiċi stabbilew ruħhom b’mod permanenti fl-​Amerika. Jistaʼ jkun li kien sar xi attentat qasir biex joqogħdu hemm u falla. Il-​kundizzjonijiet kienu ħorox, u l-​Indjani taʼ l-​Amerika​—li l-​Vikingi kienu jsejħulhom Skraelings—militarment kienu qawwijin iktar mill-​intrużi. Fi Greenland id-​dixxendenti taʼ Erik l-​Aħmar u taʼ ibnu Leif Eriksson għaddew minn żmien iebes. Il-​klima bdiet tiħrax, u l-​provvisti bdew jonqsu. Wara erbaʼ jew ħames sekli, jidher li n-​Nordiċi għebu għalkollox minn Greenland. L-​aħħar rekord bil-​miktub taʼ nies Nordiċi fi Greenland jinvolvi tieġ li nżamm fi knisja fi Greenland fl-​1408. Iktar minn seklu wara, bastiment Ġermaniż tal-​merkanzija sab li l-​kolonja fi Greenland kienet deżerta għalkollox, għajr ġisem wieħed mhux midfun—dak taʼ raġel, bis-​sikkina għadha ħdejh. Wara dan, ma jintqal xejn iktar dwar in-​Nordiċi fi Greenland. Kien biss fis-​seklu 18 li waslu n-​Norveġiżi u d-​Daniżi biex jistabbilixxu kolonja permanenti.

Madankollu, kien minn Greenland li baħħara qalbiena Nordiċi baħħru biex isibu dinja ġdida. Wieħed għadu jistaʼ jġib quddiem għajnejh dawn il-​baħħara qalbenin ibaħħru bil-​bastimenti tal-​qlugħ kwadri minn ġo ilmijiet mhux magħrufa sakemm ħarsu bi stagħġib fuq l-​orizzont u raw kosta ġdida u barranija. Lanqas biss kien jgħaddilhom minn moħħhom li ħames sekli wara Kristofru Kolombu kien se jiġi mfaħħar bħala dak li skopra din id-​Dinja l-​Ġdida.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Where is the Legendary Vinland?” (Fejn Hu Vinland il-​Leġġendarju?) fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​8 taʼ Lulju, 1999.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]

KIF KIENU JBAĦĦRU L-​VIKINGI?

Il-​Vikingi Nordiċi ma kellhomx boxxli. Allura kif saru baħħara daqshekk tajba? Meta ma kinux ibaħħru f’ibħra miftuħa, huma kienu jbaħħru fejn jaraw il-​kosta. Fejn kien ikun possibbli kienu jaqsmu strett f’punt fejn kienu jibqgħu jaraw l-​art fuq iż-​żewġ naħat. Minbarra hekk, kienu jafu kif jimxu fuq ix-​xemx u l-​kwiekeb. Per eżempju, kienu jużaw sistema sempliċi biex ikejlu l-​latitudni, billi jużaw tabella taʼ numri għal kull ġimgħa tas-​sena u lasta biex f’nofs il-​ġurnata jkejlu l-​għoli tax-​xemx mill-​orizzont. Peress li ma kellhomx sistema biex ikejlu l-​lonġitudni, meta kienu jbaħħru f’ibħra miftuħa kienu jippreferu jbaħħru lejn il-​lvant jew il-​punent, u jimxu fuq il-​latitudni li jkunu għażlu.

Jekk, per eżempju, kienu jkunu jridu jivvjaġġaw minn Greenland għal post mal-​kosta taʼ Vinland, kienu jbaħħru lejn in-​nofsinhar minn Greenland sakemm isibu l-​latitudni eżatta; imbagħad iduru lejn il-​punent u jsibu l-​port mixtieq. Xi ħaġa utli oħra li kienu jagħmlu l-​Vikingi fl-​ibħra miftuħa kienet li josservaw l-​għasafar. Billi kienu josservaw l-​għasafar huma u jtiru, saru esperti kif jindunaw fejn qiegħda l-​art, u x’art kienet. Xi kultant kienu jieħdu ċ-​ċawluni magħhom; x’ħin jeħilsuhom, l-​għasafar kienu jittajru fl-​għoli u jtiru lejn l-​eqreb kosta. Imbagħad l-​ekwipaġġ tal-​Vikingi kien ikun jaf fejn tinsab l-​eqreb art.

Ħaġa oħra li kienu jużaw biex ibaħħru kienet li jkejlu l-​fond tal-​baħar. Baħri Viking kien iniżżel fl-​ilma lenza b’ċomba fit-​tarf. Biha kien jagħmel żewġ affarijiet. L-​ewwel, kien jirnexxilu jiddetermina kemm hu fond l-​ilma. X’ħin iċ-​ċomba kienet tmiss il-​qiegħ, il-​baħri kien itellaʼ l-​lenza, u juża l-​medda taʼ dirgħajh biex ikejjel it-​tul. Sa llum il-​ġurnata, il-​baħħara jkejlu l-​fond bil-​“fathom” (qama) li huwa twil kważi żewġ metri. Din il-​kelma ġejja minn kelma Nordika antika li tfisser “dirgħajn miftuħa.” Imma ċ-​ċomba kellha użu ieħor. Taʼ spiss, din kien ikollha ħofra fil-​qiegħ mimlija xaħam taʼ l-​annimali. B’hekk, iċ-​ċomba kienet ittellaʼ magħha biċċiet mill-​qiegħ tal-​baħar. Il-​baħri kien jeżamina dak li jitlaʼ maċ-​ċomba u jikkonsulta l-​mapep tal-​baħar li kien ikun fihom deskrizzjonijiet bil-​miktub taʼ dak li fih qiegħ il-​baħar f’postijiet differenti. Sempliċi kemm kienu sempliċi l-​għodod tagħhom, il-​Vikingi saru baħħara mill-​aqwa.

[Sors]

Ritratt: Stofnun Arna Magnússonar, Iceland

[Mappa f’paġna 18]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

NOVA SCOTIA

Bjarni Herjolfsson jivvjaġġa mill-​Islanda madwar is-​sena 986 E.K.

NEWFOUNDLAND

LABRADOR

IL-​GŻIRA TAʼ BAFFIN

GREENLAND

Leif Eriksson jivvjaġġa minn Greenland madwar is-​sena 1000 E.K.

GREENLAND

IL-​GŻIRA TAʼ BAFFIN

LABRADOR

NEWFOUNDLAND

[Sors]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampa f’paġna 18]

Fuq ix-​xellug, rikostruzzjoni tad-​dar taʼ Erik l-​Aħmar fi Greenland

[Stampa f’paġna 18]

Replika taʼ bastiment tal-​Vikingi fid-​daqs attwali jirrepeti l-​vjaġġ li kien għamel Leif Eriksson

[Sors]

Bastimenti Vikingi f’paġni 2 u 18: Ritratti: Narsaq Foto, Greenland

[Stampa f’paġna 21]

Statwa taʼ Leif Eriksson fl-​Islanda

[Stampa f’paġna 21]

L’Anse aux Meadows fi Newfoundland

[Sors]

Parks Canada

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 20]

Artifatti għall-​wiri fil-​Mużew taʼ l-​Antikitajiet Nazzjonali, Stokkolma, Svezja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja