Ħarsa Lejn id-Dinja
Għajnejn Neqsin mill-Ossiġnu
Xi nies li jilbsu l-contact lenses ma jkunux qed iħallu l-ossiġnu jgħaddi għal għajnejhom, tirrapporta The Globe and Mail. Ir-rapport qal li meta l-kornea (l-għata trasparenti taʼ l-għajn) ma tkunx tistaʼ tieħu l-ossiġnu meħtieġ peress li ma tkunx qed tmiss dirett maʼ l-arja, jibdew jifformaw vini tad-demm fuqha biex ipattu għal dan in-nuqqas t’ossiġnu. F’dan il-każ tkun qed isseħħ vaskularizzazzjoni. Minħabba f’hekk, persuna tistaʼ tonqsilha l-vista jew saħansitra tagħma. It-Tabib Raymond Stein, il-kap taʼ l-oftalmoloġija fi sptar f’Toronto, jgħid li l-“agħar sitwazzjoni hija meta pazjent jonqos li jieħu ħsieb il-lenses tiegħu u ma jmurx għall-viżti.” It-tobba taʼ l-għajnejn jinkuraġġixxu lill-pazjenti biex jikkonsultaw professjonist li jifhem fil-kura taʼ l-għajnejn ħalli jkunu ċerti li qed jużaw il-contact lenses addattati għal għajnejhom. Parir ieħor li jagħtu hu li jieħdu ħsieb il-lenses skond l-istruzzjonijiet li jkollhom fuqhom u li jilbsuhom għat-tul taʼ żmien irrikkmandat.
Ivvizzjati fuq il-Pornografija fl-Internet
Riċerkaturi sabu li “mill-inqas 200,000 ruħ li jużaw l-Internet huma vvizzjati fuq is-siti pornografiċi, chat rooms li jkunu għall-kbar biss, jew materjal sesswali ieħor online,” tirrapporta The New York Times. L-istudju tmexxa minn psikoloġi fl-universitajiet taʼ Stanford u Duquesne u huwa wieħed minn taʼ l-ewwel li kkalkula n-numru taʼ wħud li huma ossessjonati bis-sess fuq l-Internet. Ir-riċerkaturi qalu li dawn l-individwi jidħlu f’Web sites li jkunu għall-kbar biss u jqattgħu iktar minn 11-il siegħa fil-ġimgħa jarawhom. Il-gazzetta rrapportat li r-riċerkaturi qalu li dan huwa periklu moħbi għas-saħħa pubblika u li qiegħed jiżdied b’ħeffa kbira. Parti mir-raġuni hija li ftit huma dawk li qed iqisuh bħala tali jew qed jieħdu s-sitwazzjoni bis-serjetà.
Niket u Dipressjoni
Studju li sar fost irġiel u nisa taʼ bejn is-70 u d-79 sena wera li xi romol jesperjenzaw livelli għoljin taʼ sintomi taʼ dipressjoni sa sentejn wara l-mewt tas-sieħeb jew sieħba tagħhom. Dawk li ħadu sehem fl-istudju nqasmu f’sitt gruppi, skond l-ammont taʼ żmien li kien għadda mill-mewt tas-sieħeb jew sieħba tagħhom. Kemm l-intervisti kif ukoll il-mistoqsijiet intużaw biex jikkalkulaw is-sintomi taʼ dipressjoni. Min-nies li ħadu sehem fl-istudju, 38 fil-mija kienu rġiel, u 62 fil-mija kienu nisa. Permezz taʼ dan l-istudju nstab li r-rata taʼ dipressjoni fost l-uħud li kien għadu kemm mitilhom xi ħadd hija disaʼ darbiet ogħla minn fost individwi miżżewġin li ma kinux ġarrbu telfa bħal din.
L-AIDS Qed Tagħmel Ħerba fl-Afrika
Matul is-sena li għaddiet, fl-Afrika mietu iktar nies bl-AIDS milli bil-gwerer, skond Kofi Annan, is-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Dan jinkludi l-gwerer fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-Sierra Leone, l-Angola, ir-Repubblika tal-Kongo, l-Etjopja, is-Somalja, l-Eritrea, u s-Sudan. Kważi żewġ terzi mis-36 miljun ruħ fid-dinja morda bl-AIDS jgħixu fl-inħawi li jinsabu fin-naħa tan-nofsinhar tad-deżert Saħara fl-Afrika. F’Côte d’Ivoire, kull ġurnata skolastika jmut għalliem bl-AIDS, u fil-Botswana, it-tul taʼ ħajja mistenni niżel minn 70 għal 41 sena. Fiż-Żimbabwe qed jistennew li sas-sena 2005, 60 fil-mija mir-riżorsi għas-saħħa se jintefqu minħabba l-HIV u l-AIDS, u dawn lanqas se jkunu biżżejjed. Is-suġġett taʼ l-AIDS huwa evitat fil-Malawi u ż-Żambja, postijiet fejn ir-rati taʼ infezzjoni huma għoljin ħafna; u fl-Afrika t’Isfel il-vittmi taʼ l-AIDS jinjorawhom u ma jagħtux kashom, tirrapporta l-gazzetta taʼ Londra The Guardian. Il-kliem li qal is-Sur Annan kien li ħadd għadu ma beda jifhem l-effett kbir li qed ikollu dan l-orrur fuq il-kwalità tal-ħajja fl-Afrika, il-potenzjal ekonomiku tagħha u l-istabbiltà soċjali u politika tagħha.
Tajjeb għax-Xorb?
Studju li sar mill-World Wide Fund for Nature ([Fond Dinji għan-Natura] WWF) wissa li jridu jittieħdu miżuri taʼ prevenzjoni qabel ma l-kwalità taʼ l-ilma fi Franza tasal sal-punt li ma jkunx hemm soluzzjoni possibbli. Skond id-WWF, l-ilmijiet li hemm fil-wiċċ u taħt l-art fi Franza qed jitniġġsu bil-pestiċidi u n-nitrati. It-tniġġis bin-nitrati jseħħ primarjament meta d-demel tal-ħnieżer u l-baqar jitħallat mal-provvista taʼ l-ilma. Ir-rapport jgħid li “d-demel tat-tmien miljun ħanżir li hemm fir-reġjun taʼ Brittany huwa mqabbel mal-ħmieġ li tipproduċi belt b’24 miljun abitant mingħajr l-użu taʼ impjant taʼ l-ipproċessar tad-drenaġġ!” Iktar minn hekk, id-WWF qalet li l-użu qawwi taʼ fertilizzanti li jintużaw fil-biedja fuq skala kbira wkoll qiegħed iniġġes il-provvista taʼ l-ilma bin-nitrati. Xi ħaġa oħra hi l-użu qawwi tal-pestiċidi fil-produzzjoni tal-qamħirrum. Dan qed jgħolli l-livelli tal-pestiċidi b’iktar minn 40 fil-mija mil-livelli stabbiliti. Ir-rapport tad-WWF jirrakkomanda li jerġgħu jiġu fformati msaġar u wesgħat t’art bl-għadajjar li jaġixxu bħala lqugħ u filtru naturali.
Torturi u Ħruxija fl-Ewropa
Skond stqarrija maħruġa mill-Amnesty International, fost l-abbużi fuq id-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħu fl-Ewropa hemm “il-mewt matul deportazzjoni bil-forza, torturi waqt l-arrest, trattament ħażin u kontinwu mill-pulizija, u tgħakkis etniku u reliġjuż.” Il-bullettin qal li filwaqt li ħafna nies fl-Ewropa jgawdu drittijiet umani bażiċi, xi nies, inkluż uħud li jfittxu kenn, u minoranzi etniċi u reliġjużi, qed ikomplu jġarrbu aspett taʼ l-Ewropa li jmur kontra l-idea ġenerali li teżisti dwarha, jiġifieri li hi favur id-drittijiet umani u l-ħelsien. Ir-rapport kompla qal li dan huwa evidenti ħafna meta wieħed iqis l-għadd li dejjem jiżdied taʼ allegazzjonijiet taʼ ħruxija mill-pulizija. Mir-Renju Unit sa l-Azerbajġan, individwi sofrew trattament krudil, inuman u degradanti taħt idejn il-pulizija. L-organizzazzjoni ssostni li taʼ spiss dawk l-uħud li huma responsabbli ma ssirilhomx ġustizzja. Hi semmiet eżempju li ġara f’Lulju 1999, fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet lil Franza ħatja talli kisret il-livelli internazzjonali dwar it-torturi u smigħ ġust fil-qorti fil-każ taʼ immigrant li kien fil-kustodja tal-pulizija. Ir-rapport żied li sa l-aħħar tas-sena, il-pulizija li kienu ġew akkużati kienu għadhom jaqdu fil-pożizzjoni li kellhom.
Il-Popolazzjoni taʼ l-Indja Taqbeż l-Elf Miljun
Fil-11 taʼ Mejju, 2000, intqal li l-popolazzjoni taʼ l-Indja laħqet l-elf miljun. Madankollu, l-Associated Press spjegat: “Li tiddeċiedi meta l-Indja tilħaq il-figura taʼ l-elf miljun hija xi ħaġa komplikata f’pajjiż fejn kuljum jitwieldu 42,000 tifel u tifla u r-rekords mediċi huma mill-inqas.” Bħala riżultat taż-żjieda fil-popolazzjoni, in-nies bil-ġuħ u illetterati jiżdiedu, minkejja l-avvanzi kbar li saru fil-produzzjoni taʼ l-ikel u fl-edukazzjoni. Għalkemm miljuni taʼ nies jgħixu fil-faqar, tarbija ġdida hija meqjusa bħala xi ħaddieħor li jistaʼ jdaħħal il-paga, xi ħadd li kapaċi jmur għax-xogħol u jgħin lill-familja tlaħħaq mal-bżonnijiet tagħha.
Il-Fkieren Reġgħu Ġew!
Il-konservazzjonisti għamlu l-kuraġġ din is-sena x’ħin raw l-ogħla ammont taʼ bejtiet tal-fkieren Olive Ridley li qatt kienu dehru mal-kosta tal-lvant taʼ l-Indja min-nofs is-snin tmenin ’l hawn. Skond ir-rivista taʼ l-ambjent Down to Earth, din kienet sorpriża meta wieħed iqis il-ħsara li kien għamel ċiklun fl-1999 mal-kosta taʼ l-istat taʼ Orissa. Din il-kosta hija l-akbar post fid-dinja fejn ibidu dawn il-ħlejjaq li jinsabu fil-periklu li jinqerdu. Bejn it-13 u l-20 taʼ Marzu, iktar minn 1,230,000 fekruna telgħu mill-baħar, u 711,000 minnhom biedu l-bajd, avolja kien hemm 28,000 fekruna li nqatlu mil-laneċ tat-tkarkir qrib il-kosta. Hemm diversi affarijiet li huma taʼ theddida għal dawn il-fkieren. Fosthom hemm il-ħnieżer salvaġġi u l-klieb li jiklulhom il-bajd, nies li joqtlu l-fkieren b’mod illegali biex ibigħu laħamhom lin-nies li jqisuh bħala ikla speċjali, u l-laneċ tat-tkarkir li m’għandhomx l-apparat meħtieġ biex dawn il-fkieren ma jinqabdux fix-xbieki.
In-Nies Reliġjużi Jgħixu Iktar?
Skond Science News, “involviment regulari f’attivitajiet reliġjużi jimxi id f’id maʼ saħħa fiżika aħjar u ħajja itwal, skond analisi bl-istatistiċi taʼ 42 studju indipendenti li ġew pubblikati mill-1977 ’l hawn u li kienu ttrattaw dwar dan is-suġġett.” Din l-analisi kompliet turi li x-xjenzati jgħidu li fil-każ taʼ nies li jieħdu sehem f’attivitajiet reliġjużi, speċjalment meta jitħalltu maʼ nies oħra, kien hemm rati ogħla taʼ tul taʼ ħajja. Ġew proposti diversi raġunijiet għar-riżultati li sabu, fosthom li dawn l-individwi evitaw aġir riskjuż, kellhom stabbiltà fiż-żwieġ, inqas dipressjoni minħabba kwistjonijiet li m’hemmx kontroll dirett fuqhom, iktar kuntatti soċjali, u emozzjonijiet u attitudnijiet pożittivi. Rapport minnhom ikkonkluda li issa sabu li min jattendi attivitajiet reliġjużi b’mod regulari, ikollu ċans akbar taʼ ħajja itwal, partikolarment fost in-nisa. Uħud li jattendu attivitajiet reliġjużi b’mod regulari, qalu li sabu appoġġ akbar mingħand in-nies, kienu mdejqin inqas, u għamlu affarijiet iktar tajbin għal saħħithom.
Knisja Daqslikieku Vera
L-arċidjoċesi Kattolika taʼ Winnipeg, f’Manitoba, il-Kanada, qed tippjana li “tintroduċi sistema tal-kompjuter li tipprovdi lill-fidili ċ-ċans li joqogħdu jirriflettu, iqerru dnubiethom u jfittxu pariri pastorali online,” tirrapporta l-Calgary Herald. Richard Osicki, id-direttur tal-komunikazzjonijiet għall-arċidjoċesi, jittama li din is-sistema se tqanqal lil ħafna Kristjani li ma jipprattikawx ir-reliġjon tagħhom biex jerġgħu jibdew jieħdu sehem f’attivitajiet reliġjużi. Skond hu, madwar 75 fil-mija minnhom qatt ma jmorru knisja. Hu qal: “Aħna qed niftħu l-knisja lil hinn mill-bini fiżiku. Li rridu ngħidu hu li int tistaʼ tikkomunika m’Alla waqt li tkun bil-qegħda quddiem il-kompjuter tiegħek.”