Ħarsa bir-Reqqa Lejn Xagħrek
“FI KWALUNKWE żmien u kultura, ix-xagħar jirrivela xi ħaġa dwar l-individwu,” jinnota ktieb taʼ referenza. Mhux taʼ b’xejn, mela, li l-biċċa l-kbira tan-nies huma interessati ferm f’li jżommu xagħarhom b’saħħtu u attraenti.
Stenbaħ! staqsa xi mistoqsijiet komuni lil erbaʼ esperti fl-istil tax-xagħar dwar minn xiex inhu magħmul ix-xagħar u kif tieħu ħsiebu. Kif se naraw, xagħrek huwa iktar komplikat milli jidher.
Kif Jitlaʼ u Jaqaʼ x-Xagħar
M: Minn xiex inhu magħmul ix-xagħar?
T: Ix-xagħar fih il-keratina, proteina fformata minn ħjut irqaq. Kull xagħra toħroġ minn toqba fil-ġilda tar-ras imsejħa follikulu. Taħt kull follikulu hemm il-papilla, li jkun fiha ħafna vini u arterji. Il-papilla tipproduċi ċ-ċelluli tax-xagħar li mbagħad joħorġu mill-follikulu, u b’hekk tifforma x-xagħra.
M: Huwa maħsub li x-xagħar jikber iktar malajr meta taqtgħu. Veru dan?
T: Le. Xi nies jaħsbu li x-xagħar huwa sostnut mill-ġisem l-istess bħalma l-friegħi taʼ siġra jiġu sostnuti miz-zokk. Imma ladarba x-xagħar joħroġ mill-ġilda tar-ras, dan ikun bla ħajja. Għalhekk, il-qtugħ tax-xagħar ma jeffettwax kemm jikber.
M: Ix-xagħar għala jibjad?
T: Is-saff taʼ ġewwanett tax-xagħra fih materjal, li jissejjaħ pigment, li jagħti l-kulur lix-xagħar. Hekk kif iċ-ċelluli tal-pigment imutu, ix-xagħar jibjad; dan huwa parti mill-proċess tax-xjuħija. Meta x-xagħar jibjad kmieni, dan jistaʼ jkun minħabba xi ħaġa ġenetika jew minn xi mard. Madankollu, mhux veru li x-xagħar jibjad mil-lum għal għada. Il-kulur tax-xagħar joħroġ minn taħt il-ġilda tar-ras. Għalhekk, jeħtieġ iż-żmien biex jitlaʼ x-xagħar abjad (madwar 1.25 ċentimetru kull xahar) u jibda jidher fuq barra.
M: X’inhuma xi raġunijiet għala jaqaʼ x-xagħar?
T: Hija ħaġa normali li x-xagħar jaqaʼ. Bejn wieħed u ieħor, kulħadd jaqagħlu minn madwar 50 sa 80 xagħra kuljum. Imma meta raġel jitfartas mad-dawra tal-qorriegħa, din hija xi ħaġa ereditarja u mid-dehra tiġri minħabba żbilanċ taʼ l-ormoni. Dan jirriżulta f’li x-xagħar jaqaʼ u ma jerġax jitlaʼ. Meta jaqaʼ x-xagħar b’mod mhux normali, dan jissejjaħ alopeċja.a
M: Xi wħud jgħidu li x-xagħar jirrifletti s-saħħa taʼ persuna. Hija minnha din il-ħaġa?
T: Iva. Taħt il-ġilda tar-ras, id-demm jagħti n-nutriment lix-xagħar. Għalhekk, xagħar b’saħħtu juri li hemm provvista taʼ demm sostnut sew. Madankollu, wieħed nieqes minn ikel sustanzjuż jew li jabbuża mix-xorb alkoħoliku jistaʼ jsib li xagħru ma jibqax sabiħ u b’saħħtu, ladarba l-provvista taʼ demmu ma tkunx tistaʼ ssostnilu xagħru sew. Meta jaqaʼ x-xagħar jew ma jkunx b’saħħtu jistaʼ saħansitra jkun sinjal taʼ bidu taʼ xi marda jew tqala.
Kif Iżżomm il-Ġilda taʼ Rasek u Xagħrek b’Saħħithom
M: Iddeskrivi kif naħslu x-xagħar u l-ġilda tar-ras.
T: L-esperjenza wriet li l-biċċa l-kbira tan-nies li għandhom problemi bil-ġilda tar-ras xotta jaħslu xagħarhom taʼ spiss iżżejjed. M’għandniex xi ngħidu, iż-żejt f’xagħrek iżomm it-trab u l-brija, u dan jistaʼ jsodd il-pori li jwasslu għall-follikuli. Għalhekk, ikun meħtieġ li taħsel rasek regolarment. Imma dawn iż-żjut naturali jżommu l-ġilda ratba u jipproteġuhielek ukoll minn batterji li jagħmlu l-ħsara. Meta taħsel xagħrek taʼ spiss iżżejjed, int tkun qed ittellef il-ġilda taʼ rasek milli żżomm dan is-saff protettiv u toħloq problemi bħal ġilda xotta. Ħafna esperti dwar il-kura tax-xagħar jirrikkmandaw li taħsel rasek meta l-ġilda tar-ras jew ix-xagħar ikun maħmuġ. Nies b’xagħarhom żejtni għandhom jaħsluh iżjed drabi minn dawk li għandhom xagħarhom normali jew xott.
Meta taħsel xagħrek, ogħrok il-ġilda taʼ rasek. B’hekk, tkun qed tneħħi ċ-ċelluli mejtin u tgħin biex ikollok ċirkulazzjoni tajba tad-demm, li jagħti nutriment lil xagħrek. Ftakar biex tlaħlaħ xagħrek sew! Jekk ma tlaħlaħx idejk wara li tkun ħsilthom bis-sapun, il-ġilda tiegħek tixxotta u tinqasam. Bl-istess mod, jekk ma tlaħlaħx xagħrek sew, il-ġilda taʼ rasek issir xotta u bil-brija.
M: Kif tistaʼ tikkura ġilda tar-ras xotta?
T: Ixrob ħafna ilma, u kul ikel sustanzjuż. B’hekk, trattab il-ġilda tiegħek u ssostni l-provvista tad-demm. Uża shampoo li ma jkunx qawwi ħafna, u ogħrok il-ġilda taʼ rasek regolarment. Xi nies jużaw ukoll conditioners li jitħallew fuq ix-xagħar u żjut li jrattbu l-ġilda tar-ras.
L-Istil taʼ Xagħrek
M: Dak li jkun x’għandu jżomm f’moħħu meta jmur għand stilista tax-xagħar?
T: Jekk tkun trid tbiddel l-istil taʼ xagħrek, ħu miegħek stampa taʼ l-istil li trid u forsi taʼ l-istil li ma tridx. Kun ċar meta tesprimi dak li tixtieq u kemm ħin lest li tqattaʼ biex tieħu ħsieb xagħrek kuljum, ladarba ċerti stili tax-xagħar jeħtieġu iktar attenzjoni minn oħrajn. Żomm f’moħħok li normalment ikun hemm bżonn tmur għand l-istilista darbtejn jew tlieta qabel ma jidra sew it-tip taʼ xagħar li għandek u jsir midħla tiegħek. Għalhekk, taqtax qalbek u tbiddilx l-istilista tiegħek malajr!
Dak li Xagħrek Jgħid Dwarek
Il-kura u l-istil tax-xagħar huma modi taʼ kif tesprimi ruħek. Ix-xagħar ġie maqtugħ, imtawwal, illixxat, innokklat, miżbugħ, u magħmul fi stili differenti biex jinżamm mal-moda, mat-twemmin reliġjuż, u saħansitra maʼ l-ideat soċjali u politiċi. Ħares ħarsa bir-reqqa lejn xagħrek. X’jirrivela dwarek? Xagħar b’saħħtu bi stil pulit iżejjen lil dak li jkun u jaqlaʼ l-ammirazzjoni taʼ oħrajn.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “Alopecia—Living in Silence With Hair Loss,” fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 t’April, 1991.
[Stampi f’paġna 18]
Jekk tiekol ikel sustanzjuż u tixrob ħafna ilma tistaʼ tfejjaq ġilda tar-ras xotta
[Stampa f’paġna 18]
Li taħsel xagħrek taʼ spiss iżżejjed jistaʼ jtellef il-ġilda taʼ rasek milli żżomm iż-żjut protettivi
[Stampa f’paġna 18]
Li x-xagħar jibjad huwa parti normali mill-proċess tax-xjuħija