LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 8/8 pp. 24-27
  • Tinkwieta Int Fuq Xagħrek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tinkwieta Int Fuq Xagħrek?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kun Af dwar Xagħrek
  • Għandek Xagħar Griż?
  • Ix-​Xagħar Ħafif u t-​Tfartis
  • Kif Tieħu Ħsieb Xagħrek
  • Ħarsa bir-Reqqa Lejn Xagħrek
    Stenbaħ!—2001
  • Kif Kien Jidher Ġesù?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Stenbaħ!—2002
g02 8/8 pp. 24-27

Tinkwieta Int Fuq Xagħrek?

FORSI int wieħed mill-​ħafna wħud li kuljum iqattgħu ħafna ħin quddiem il-​mera jeżaminaw xagħarhom bir-​reqqa. Sew l-​irġiel u sew in-​nisa huma interessati f’xagħarhom, u kultant dan jistaʼ jinkwetahom xi ftit.

Kun Af dwar Xagħrek

Taf kemm hemm xagħar f’rasek? Bħala medja madwar 100,000. Kull xagħra ddum tikber bejn sentejn u sitt snin biss, mhux għal dejjem. Din imbagħad taqaʼ, u wara xi żmien tibda tielgħa xagħra ġdida mill-​istess por. Iċ-​ċiklu tal-​ħajja taʼ kull xagħra huwa msejjaħ iċ-​ċiklu tax-​xagħra. (Ara l-​kaxxa f’paġna 27.) Minħabba dan iċ-​ċiklu, anki jekk wieħed ma jkollux problema b’xagħru, kuljum jaqgħu minn 70 sa 100 xagħra b’mod naturali.

X’joħloq il-​varjetà li naraw fil-​kulur tax-​xagħar? The World Book Encyclopedia tispjega: “Fil-​biċċa l-​kbira l-​kulur tax-​xagħar huwa determinat mill-​ammont taʼ ċertu pigment sewdieni jagħti fil-​kannella msejjaħ melanina u minn kif dan ikun imqassam.” Il-​melanina hija pigment bijoloġiku li jinsab fix-​xagħar, fil-​ġilda, u fl-​għajnejn. Iktar ma jkun hemm pigment, iktar se jkun skur ix-​xagħar. Inqas ma jkun hemm melanina, iktar il-​kulur tax-​xagħar se jvarja minn iswed għal kannella, jew aħmar, jew bjond. Jekk ix-​xagħar ma jkollu l-​ebda traċċa taʼ melanina, dan ikun abjad qoton.

Dak li jinkwieta lil ħafna, apparti mill-​brija, huwa meta jaqaʼ x-​xagħar jew meta x-​xagħar isir griż.

Għandek Xagħar Griż?

Taʼ spiss, ix-​xagħar griż jitqies bħala sinjal taʼ xjuħija. U x-​xagħar abjad ġeneralment huwa meqjus bħala karatteristika tan-​nies kbar fl-​età. Huwa minnu li x-​xagħar abjad jiżdied maż-​żmien. Madankollu, hemm fatturi oħra minbarra l-​età li huma magħrufin li jikkawżaw ix-​xagħar griż, bħal dieti estremi. Ikun xi jkun is-​sess taʼ l-​individwu jew il-​kulur naturali tax-​xagħar, kulħadd jibjadlu xagħru—għalkemm dan jistaʼ jidher iktar faċilment fuq dawk li għandhom xagħarhom skur.

Minħabba x-​xagħar griż, xi wħud jistgħu jidhru akbar fl-​età, u għalhekk forsi jħossuhom konċernati dwar dan. Min-​naħa l-​oħra, hemm nies li minħabba li ma jkollhomx xagħar griż ikunu konċernati dwar l-​iżbilanċ li jkun hemm bejn id-​dehra u l-​età tagħhom.

Meta x-​xagħar jibjad, dan ma jfissirx li x-​xagħra tkun mietet. Fil-​fatt, il-​parti li tidher tax-​xagħar kollu tkun diġà mejta. Kull xagħra tibqaʼ nieżla taħt il-​ġilda. Dan it-​tarf huwa msejjaħ il-​basla u huwa l-​uniku parti ħajja. Il-​basla tiffunzjona bħala l-​fabbrika tax-​xagħar. Ix-​xagħra tifforma billi ċ-​ċelluli fil-​basla jinqasmu malajr. Din ix-​xagħra mbagħad tassorbi l-​melanina, li hi prodotta miċ-​ċelluli tal-​pigment. Għal din ir-​raġuni, jekk iċ-​ċelluli tal-​pigment jieqfu jipproduċu l-​melanina, ix-​xagħra se tkun bajda.

S’issa għadu ħadd ma jaf għala ċ-​ċelluli tal-​pigment jieqfu f’daqqa waħda milli jipproduċu l-​melanina. Għalhekk għadu ma nstab l-​ebda trattament definittiv li jżomm ix-​xagħra milli tibjad. Huwa magħruf ukoll li ċ-​ċelluli tal-​pigment li ma jkunux baqgħu jaħdmu għandhom mnejn jerġgħu jibdew jiffunzjonaw. Taʼ interess, il-​Bibbja fiha ħafna espressjonijiet marbutin max-​xagħar, u waħda mit-​tixbihat li ta Ġesù tirreferi għax-​xagħar abjad. Hu qal: “Inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda.” (Mattew 5:36) Bħalma jurina dan il-​kliem, il-​bniedem ilu jaf li m’huwiex kapaċi jżomm xagħru milli jibjad jew isib kura għal dan.

Xi wħud jipprovaw trattamenti ġodda, bħal li jinjettaw il-​melanina. Oħrajn jagħżlu li jiżbgħu xagħarhom, u dan żgur li m’huwiex xi ħaġa ġdida. Iż-​żebgħa tax-​xagħar kienet tintuża mill-​Griegi u r-​Rumani tal-​qedem. L-​Eġizzjani tal-​qedem kienu jużaw id-​demm tal-​barrin biex jiżbgħu xagħarhom. Huwa fatt magħruf li Erodi l-​Kbir, li kien jgħix fl-​istess żmien taʼ Ġesù Kristu, kien jiżbogħ xagħru li kien qed jibjad biex jaħbi l-​età tiegħu.

Madankollu, biex wieħed jibqaʼ jiżbogħ xagħru jeħtieġ il-​ħin u l-​isforz, u għal xi wħud dan jistaʼ joħloq problemi tal-​ġilda jew allerġiji. Anki jekk tiddeċiedi li tiżbogħ xagħrek li jkun qed jibjad, jistaʼ jiġi ż-​żmien li tkun trid tieqaf, u mbagħad ikollok biċċa xogħol sakemm teħles kompletament mill-​kulur. Sabiex naraw in-​naħa pożittiva, ix-​xagħar abjad jistaʼ jkollu dehra eleganti u jagħtik ċertu dinjità li qatt ma kellek qabel. Il-​Bibbja tgħid: “Ix-​xagħar abjad kuruna taʼ ġieħ, li tinkiseb b’ħajja tajba.”—Proverbji 16:31.

Ix-​Xagħar Ħafif u t-​Tfartis

Ix-​xagħar ħafif u t-​tfartis huma problemi komuni oħra tax-​xagħar. Dawn il-​problemi wkoll ilhom jeżistu ħafna. Fl-​Eġittu tal-​qedem fost l-​ingredjenti li kienu jużaw fir-​rimedji biex ma jaqax ix-​xagħar kien hemm ix-​xaħam taʼ l-​iljuni, l-​ippopotami, il-​kukkudrilli, il-​qtates, is-​sriep, u l-​wiżż. Illum wieħed jistaʼ jsib ħafna trattamenti għax-​xagħar u l-​ġilda tar-​ras li jintqal li huma effettivi, u kull sena jintefqu somom kbar taʼ flus għalihom.

It-tfartis iseħħ meta x-​xagħar ma jibqax jikber b’mod normali. Iċ-​ċiklu normali tax-​xagħar jistaʼ jiġi mfixkel minn xi ħaġa mhux tas-​soltu, bħal malnutrizzjoni, deni qawwi fit-​tul, jew xi tip taʼ mard tal-​ġilda. It-​tqala u l-​ħlas ukoll jistgħu jeffettwaw iċ-​ċiklu tax-​xagħar, u għalhekk ir-​ras tibda twaqqaʼ ħafna xagħar qabel ma jkun hemm xagħar ġdid lest biex jitlaʼ. Madankollu meta l-​kaġun taʼ dan jgħaddi, ix-​xagħar ma jibqax jaqaʼ, u ċ-​ċiklu tax-​xagħar jerġaʼ lura għan-​normal.

Problema oħra marbuta mat-​twaqqigħ tax-​xagħar hija l-​alopeċja.a Taʼ spiss, meta wieħed ikollu din il-​problema, ix-​xagħar jibda jaqaʼ rqajjaʼ rqajjaʼ. Studju mediku reċenti jissuġġerixxi li x’aktarx l-​alopeċja hija taqlib konness mas-​sistema taʼ l-​immunità.

L-​iktar problema komuni assoċjata mat-​taħfif tax-​xagħar hija meta r-​raġel jitfartas mad-​dawra tal-​qorriegħa. Dan jibda billi x-​xagħar taʼ fuq il-​moħħ jibda dieħel ’il ġewwa jew jibda jeħfief mal-​qorriegħa tar-​ras, u dan il-​proċess ikompli sejjer bil-​mod il-​mod. Iċ-​ċiklu tax-​xagħar ma jibqax normali f’dawn il-​partijiet effettwati u maż-​żmien jieqaf. The Encyclopædia Britannica tispjega: “Fil-​partijiet effettwati tar-​ras jitlaʼ tip taʼ xagħar irqiq ħafna msejjaħ vellus li jieħu post ix-​xagħar twil, pigmentat, u b’saħħtu li jkun qed imut.” Dan ifisser li sakemm iċ-​ċiklu tax-​xagħar ikompli għaddej, ix-​xagħar ikompli jeħfief u jaqaʼ malajr, u maż-​żmien ma jibqax jitlaʼ iżjed. Dan jirriżulta minħabba karatteristiċi ereditarji flimkien maʼ l-​ormoni fl-​irġiel.

It-tfartis mad-​dawra tal-​qorriegħa jistaʼ jibda minn kmieni fl-​adolexxenza, imma wisq probabbli jibda meta r-​raġel ikollu bejn it-​30 u l-​40 sena. Għalkemm ħafna rġiel jaqgħalhom xagħarhom b’dan il-​mod, ir-​rata tvarja bejn razza u oħra u bejn individwu u ieħor. Sfortunatament, s’issa għadha ma nstabet l-​ebda kura għal din il-​problema. Xi wħud jagħżlu li jilbsu parrokka jew li jagħmlu trapjanti tax-​xagħar. Ħafna jsibuha t’għajnuna li jieħdu ħsieb sew tax-​xagħar li jkun baqgħalhom biex ma jħalluhx ikompli jaqaʼ.

Il-​fatt li xi ħadd jgħid li qed jeħfiflu xagħru mhux dejjem ifisser li hu jkun qed jaqagħlu xagħru. Minflok, dan jistaʼ jfisser li x-​xagħar tal-​persuna jkun qed isir irqiq, jew eħfef, u b’hekk ix-​xagħar ikun qed jitlef il-​volum tiegħu. Kemm hi ħoxna xagħra? Skond stħarriġ li sar, din tistaʼ tvarja minn 50 mikron f’ċertu nies għall-​100 mikron f’nies oħrajn.b Ix-​xagħar jeħfief hekk kif wieħed jikber fl-​età. Forsi differenza taʼ ftit mikroni tistaʼ tidher insinifikanti. Imma jekk jogħġbok tinsiex li hemm 100,000 xagħra. Għalhekk, l-​iċken taħfif fi ftit xagħar jagħmel differenza kbira fil-​volum kollu.

Kif Tieħu Ħsieb Xagħrek

Ix-​xagħra tikber iżjed minn 10 millimetri kull xahar, u hija waħda mill-​iktar partijiet tal-​ġisem li tikber malajr. Meta tiġbor f’daqqa t-​tul kollu tax-​xagħar, issib li dan jikber iżjed minn 20 metru kuljum!

Għalkemm għadha ma nstabet l-​ebda kura bażika biex iżżomm ix-​xagħar milli jibjad jew jaqaʼ, hemm ħafna affarijiet x’nistgħu nagħmlu biex nieħdu ħsieb ix-​xagħar li għandna. Li nieħdu sustanzi biżżejjed u ntejbu ċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm f’rasna huma essenzjali. Dieti estremi jew ikliet mhux bilanċjati jistgħu jħaffu l-​proċess biex ix-​xagħar jibjad jew jaqaʼ. Xi professjonisti jissuġġerixxu li għandna naħslu xagħarna bix-​shampoo regolarment u nimmassaġġaw rasna, waqt li noqogħdu attenti li ma nigirfuhiex b’difrejna. Dan jgħin biex fir-​ras ikun hemm ċirkulazzjoni tad-​demm tajba. Wara li taħsel rasek bix-​shampoo, laħlaħha sew.

Tużax il-​brush bis-​saħħa. Jekk għandek xagħrek twil, ikun tajjeb li meta tagħmlu bil-​brush għall-​ewwel ma tagħmlux f’daqqa minn fuq s’isfel. Minflok, l-​ewwel żomm xagħrek u neħħi l-​għoqod li jkollok fit-​truf. Imbagħad, agħmel min-​nofs ’l isfel. Fl-​aħħar, niżżel xagħrek kollu bil-​mod u agħmlu kollu minn fuq s’isfel.

Il-fatt li tinnota li jkollok xagħar griż jew li qed jibda jaqagħlek xagħrek jistaʼ jikkonċernak xi ftit. Imma ftakar li normalment ħaddieħor mhux se joqgħod jinkwieta dwar xagħrek daqskemm tinkwieta int. Hija l-​għażla tiegħek jekk tiżbogħx xagħrek jew le, tużax parrokka jew le, jew tużax xi trattament ieħor. Hu x’inhu l-​kulur taʼ xagħrek u għandek kemm għandek xagħar, l-​iktar importanti hu li żżommu nadif u pulit.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​Awake! tat-​22 t’April, 1991, paġna 12.

b Mikron huwa wieħed minn elf taʼ millimetru.

[Kaxxa/Dijagramma f’paġna 27]

IĊ-​ĊIKLU TAX-​XAGĦAR

Ix-​xagħar tagħna jikber f’ċikli. Dan jikkonsisti minn fażi taʼ tkabbir, fażi qasira taʼ tibdil, u fażi taʼ mistrieħ. The World Book Encyclopedia tispjega li x-​xagħra ma tibqax tikber matul il-​fażi taʼ mistrieħ. Ix-​xagħra l-​qadima tibqaʼ fil-​follikulu sal-​fażi taʼ tkabbir li jkun imiss. Matul il-​fażi taʼ tkabbir, ix-​xagħra l-​qadima taqaʼ hekk kif ix-​xagħra l-​ġdida tikber u timbotta l-​oħra ’l barra mill-​follikulu. F’kull żmien, waqt li bejn 85 u 90 fil-​mija tax-​xagħar ikun fil-​fażi attiva, bejn 10 u 15 fil-​mija jkunu fil-​fażi taʼ mistrieħ u 1 fil-​mija jkun fil-​fażi taʼ tibdil.

[Dijagramma]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Tkabbir tal-​bidu

Tkabbir attiv

follikulu

vini u arterji tad-​demm

glandola taż-​żejt

xaft tax-​xagħar

Tmur lura

Fażi taʼ mistrieħ

Tikber mill-​ġdid

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 24]

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja