Jistaʼ Jerġaʼ Jkun Hawn Olokawst Ieħor?
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-ISVEZJA
MIS-26-28 taʼ Jannar, 2000, il-kapijiet taʼ l-Istat u rappreżentanti taʼ 48 gvern minn madwar id-dinja ltaqgħu fil-kapitali taʼ l-Isvezja għall-Forum Internazzjonali taʼ Stokkolma dwar l-Olokawst. Xi stqarrijiet li saru mill-podju rrivelaw li l-mexxejja dinjin qed jibżgħu li jerġaʼ jidħol in-Naziżmu. Ehud Barak, li qabel kien il-Prim Ministru Iżraeljan, qal: “Din il-konferenza qed tagħti messaġġ lid-dinja kollha: Ħadd qatt m’għandu jerġaʼ jittollera, imkien f’wiċċ id-dinja, reġim li jġib ħsara u qtil u diskriminazzjoni fost il-bnedmin minħabba r-reliġjon, ir-razza jew il-kulur tagħhom.”
Ma Jinteressax Biss lil-Lhud
Ħafna nies madwar id-dinja jorbtu t-terminu “Olokawst” mal-Lhud biss. Madankollu, kien hemm vittmi oħrajn ukoll. Fis-Sinagoga l-Kbira taʼ Stokkolma matul il-forum saret ċerimonja li ġibdet ħafna l-attenzjoni tal-pubbliku għax fakkret l-Olokawst Lhudi. Matulha, il-prim ministru taʼ l-Isvezja ssuġġerixxa li ssir wegħda solenni li l-arkivji kollha taʼ madwar id-dinja jinfetħu ħalli l-pubbliku jkun jaf x’ġara matul l-Olokawst. “Ħalli n-nies ikunu jafu,” hu qal, “dwar il-ġenoċidju tar-Roma [Żingari], il-qtil tal-massa taʼ nies b’diżabilità u l-persekuzzjoni u l-qtil taʼ l-omosesswali, dawk taʼ opinjoni differenti u x-Xhieda taʼ Jehovah.”
Il-gvern Svediż ħareġ ktieb dwar l-Olokawst li jismu Tell Ye Your Children (Għidu lil Uliedkom), li tqassam b’xejn lill-familji kollha bit-tfal mal-pajjiż kollu. Din il-pubblikazzjoni tinnota li x-Xhieda taʼ Jehovah “rrifjutaw li jaħilfu li jagħtu l-alleanza tagħhom lil Hitler u lill-Ġermanja Nazista. Reżistenza bħal din hija eċċezzjonali għax kieku sempliċement kienu jiffirmaw dokument li fih jiddikjaraw l-alleanza tagħhom kien jeħlishom mill-persekuzzjoni—madankollu ftit aċċettaw din l-għażla.”
L-Olokawst u x-Xhieda taʼ Jehovah
Fl-1933, kien hemm madwar 25,000 mix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja. Eluf minnhom kienu fost l-ewwel uħud li ġew mitfugħin fil-kampijiet u l-ħabsijiet tan-Nazi. Bħala Kristjani baqgħu newtrali f’kull tip t’attività politika u militari. Ma kinux jgħidu “Heil Hitler.” Irrifjutaw li jaċċettaw l-ideoloġija razzista tan-Nazi u li jkunu parti mill-organizzazzjoni politika u militari taʼ Hitler. Mietu madwar 2,000, b’iktar minn 250 minnhom b’esekuzzjoni.
Barra minn hekk, ix-Xhieda fil-ħabs għenu lil dawk li kienu fil-ħabs magħhom sabiex jissaportu, inkluż lil-Lhud u oħrajn. Dan għamluh billi nisslu fihom it-tama bbażata fuq il-Bibbja u billi qasmu kulma kellhom maʼ wħud morda u dgħajfa, għax taʼ spiss kienu joffru ftit mill-aħħar biċċa ħobż tagħhom. Ukoll, matul l-ewwel snin taʼ persekuzzjoni min-Nazi, huma kienu jibagħtu barra informazzjoni bil-moħbi dwar l-eżistenza tal-kampijiet tal-konċentrament u x’kien qed jiġri hemmhekk. Minn dakinhar ’l hawn, fir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! li jiċċirkolaw mad-dinja kollha, ippubblikaw diversi artikli li jitkellmu dwar l-atroċitajiet tan-Nazi kif ukoll l-esperjenzi taʼ dawk li baqgħu ħajjin.
Fost id-delegati għall-Forum Internazzjonali taʼ Stokkolma dwar l-Olokawst kien jidher ċertu biżaʼ li se jerġaʼ jqum in-Naziżmu. Il-Professur Yehuda Bauer, id-direttur taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudji dwar l-Olokawst fl-Istitut tal-Poplu Lhudi Kontemporanju, fl-Iżrael, esprimieh b’dan il-mod: “Peress li diġà ġara darba, jistaʼ jerġaʼ jiġri, mhux bl-istess mod, mhux bilfors lill-istess nies, mhux mill-istess nies, imma lil kull xorta taʼ persuni minn kull xorta taʼ persuni. Qatt ma kien hawn bħalu, imma issa hemm il-preċedent.”
[Stampa f’paġna 12]
It-trijanglu vjola kien jidentifika lix-Xhieda taʼ Jehovah fil-kampijiet
[Stampi f’paġna 12, 13]
1. Julius Engelhardt, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, ngħata l-mewt min-Nazi fi Brandenburg fl-14 t’Awissu, 1944
2. Tlieta mix-Xhieda taʼ Jehovah sejrin lura d-dar wara li ġew meħlusin minn Sachsenhausen, fl-1945
3. Elsa Abt, Xhud li ġiet separata minn bintha żgħira u ntbagħtet il-ħabs għal kważi tliet snin
[Sors]
Nordrhein-Westfälisches Hauptstaatsarchiv, Düsseldorf
[Stampi f’paġna 13]
Ix-Xhieda li salvaw jirrakkontaw l-istejjer tagħhom f’dawn il-vidjos