L-Ivvjaġġar bl-Ajru Għadu Ħieles mill-Periklu?
INĦATFU erbaʼ ajruplani tal-passiġġieri. L-erbgħa li huma kkraxxjaw. Il-qerda taʼ bini storiku magħruf. L-immaġni taʼ l-ajruplan tal-passiġġieri bin-numru 767 jitkisser f’wieħed mit-Twin Towers murija għal darba wara l-oħra fuq it-televixin.
L-attakki tal-11 taʼ Settembru, 2001, ġabuna f’era ġdida tal-biżaʼ f’dik li hi vjolenza terroristika. Il-linji taʼ l-ajru saru mezz użat biex iwassal għall-qtil, u l-ajruplani saru apparat li jisplodi u jikkaġuna nar qawwi.
Minħabba f’hekk, inħoloq tip ġdid taʼ wħud beżgħanin li jivvjaġġaw bl-ajru: Dawk li kienu jħossuhom fis-sigurtà, iżda issa jinsabu mwerwrin minħabba l-possibbiltà li jseħħu xi attakki terroristiċi. Iktar minn hekk, serje taʼ inċidenti bl-ajruplani li ma kellhomx x’jaqsmu mat-terroriżmu wara l-11 taʼ Settembru żiedet il-biżaʼ taʼ ħafna li jivvjaġġaw bl-ajru.
Huwa minnu li l-ivvjaġġar bl-ajru huwa lussu li miljuni taʼ nies madwar id-dinja lanqas biss joħolmu li jagħmluh. Madankollu, għal oħrajn l-ivvjaġġar bl-ajru huwa xi ħaġa li għandhom bżonn jagħmluha fuq bażi regulari. Għal dawk li jaħdmu f’xogħlijiet li jirrikjedu safar spiss minħabba n-negozju, il-fatt li jitilgħu fuq ajruplan huwa inevitabbli. Il-missjunarji u l-ministri Kristjani spiss ikollhom jagħmlu titjiriet twal lejn l-inkarigi tagħhom u lura. Anki għan-nies foqra, l-ajruplan kultant ikun l-uniku mezz taʼ trasport addattat waqt emerġenza medika. U eluf taʼ piloti u ekwipaġġi tat-titjiriet jaqilgħu l-għajxien tagħhom billi jivvjaġġaw bl-ajru.
Ħafna minn dawn l-uħud li jivvjaġġaw bl-ajru, għalkemm forsi jkunu mbeżżgħin huma stess, qed ikollhom jikkalmaw l-ansjetà tas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom jew il-biżaʼ tat-tfal qabel ma jitilqu mid-dar. U hekk kif it-titjiriet li darba kienu rutina saru esperjenzi diffiċli, dawk li jivvjaġġaw qed jitħassbu dwar jekk l-ajru għadux il-mod kif jippreferu jivvjaġġaw.
Biex jiddiskuti din il-kwistjoni, Stenbaħ! ikkonsulta maʼ xi esperti tas-sigurtà, maʼ wħud li jaħdmu fl-ajruporti, maʼ uffiċjali tal-linji taʼ l-ajru, u maʼ wħud li jaħdmu fil-manutenzjoni taʼ l-ajruplani. Ilkoll jidhru li jaqblu dwar dan: Għalkemm l-ivvjaġġar bl-ajru baqaʼ wieħed mill-iktar mezzi taʼ vvjaġġar ħieles mill-periklu, theddid ġdid jirrikjedi miżuri ġodda sabiex tiżdied is-sigurtà għall-pubbliku li jivvjaġġa.
L-artikli li jmiss se jiddiskutu l-isfidi involuti u x’tista tagħmel int personalment sabiex iżżid is-sigurtà u l-kumdità tiegħek waqt li tkun qiegħed fuq xi titjira.