“Fissazzjoni” fuq it-Telefons Ċellulari
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-ĠAPPUN
“LEBLIEBA għat-Telefons Ċellulari Qed Issir Kważi Fissazzjoni,” qal titlu t’artiklu f’gazzetta fil-Ġappun, The Daily Yomiuri. Fissazzjoni? “Iż-żgħażagħ donnhom li jqisu t-telefons ċellulari tagħhom bħala parti minnhom stess u saħansitra ġieli jibdew jippanikkjaw jekk ma jkollhomx it-telefon ċellulari magħhom,” spjegat il-gazzetta. Maħkumin minn biżaʼ li jinqatgħu minn oħrajn, ħafna jħallu t-telefon ċellulari mixgħul il-ħin kollu, kullimkien. Jekk “ma jirċivux messaġġi fuq it-telefon ċellulari tagħhom, iħossuhom ansjużi u nervużi, u jibdew jaħsbu li m’huma maħbubin minn ħadd.” Din l-ansjetà ġġagħalhom iwieġbu l-messaġġi li jirċievu mill-ewwel, xi ħaġa li spiss ma tkunx neċessarja.
M’għandniex xi ngħidu, it-telefons ċellulari jistgħu jkunu siewja. Fil-fatt, dawn taʼ spiss kienu t’għajnuna kbira f’sitwazzjonijiet t’emerġenza. Anki l-użu ġenerali tat-telefon ċellulari m’huwiex neċessarjament ħażin, sakemm dan isir b’mod bilanċjat. Imma xi awtoritajiet jgħidu li l-“fissazzjoni” fuq it-telefon ċellulari tistaʼ tħassar il-kapaċitajiet normali tal-komunikazzjoni. Għalliema taʼ l-iskola sekondarja f’Osaka tinsab inkwetata għaliex minħabba t-telefons ċellulari “t-tfal qed jitilfu l-abbiltà li jinterpretaw l-espressjoni tal-wiċċ, l-imġiba, u t-ton tal-vuċi t’oħrajn. Minħabba dan, qed tiżdied l-aggressività fost it-tfal kif ukoll l-indifferenza lejn is-sentimenti t’oħrajn,” qalet il-gazzetta.
L-artiklu kkonkluda: “Jidher inevitabbli li fil-futur id-dipendenza tat-tfal fuq it-telefon ċellulari se tiżdied. L-uniku mod kif jistgħu jitnaqqsu l-effetti negattivi taʼ din it-tendenza hu billi l-adulti jagħtu eżempju tajjeb lit-tfal fl-użu tat-telefon ċellulari.”