Mingħand il-Qarrejja
Pulizija Nixtieq nirringrazzjakom għas-serje t’artikli “Il-Pulizija—Għala Għandna Bżonnhom?” (8 taʼ Lulju, 2002) Tliet snin ilu, missieri miet f’ħabta bil-karozza. Żewġ uffiċjali tal-pulizija lokali taw din l-aħbar lill-familjari tagħna u offrew l-għajnuna u l-kondoljanzi tagħhom. Wieħed minnhom saħansitra ħaddan lil ommi waqt li nfaqgħet tibki. Jiena ċerta li qatt m’huwa faċli għal dawn l-uffiċjali biex jieħdu ħsieb affarijiet bħal dawn, iżda x’nagħmlu mingħajrhom?
D. E., Stati Uniti
Is-serje t’artikli dwar il-pulizija ġagħlitni nistaqsi mistoqsija. Ikun xieraq li Xhud taʼ Jehovah jagħżel dan it-tip taʼ xogħol? Jiena naħseb li jekk tqum xi ġlieda, għandu mnejn li jkollok bżonn tuża arma tan-nar, forsi anki tispiċċa toqtol lil xi ħadd.
J. S., Awstralja
“Stenbaħ!” iwieġeb: Din is-serje t’artikli tagħna wriet ftit mix-xogħol utli li jagħmlu l-pulizija biex iżommu l-ordni u jipprovdu servizzi neċessarji oħra. Ħafna Xhieda taʼ Jehovah jevitaw impjieg li jkun jirrikjedi li jġorru arma tan-nar, ladarba ma jridux ikunu ħatja tad-demm billi joqtlu lil xi ħadd. (Eżodu 20:13; Mattew 26:51, 52) Madankollu, taʼ min jinnota li hemm ħafna nies impjegati maʼ aġenziji li jinforzaw il-liġi li m’għandhomx għalfejn iġorru xi tip taʼ arma, u f’xi pajjiżi ħafna mill-pulizija m’għandhomx għalfejn iġorru arma tan-nar.
Għadni kif spiċċajt naqra l-artikli li jitkellmu dwar kemm għandna bżonn il-pulizija. L-artikli ġew miktuba b’mod tajjeb ħafna u wrew ix-xogħol diffiċli li għandhom il-pulizija biex jipprovaw iżommu miżura t’ordni f’din id-dinja daqshekk mimlija taħwid. Fis-snin 70, jien u marti qdejna bħala qaddejja li jivvjaġġaw, u qgħadna f’appartament fil-kantina taʼ Sala tas-Saltna qadima waqt li konna qed naqdu f’kongregazzjoni fil-qalba tal-belt. Kienet is-sħana, u għalhekk kellna nbexxqu t-tieqa biex tkun tistaʼ tidħol ftit arja. Fis-sagħtejn taʼ fil-għodu, marti qamet minħabba li kien hemm żewġt irġiel ħdejn it-tieqa. Jien smajthom jitkellmu. Wieħed minnhom qal li s-soltu t-tieqa tkun magħluqa. L-ieħor qal li wisq probabbli kien hemm xi ħadd ġewwa, minħabba li kien hemm il-karozza pparkjata. Dawn kienu pulizija, u milli jidher kienu jiċċekkjaw regolarment għas-sigurtà tas-Sala tas-Saltna. Imbagħad stajna norqdu iktar b’moħħna mistrieħ.
P. S., Stati Uniti
L-artikli fuq il-pulizija waslu fil-waqt—speċjalment wara l-attakk terroristiku fuq il-World Trade Center u l-Pentagon, fl-Istati Uniti. Jalla dan għenna niżviluppaw iktar apprezzament lejn il-pulizija, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar, u ħaddiema oħra pubbliċi li kienu responsabbli biex jipproteġu liċ-ċittadini u l-propjetà, mhux biss mit-terroriżmu imma anki mill-atti kriminali in ġenerali.
H. B., Stati Uniti
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu Nixtieq nirringrazzjakom minn qalbi għall-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Nistaʼ Nagħmel biex Inkun Iktar Attraenti?” (8 t’Awissu, 2002) Jien għandi 22 sena, u dan l-artiklu inkuraġġieni biex intejjeb il-kwalitajiet ġewwinija tiegħi. L-ewwel mira li għandi hi li nitgħallem nuri l-kwalità tal-ħlewwa. L-iktar ħaġa importanti li nixtieq hi li nsir sabiħa f’għajnejn Jehovah. Jekk jogħġobkom komplu ippubblikaw artikli sbieħ bħal dawn.
A. H., Ġappun
Dan l-artiklu messli qalbi. Jien għandi 18-il sena, u kultant ninsa kemm hu importanti li naħdem fuq il-kwalitajiet spiritwali tiegħi. Mil-lum ’il quddiem, bl-għajnuna taʼ Jehovah, jien determinata li nikkultiva l-frott taʼ l-ispirtu.—Galatin 5:22, 23.
M.R.A., Brażil
Matul dawn l-aħħar sentejn, taʼ spiss kont naħseb jekk ħaddieħor kienx isibni attraenti, u xi drabi kont inħoss li d-dehra tiegħi ma kinitx attraenti biżżejjed. Wara li qrajt dan l-artiklu, apprezzajt iżjed il-fatt li jekk inkun qaddejja t’Alla nistaʼ nkun attraenti għalih u din hi l-iktar ħaġa importanti.
I. P., Stati Uniti