LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 8/8 pp. 29-31
  • Nifhmu d-Dipressjoni Wara t-Twelid taʼ Tarbija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nifhmu d-Dipressjoni Wara t-Twelid taʼ Tarbija
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kundizzjonijiet Differenti
  • Il-​Kaġuni
  • Titqies Bħala Marda Vera
  • Il-​Kura
  • Oħrajn Kif Jistgħu Jgħinu?
  • Id-Dipressjoni Wara t-Twelid taʼ Tarbija—Kif Irnexxieli Negħlibha
    Stenbaħ!—2002
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2003
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2003
  • Id-Dipressjoni—Kif Tikkuraha
    Stenbaħ!—2009
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 8/8 pp. 29-31

Nifhmu d-​Dipressjoni Wara t-​Twelid taʼ Tarbija

X’għandi ħażin? Għadni kemm wellidt tarbija b’saħħitha u mill-​isbaħ. Għandi nkun ferħana u kburija, imma tgħidx kemm inħossni mdejqa u ansjuża, u anki rrabjata. M’iniex tajba jien biex inkun omm? Għalfejn jien daqshekk dipressa?

BĦALA omm ġdida, għandek mnejn esperjenzajt sentimenti bħal dawn t’hawn fuq. Jekk inhu hekk, m’intix waħdek. Huwa magħruf li bejn wieħed u ieħor minn 70 sa 80 fil-​mija taʼ l-​ommijiet ġodda jħossuhom hekk minn żmien għall-​ieħor. Imma x’inhija d-​dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija (postpartum depression), u għalfejn taqbdek? Kif tistaʼ tkampa maʼ din id-​dipressjoni? X’għajnuna jistgħu jagħtu l-​membri tal-​familja u oħrajn?

Kundizzjonijiet Differenti

It-​terminu “dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija” jirreferi għal ċertu żmien taʼ dipressjoni wara l-​ħlas taʼ tarbija. Dan jistaʼ jiġri wara t-​twelid taʼ kwalunkwe tarbija u mhux taʼ l-​ewwel waħda biss. Persuna tistaʼ tgħaddi minn ċerti perijodi taʼ dipressjoni saħansitra wara xi korriment jew meta ttemm xi tqala. Skond l-​Uffiċċju għas-​Saħħa tan-​Nisa tad-​Dipartiment tas-​Servizzi Umani u tas-​Saħħa taʼ l-​Istati Uniti, il-​gravità tas-​sintomi tvarja ħafna.

Ħafna nisa jesperjenzaw qalb sewda wara t-​twelid taʼ tarbija, jew baby blues, karatterizzata minn ftit dwejjaq, ansjetà, bdil fil-​burdata, għeja, u jibda jdejjaqhom kollox. Din il-​kundizzjoni hija kunsidrata normali u ma tiħux fit-​tul, u titlaq sa madwar għaxart ijiem wara l-​ħlas mingħajr ebda għajnuna medika.

Madankollu, il-​Kulleġġ Amerikan taʼ l-​Ostetriki u l-​Ġinekoloġi jikkalkula li bejn wieħed u ieħor għal omm ġdida minn kull għaxra, dawn is-​sentimenti jiggravaw u jieħdu iktar fit-​tul mill-​ewwel ftit ġranet. Jistgħu anki jitfaċċaw wara diversi xhur mit-​twelid. Din tistaʼ tkun id-​dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija żviluppata għalkollox, meta s-​sentimenti taʼ dwejjaq, ansjetà, jew disprament tant ikunu kbar li l-​omm il-​ġdida jkollha problemi biex tlaħħaq max-​xogħol tagħha taʼ kuljum.

Ukoll, bejn 1 u 3 ommijiet ġodda f’kull 1,000 ibatu minn forma iktar gravi taʼ dipressjoni li tissejjaħ psikosi wara t-​twelid taʼ tarbija (postpartum psychosis), li fiha l-​omm tistaʼ tibda taħseb jew tara affarijiet li ma jkunux minnhom u li ħafna drabi jkollhom x’jaqsmu maʼ li tweġġaʼ lilha nfisha jew lit-​tarbija tagħha. Din il-​kundizzjoni taʼ l-​aħħar ikollha bżonn attenzjoni medika immedjata.a

Il-​Kaġuni

M’hemm l-​ebda kaġun ċar għad-​dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija. Hemm involuti kemm fatturi fiżiċi kif ukoll fatturi emozzjonali. Fattur fiżiku minnhom jistaʼ jkun li fl-​ewwel 24 sa 48 siegħa wara t-​twelid, il-​livelli taʼ l-​estroġenu u l-​proġesteron jinżlu ħafna, inqas minn qabel it-​tqala, u dan joħloq bidla f’daqqa fil-​mod kif jaħdem il-​ġisem. Dan jistaʼ jikkaġuna d-​dipressjoni bħalma ż-​żmien taʼ qabel il-​perijodu menstruwali jikkaġuna bdil fil-​burdati u tensjoni. Il-​livelli taʼ l-​ormoni li tipproduċi t-​tirojde jistgħu jinżlu wkoll wara l-​ħlas. Dan jistaʼ jirriżulta f’sintomi li jixbhu lil dawk tad-​dipressjoni. Minħabba dawn ir-​raġunijiet, ir-​riċerkaturi qegħdin isejħu lid-​dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija bħala “taqliba fir-​reazzjonijiet kimiċi tal-​ġisem u taʼ l-​ormoni.”

Taʼ interess, gazzetta dwar il-​mediċina tgħid li d-​dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija tistaʼ tkun kawżata minn żbilanċ fin-​nutriment, forsi nuqqas taʼ vitamini B-complex.

L-għeja u n-​nuqqas taʼ rqad jistgħu jkollhom x’jaqsmu wkoll. It-​Tabib Steven I. Altchuler, psikjatra fil-​Klinika Mayo f’Minnesota, l-​Istati Uniti jgħid: “Fil-​perijodu taʼ ftit wara l-​ħlas, in-​nuqqas t’enerġija flimkien maʼ li ma tkunx tistaʼ torqod jagħmlu problemi żgħar jidhru ħafna iktar gravi. Xi nisa jistgħu jħossuhom frustrati meta jaraw li qed ikollhom diffikultà biex ilaħħqu maʼ l-​affarijiet li kienu jlaħħqu magħhom tajjeb qabel ma xtraw, meta ma kellhomx il-​baby blues, u meta kien ikollhom lejl sħiħ taʼ mistrieħ.” Fatturi emozzjonali bħal xi tqala mhux mistennija, twelid qabel iż-​żmien, nuqqas taʼ libertà, tħassib dwar is-​sbuħija, u nuqqas t’appoġġ minn oħrajn ukoll jistgħu jżidu mad-​dipressjoni.

Barra minn dan, hemm diversi għajdut ieħor dwar li tkun omm li jistaʼ jkun parti mill-​kawża għala mara tħossha dipressa u tħossha li kulma tagħmel huwa ħażin. Dawn jinkludu l-​idea li l-​abbiltajiet taʼ omm jiġu mill-​istint, li r-​rabta bejn l-​omm u t-​tarbija trid issir immedjatament, li t-​tarbija se tkun perfetta u li qatt ma se jkollha burdata ħażina, u li l-​omm il-​ġdida trid tkun perfetta. Fir-​realtà dan m’huwiex minnu. L-​abbiltajiet biex tkun omm trid titgħallimhom, ir-​rabta bejn l-​omm u t-​tarbija ħafna drabi tieħu ż-​żmien, xi trabi huma eħfef biex tieħu ħsiebhom minn oħrajn, u l-​ebda omm ma hija xi superwoman.

Titqies Bħala Marda Vera

Sa ftit taż-​żmien ilu, id-​dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija ħafna drabi ma kinitx tittieħed bis-​serjetà. Dr. Laurence Kruckman jgħid: “Fil-​passat, kwistjonijiet dwar is-​saħħa mentali tan-​nisa ħafna drabi ġew injorati u meqjusa bħala isteriżmu, li mhux importanti. Il-​manwal li jgħinek tagħraf il-​mard (DSM IV) li ħarġet l-​Għaqda Amerikana tal-​Psikjatrija qatt m’aċċetta kompletament li jeżisti mard taʼ wara t-​twelid, u bħala riżultat, it-​tobba ma ġewx edukati dwaru u lanqas ma nkisbet informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha. . . . U kuntrarju għal 30 sena ilu, l-​ommijiet iħallu l-​isptar fi żmien 24 siegħa. Ħafna mill-​psikożi, dwejjaq u ċerta dipressjoni taʼ wara t-​twelid jibdew minn tlett ijiem sa 14-il ġurnata wara l-​ħlas. B’hekk l-​ommijiet ikunu diġà qegħdin id-​dar u ma jkunux eżaminati mill-​professjonisti li jkunu jafu bis-​sintomi.”

Skond it-​Tabiba Carol E. Watkins minn assoċjazzjoni taʼ psikjatri ġo Baltimore, Maryland, jekk id-​dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija tibqaʼ ma tingħarafx jew ma tingħatax kura, tistaʼ twassal għal dipressjoni li ddum u toħloq diffikultà biex issir rabta bejn l-​omm u t-​tarbija. Ommijiet dipressi jistgħu juru indifferenza u jinjoraw il-​bżonnijiet tat-​tarbija tagħhom jew, kuntrarju għal dan, jitilfu t-​tempra u jużaw dixxiplina fiżika biex jikkoreġu lit-​trabi tagħhom. Dan jistaʼ jeffettwa b’mod negattiv l-​iżvilupp tar-​raġunar u l-​emozzjonijiet tat-​tfal.

Per eżempju, l-​artiklu mill-​gazzetta American Family Physician jikkummenta li tfal żgħar taʼ ommijiet dipressi jmorru inqas tajjeb f’testijiet li jsiru apposta biex jaraw kemm it-​tfal jafu jirraġunaw, minn tfal li ommijiethom ma jkunux dipressi. Iktar minn hekk, id-​dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija tistaʼ teffettwa ħażin lit-​tfal l-​oħra u lir-​raġel.

Il-​Kura

X’jistaʼ jsir? Għandek sempliċement tibqaʼ għaddejja bla ma turi ebda sinjal taʼ dgħjufija? Huwa taʼ faraġ li tkun taf li nstab li d-​dipressjoni taʼ wara t-​twelid taʼ tarbija hija kemm temporanja kif ukoll tistaʼ titfejjaq.b Il-​mistrieħ kif ukoll l-​appoġġ mill-​familja jistgħu jkunu dak kollu li hemm bżonn meta jkun hemm sintomi ħfief, però, meta d-​dipressjoni tibda tfixkel il-​ħidma normali tiegħek, dan ikun sinjal li hemm bżonn attenzjoni medika, jgħid l-​Uffiċċju għas-​Saħħa tan-​Nisa.

Kura komuni hija l-​medikazzjoni bl-​anti-dipressanti,c li titkellem maʼ xi espert tas-​saħħa mentali, kura għall-​ormoni, jew xi wħud minn dawn il-​kuri flimkien, skond kemm ikun gravi l-​każ. Meta tieħu ħsieb tat-​tarbija bil-​metodu magħruf bħala Kangarù, jew f’kuntatt maʼ ġisimha, id-​dipressjoni taʼ l-​omm tistaʼ tonqos.d Hemm ukoll kuri alternattivi bħall-​ħxejjex, l-​agupuntura, u l-​mediċini taʼ l-​omeopatija.

Madankollu, hemm xi affarijiet li int tistaʼ tagħmel personalment sabiex tkampa. Fosthom hemm li tiekol dieta nutrittiva (li tinkludi frott, ħaxix, u ċereali magħmulin mill-​qamħ sħiħ [whole-grain]); tevita l-​kafeina, l-​alkoħol, u z-​zokkor; tagħmel eżerċizzju moderat; u li tieħu nagħsa meta t-​tarbija tkun rieqda. Zoraya, omm Kristjana li kienet tibki fil-​għodu, f’nofsinhar, u fil-​għaxija għal ġranet sħaħ wara li wildet tifla b’saħħitha tgħid li dak li għenha biex toħroġ mid-​dipressjoni kien li malajr kemm jistaʼ jkun terġaʼ taqbad ir-​rutina tagħha fl-​attività tal-​ministeru bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah.​—Ara l-​kaxxa li hawn għal iktar pariri.

Oħrajn Kif Jistgħu Jgħinu?

Ladarba fattur li jikkontribwixxi għad-​dipressjoni taʼ wara t-​twelid huwa n-​nuqqas taʼ mistrieħ kemm hemm bżonn, oħrajn jistgħu jgħinu billi jagħmlu xi faċendi tad-​dar u anki jieħdu ftit ħsieb it-​tarbija. L-​istudji juru li fejn il-​familja estiża dejjem tkun lesta biex tagħti l-​għajnuna u l-​istruzzjoni, ikun hemm inqas minn din id-​dipressjoni. Ħafna drabi wieħed jistaʼ jkun t’għajnuna kbira billi sempliċement ikun semmiegħ li jipprova jifhem is-​sentimenti taʼ l-​omm il-​ġdida, billi jqawwilha qalbha, u billi jevita li jikkritikaha jew li jiġġudikaha. Ftakar, din id-​dipressjoni hija marda fiżika u m’hijiex xi ħaġa li l-​persuna ġġibha fuqha stess. Bħalma tgħid organizzazzjoni waħda li teduka lill-​ġenituri dwar id-​dipressjoni wara t-​twelid, “mara ma tistax tikkontrolla ruħha bħalma ma tistax tagħmel dan li kieku taqbadha l-​influwenza, id-​dijabete, jew xi mard tal-​qalb.”

Minn dak li ssemma, nistgħu naraw li minkejja li l-​perijodu taʼ wara t-​twelid taʼ tarbija jistaʼ jkun żmien ferrieħi għal ommijiet ġodda, jistaʼ wkoll ikun żmien stressanti. Meta nifhmuh, se nkunu nistgħu nagħtu l-​appoġġ li jkollhom bżonn l-​ommijiet ġodda.

[Noti taʼ taħt]

a Id-dipressjoni wara t-​twelid taʼ tarbija m’għandhiex tiġi mfixkla maʼ l-​istress wara xi ġrajja trawmatika (post-traumatic stress disorder), li xi ommijiet iħossu wara ħlas stressanti, għalkemm it-​tnejn li huma jistgħu jinħassu fl-​istess perijodu.

b Ara l-​artiklu “Id-​Dipressjoni wara t-​Twelid taʼ Tarbija—Kif Irnexxieli Negħlibha,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 t’Awissu, 2002.

c Xi drogi jistgħu jniġġsu l-​ħalib taʼ l-​omm, għalhekk jekk tixtieq treddaʼ tkellem mat-​tabib tiegħek għall-​iktar għażla xierqa.

d Ara l-​artiklu “‘Il-​Kura tat-​Trabi fl-​Istil tal-​Kangarù’—Soluzzjoni għal Meta l-​Ħajja Tkun Mhedda?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Ġunju, 2002.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 31]

Pariri biex Tkampa mad-​Dipressjoni taʼ wara t-​Twelid taʼ Tarbija

1. Tkellem maʼ xi ħadd dwar kif qed tħossok, partikolarment maʼ ommijiet oħra.

2. Itlob lil oħrajn biex jgħinuk tieħu ħsieb it-​tarbija, tagħmel il-​faċendi tad-​dar u l-​qadjiet. Itlob lil żewġek biex xi drabi jitmaʼ lit-​tarbija hu bil-​lejl u anki biex jgħin fil-​faċendi tad-​dar.

3. Sib ħin għalik innifsek biex tagħmel xi ħaġa li tieħu gost biha, anki jekk għal 15-il minuta biss kuljum. Ipprova aqra, imxi mixja, jew ħu xi banju rilassanti.

4. Anki jekk tistaʼ tlesti ħaġa waħda biss f’ġurnata, dan huwa pass fid-​direzzjoni t-​tajba. Jistaʼ jkun hemm ġranet meta ma tkun tistaʼ tlesti xejn. Ipprova tirrabjax miegħek innifsek meta jiġrilek hekk.

5. Meta tinqataʼ għalik tistaʼ ttawwal id-​dipressjoni. Ilbes, u oħroġ mid-​dar imqar għal ftit ħin kuljum. Naqra arja friska u bidla fl-​ambjent taʼ madwarek jistgħu jagħmlu ħafna ġid kemm lilek kif ukoll lit-​tarbija.

[Sors]

Meħudin mill-​Akkademja Amerikana tat-​Tobba tal-​Familja, mill-​Kulleġġ Amerikan taʼ l-​Ostetriki u l-​Ġinekoloġi, u mill-​Uffiċċju għas-​Saħħa tan-​Nisa.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja