LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 10/8 pp. 4-9
  • Il-Komunikazzjoni fid-Dinja taʼ Madwarna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Komunikazzjoni fid-Dinja taʼ Madwarna
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sinjali bir-​Riħa
  • Pjanti “Jitkellmu”
  • ‘Kodiċi taʼ Morse’ bid-​Dawl
  • Esperti tal-​Kant Kollhom Rix
  • Komunikazzjoni taħt l-​Ilma
  • L-​Iktar Komunikaturi li Jispikkaw fid-​Dinja
  • Nikkomunikaw Ġewwa l-Familja u fil-Kongregazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • L-annimali
    Stenbaħ!—2015
  • Il-Komunikazzjoni—Vitali għan-Nisġa tal-Ħajja fuq l-Art
    Stenbaħ!—2003
  • Dwettisti li jgħaxxquk
    Stenbaħ!—1999
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 10/8 pp. 4-9

Il-​Komunikazzjoni fid-​Dinja taʼ Madwarna

“Mingħajr il-​komunikazzjoni, kull individwu jkun sempliċement bħal gżira iżolata mill-​gżejjer l-​oħra bħalha.”—The Language of Animals.

F’PARTI minn foresta, savanna, jew saħansitra fil-​ġnien tiegħek stess, għadd taʼ annimali għandhom mnejn jinsabu għaddejjin jikkomunikaw bejniethom. Il-​ktieb The Language of Animals (Il-Lingwa taʼ l-​Annimali) jgħid: “L-​annimali jużaw is-​sensi kollha, iċaqalqu partijiet taʼ ġisimhom u l-​pożizzjoni; jibagħtu u jirċievu sinjali b’riħa sottili—jew mhux daqstant sottili fil-​każ taʼ dak l-​annimal li jitfaʼ riħa tinten meta jibżaʼ (skunk); jagħmlu ħsejjes irqaq, ħoxnin, ikantaw u jpespsu; jibagħtu u jirċievu sinjali elettriċi; jitfgħu d-​dawl; jibdlu l-​kulur tal-​ġilda; ‘jiżfnu;’ u saħansitra jtektku u jriegħdu l-​uċuħ li jimxu fuqhom.” Iżda xi jfissru dawn is-​sinjali kollha?

Ix-xjenzati jiskopru t-​tifsira tas-​sinjali taʼ l-​annimali billi josservawhom sew. Per eżempju, huma osservaw li meta l-​bantam (serduq żgħir domestiku) jilmaħ predatur taʼ l-​art bħall-​ballottra, il-​bantam jagħmel ħoss taʼ kuk, kuk, kuk b’nota għolja ħalli jwissi lill-​bantam l-​oħrajn. Imma jekk jara seqer, il-​bantam jagħmel twerżiqa waħda u twila. Il-​bantam l-​oħrajn jirreaġixxu mill-​ewwel skond l-​għajta tat-​theddida, u dan jindika li l-​għasafar jikkomunikaw informazzjoni utli lil xulxin. Ġew osservati għasafar oħra li jagħmlu sejħiet li jispikkaw bħal dawn.

Il-ktieb Songs, Roars, and Rituals (Għanjiet, Għajjat, u Ritwali) jgħid: “Wieħed mill-​modi prinċipali kif tistudja l-​komunikazzjoni taʼ l-​annimali hu billi tirrekordja s-​sinjal li tkun trid u mbagħad issemmgħu lill-​annimali u tara jekk iwiġbux kif tkun qed tistenniehom li jagħmlu.” It-​testijiet li saru lill-​bantam taw l-​istess riżultati kif ġew osservati fis-​salvaġġ. Il-​metodu jaħdem anki mal-​brimb. Sabiex jiddeterminaw x’inhu dak li fiż-​żmien tan-​namra jiġbed lill-​brimba ħaddiela nisa lejn dawk irġiel—li jipprovaw jimpressjonaw lin-​nisa billi jxejrulhom saqajhom sufin taʼ quddiem—ir-​riċerkaturi esperimentaw billi ġibdu l-​vidjo taʼ brimba raġel u bil-​kompjuter neħħewlu t-​trofof tas-​suf minn saqajh. Meta wrew il-​vidjo lill-​brimba, f’daqqa waħda tilfet l-​interess. X’tgħallmu minn dan l-​esperiment? Jidher ċar li l-​brimba ħaddiela mara tinġibed biss lejn l-​irġiel li jkollhom saqajhom sufin!

Sinjali bir-​Riħa

Ħafna annimali jitfgħu sinjali lil xulxin billi bil-​moħbi joħorġu kimiċi qawwija msejħa feromoni, li ġeneralment jiġu minn glandoli speċjali, jew permezz taʼ l-​awrina jew il-​ħmieġ tagħhom. L-​istess bħalma ċint u tabella bl-​isem jew bin-​numru jidentifikaw il-​proprjetà taʼ xi bniedem, il-​feromoni jindikaw jew jimmarkaw it-​territorju taʼ ċerti annimali, inkluż il-​klieb u l-​qtates. Għalkemm ma jidhirx, dan il-​mod tant effettiv kif l-​annimali taʼ l-​istess speċi jħallu l-​marki jgħinhom iżommu l-​aħjar distanza minn xulxin.

Iżda l-​feromoni jagħmlu iktar milli sempliċement jimmarkaw it-​territorju. Huma bħal tabella kimika li annimali oħrajn “jaqraw” b’interess kbir. Il-​ktieb How Animals Communicate (Kif Jikkomunikaw l-​Annimali) jgħid li l-​marki bir-​riħa “probabbilment jinkludu iktar informazzjoni dwar ir-​resident, bħall-​età, is-​sess, is-​saħħa fiżika u abbiltajiet oħra, [u] l-​fażi taċ-​ċiklu produttiv li jkun fiha dak il-​ħin . . . Ir-​riħa tal-​marka taʼ l-​annimal hija bħall-​passaport tiegħu biex juri min hu.” Nistgħu nifhmu għala xi annimali jiħduhom bl-​akbar serjetà l-​marki bir-​riħa li jħallu—fatt magħruf sew maʼ dawk li jieħdu ħsieb xi żu. Wara li jkunu ħaslu l-​gaġeġ jew il-​postijiet fejn jiġġerrew l-​annimali, huma nnotaw li ħafna annimali mill-​ewwel jerġgħu jimmarkaw l-​inħawi tagħhom. Fil-​fatt, “meta ma jxommux ir-​riħa tagħhom stess iħossuhom stressati u jibdew iġibu ruħhom b’mod stramb u saħansitra jsiru sterili,” tgħid ir-​referenza li kkwotajna qabel.

Il-feromoni għandhom ukoll irwol importanti fil-​qasam taʼ l-​insetti. Per eżempju, il-​feromoni taʼ twissija jġagħlu lill-​insetti jinġemgħu f’post differenti u jġagħluhom jattakkaw. Tip ieħor taʼ feromoni jiġbdu lill-​insetti individwali lejn sors fejn jiksbu l-​ikel jew lejn post addattat fejn ibejtu. Dawn jinkludu l-​feromoni sesswali, li xi kreaturi huma sensittivi ferm għalihom. Id-​dud tal-​ħarir raġel għandu żewġ antenni elaborati li jidhru qishom weraq tal-​felċi żgħar u delikati. Dawn l-​antenni tant huma sensittivi li jistgħu jindunaw anki b’molekula waħda tal-​feromon sesswali tan-​nisa! Xi 200 molekula jqanqlu lir-​raġel biex jibda jfittex għall-​mara. Madankollu, il-​komunikazzjoni kimika ma ssibhiex fl-​annimali biss.

Pjanti “Jitkellmu”

Kont taf li l-​pjanti jistgħu jikkomunikaw bejniethom u anki maʼ ċerti annimali? Ir-​rivista Discover tirrapporta li r-​riċerkaturi fl-​Olanda osservaw li l-​pjanti tal-​fażola taʼ Lima, meta jiġu attakkati mill-​brimb aħmar, jitfgħu kimika li ssejjaħ għall-​għajnuna u tattira dud ieħor li jikkaċċja l-​brimb aħmar. Bl-​istess mod, il-​qamħirrum, it-​tabakk, u l-​qoton, meta jiġu invaduti mix-​xagħat (caterpillar), jitfgħu kimiċi fl-​arja li jiġbdu ż-​żunżan—għadu qattiel tax-​xagħat. Riċerkatriċi waħda qalet: “Il-​pjanti mhux biss jgħidu, ‘Iva, saritli l-​ħsara,’ imma huma jgħidu speċifikament min qed jagħmlilhom il-​ħsara. Kemm hija sistema dettaljata u meraviljuża.”

Hu affaxxinanti wkoll kif il-​pjanti jikkomunikaw bejniethom. Skond id-​Discover, ir-​riċerkaturi “qabdu s-​siġar taż-​żafżaf, tal-​luq, taʼ l-​alnu, u tal-​betula jisimgħu lill-​ispeċi tagħhom stess u ż-​żerrigħat tax-​xgħir jisimgħu liż-​żerrigħat tax-​xgħir l-​oħra. F’kull każ, il-​pjanti li saritilhom il-​ħsara, jew għax ittieklu mix-​xagħat, jew għax ġew infettati mill-​fungu jew il-​moffa, [jew] għax tħarbtu mill-​brimb aħmar, . . . jitfgħu kimiċi li donnhom iqanqlu lill-​pjanti mhux imħassra li jkunu fil-​qrib biex jiddefendu lilhom infushom.” Anki pjanti li m’humiex taʼ l-​istess speċi wieġbu għal twissijiet kimiċi.

Meta pjanta tkun qed tiġi attakkata jew tiġi mwissija minħabba xi attakk, din tuża l-​protezzjoni tagħha stess. Din tinkludi tossiċi li joqtlu l-​insetti jew sustanzi kimiċi li jfixklu jew saħansitra jwaqqfu lill-​invażur milli jiekol il-​pjanta. Iktar riċerka f’dan il-​qasam affaxxinanti għandha mnejn twassal għal skoperti iktar meraviljużi, li xi wħud minnhom jistgħu wkoll ikunu taʼ benefiċċju għall-​biedja.

‘Kodiċi taʼ Morse’ bid-​Dawl

“Il-​lampi żgħar tagħhom fl-​arja, iteptpu taħt il-​kwiekeb, żejnu l-​inħawi ordinarji ’l barra mill-​belt fejn kont ngħix b’sentiment meraviljuż li jsaħħrek,” kitbet l-​ekoloġista Susan Tweit f’artiklu dwar il-​musbieħ il-​lejl. Tweit tgħid li dawn l-​insetti tal-​familja tal-​ħanfusa jużaw il-​komunikazzjoni bid-​dawl li tvarja minn sempliċi dawl taʼ twissija għal tidwil fejn raġel jistaʼ jsejjaħ biex mara tagħżlu u waħda min-​nisa twieġbu biex jiġi ħdejha. Il-​kulur tad-​dawl tagħhom ivarja minn aħdar għal isfar għal oranġjo. Minħabba li n-​nisa ma tantx itiru, ħafna mit-​tidwil li naraw huwa taʼ l-​irġiel.—Ara l-​kaxxa “Id-​Dawl Kiesaħ tal-​Musbieħ il-​Lejl.”

Kull waħda mill-​1,900 speċi differenti tal-​musbieħ il-​lejl għandha stil uniku taʼ kif itteptep id-​dawl. Jistgħu jteptpu tliet darbiet, b’xi sekonda bejn kull teptipa, jew iteptpu ħafna drabi wara xulxin u jdumu għal ħinijiet differenti u b’intervalli varji bejniethom. Meta jkun qed ifittex sieħba, il-​musbieħ il-​lejl maskili joqgħod jittajjar u jitfaʼ d-​dawl bil-​kodiċi tiegħu tan-​namra. “Il-​mara tagħraf xi jfisser it-​teptip u twieġeb billi titfaʼ teptipa li tfisser ‘Hawn jien’ fl-​intervall addattat għall-​ispeċi tagħha,” tgħid ir-​rivista Audubon. Ir-​raġel jagħraf l-​invit silenzjuż tagħha u jtir lejha.

Esperti tal-​Kant Kollhom Rix

“Il-​kant taʼ l-​għasafar ma jistaʼ jitqabbel maʼ l-​ebda ħsejjes oħra taʼ annimal ieħor fid-​dewmien, il-​varjetà u d-​dettalji li jipproduċu,” jgħid David Attenborough fil-​ktieb tiegħu The Life of Birds (Il-Ħajja taʼ l-​Għasafar). Il-​kant taʼ l-​għasafar ma jiġix mill-​gerżuma iżda mill-​organu li jinsab ’l isfel f’sider l-​għasfur qrib fejn il-​pajp tan-​nifs jinqasam qabel ma jgħaddi għal ġol-​pulmuni.

L-għasafar jirtu ftit mill-​kapaċità taʼ l-​għana u l-​bqija jitgħallmuh mill-​ġenituri. Għalhekk, l-​għasafar jistgħu saħansitra jkollhom aċċenti differenti f’postijiet differenti. The Life of Birds jgħid: “Il-​malvizzi suwed ġejjin minn dawk li ttieħdu mill-​Awstralja matul is-​seklu dsatax biex ipaxxu l-​widna taʼ dawk li marru joqogħdu fl-​Ewropa bi ħsejjes li kienu jisimgħu f’pajjiżhom, u issa għandhom aċċenti Awstraljani li jintgħarfu malajr.” L-​għana taʼ l-​għasfur lira raġel, li jingħad li huwa l-​iktar għana taʼ l-​għasafar komplikat u melodjuż, jitgħallmu kważi kompletament minn għasafar oħra. Fil-​fatt, l-​għasafar lira tant huma kapaċi jimitaw li jistgħu jimitaw kważi kull ħoss li jisimgħu—inkluż l-​istrumenti mużikali, il-​klieb jinbħu, il-​ħoss li jagħmel allarm tal-​ħallelin, id-​daqqiet tal-​mannara, u saħansitra ċertu ħoss tal-​kamera tar-​ritratti! M’għandniex xi ngħidu, din l-​imitazzjoni kollha ssir primarjament biex timpressjona lil xi sieħeb potenzjali.

It-​tektieka tas-​siġar, li s-​soltu jużaw il-​munqar biex iħaffru għall-​ikel, huma l-​professjonisti tat-​tnabar tad-​dinja taʼ l-​għasafar. Dawn jagħtu sinjali lill-​għasafar l-​oħra billi jħabbtu l-​munqar tagħhom maʼ xi zokk jew fergħa taʼ siġra li tkun vojta minn ġewwa. Xi wħud saħansitra “jieħdu vantaġġ minn strumenti ġodda eċċitanti . . . , xi biċċa saqaf tal-​ħadid immewweġ jew maʼ xi ċumnija tal-​metall,” jgħid Attenborough. L-​għasafar jikkomunikaw ukoll b’affarijiet li jidhru, kemm jekk bil-​mużika jew mingħajrha. Per eżempju, jistgħu jitfgħu sinjali lil xulxin billi juru r-​rix tagħhom li jkollu kuluri mill-​isbaħ.

Meta jkun qed juri fejn hu t-​territorju tiegħu, tip taʼ kakatuwa raġel mill-​Awstralja jagħmel minn kollox—iħabbat, ikanta, jiċċaqlaq bir-​ritmu, u juri rixu. Hu jaqtaʼ fergħa tajba, jaqbadha b’siequ, u jtektikha fuq zokk mejjet. Fl-​istess ħin, jiftaħ ġwinħajh, jgħolli r-​rix taʼ fuq rasu, iċaqlaq rasu ’l quddiem u lura, u jwerżaq twerżiq għoli—verament wirja spettakolari!

Ċerti sejħiet taʼ l-​għasafar jintgħarfu wkoll minn annimali oħra. Ikkunsidra għasfur żgħir qisu merill li jissejjaħ il-​honey guide (gwida taʼ l-​għasel), li jinsab l-​iktar fl-​Afrika. Bħalma jissuġġerixxi ismu, il-​honey guide (Lingwi Sigrieti tal-​Baħar), bl-​għajta partikulari tiegħu, jistaʼ jmexxi lir-​ratel, annimal mill-​familja tal-​ballottra, lejn siġra li jkun fiha xehda għasel. Meta l-​għasfur jieqaf fuq jew ħdejn is-​siġra, jibda jagħmel sejħa differenti li fil-​fatt tgħid: “Hawn l-​għasel fil-​qrib!” Ir-​ratel isib is-​siġra, jiftaħ iz-​zokk b’difrejh, u jissodisfa l-​aptit tiegħu għall-​ħelu.

Komunikazzjoni taħt l-​Ilma

Minn meta beda jeżisti l-​idrofonu, apparat li bih tistaʼ tismaʼ taħt l-​ilma, ir-​riċerkaturi baqgħu mistagħġba bl-​ammont kbir taʼ ħsejjes li jkun hemm f’qiegħ il-​baħar. Il-​ħsejjes ivarjaw minn dawk baxxi għal twerżiq ukoll, u tant hemm minnhom li l-​baħħara fuq is-​sottomarini ħadu vantaġġ minnhom biex jgħattu l-​ħsejjes tas-​sottomarini stess. Iżda l-​ħsejjes tal-​ħut ma jsirux bl-​addoċċ. Fil-​ktieb tiegħu Secret Languages of the Sea, il-​bijologu tal-​baħar Robert Burgess jgħid: “Waqt li ħuta waħda tistaʼ ‘tqażqaż, tqaqi, jew tinbaħ’ u mbagħad terġaʼ tagħmel eżatt l-​istess ħaġa, ħuta oħra għandha mnejn ‘ittektek, iċċaqċaq,’ u mbagħad darb’oħra tagħmel ħoss bħallikieku qed tobrox u tħakkek.”

Peress li m’għandhomx kordi tal-​leħen, il-​ħut kif jirnexxilhom jagħmlu l-​ħsejjes? Burgess jgħid li xi wħud jużaw il-​muskoli “mqabbdin mal-​ġnub tal-​bużżieqa tal-​ħut biex iċaqalqu dawn il-​ġnub sakemm il-​bużżieqa” tibda tidwi bħal tanbur. Ħut ieħor jheżżeż snienu jew jiftaħ u jagħlaq l-​għatu taʼ fuq il-​garġi u jagħti daqqa jew iċapċap b’mod partikulari. Huwa dan sempliċi “tlablib” bla sens? Milli jidher ma tantx. Bħall-​annimali taʼ fuq l-​art, il-​ħut jagħmel il-​ħsejjes biex “jiġbed lil tas-​sess oppost, biex isib mnejn għandu jgħaddi, bħala difiża mill-​għadu, u biex jikkomunika b’mod ġenerali u biex ibeżżaʼ,” jgħid Burgess.

Ukoll, il-​ħut jismaʼ tajjeb ħafna. Fil-​fatt, ħafna speċi għandhom il-​widnejn minn ġewwa kif ukoll linja taʼ ċelluli li huma sensittivi għall-​pressjoni u li jinsabu tul nofs il-​ġnub tagħhom. Din ir-​ringiela taʼ ċelluli, li tissejjaħ il-​linja laterali, tistaʼ tagħraf il-​mewġ tal-​pressjoni li jinħoloq mill-​ħoss hekk kif ikun għaddej fl-​ilma.

L-​Iktar Komunikaturi li Jispikkaw fid-​Dinja

“Meta nistudjaw il-​lingwa tal-​bniedem,” kiteb il-​professur tal-​lingwistika Noam Chomsky, “inkunu qed noqorbu lejn dik li xi wħud isejħulha ‘l-​essenza umana,’ il-​kwalitajiet distintivi tal-​moħħ li, safejn nafu aħna, jinsabu fil-​bniedem biss.” Il-​professoressa tal-​lingwistika u taʼ l-​iżvilupp tal-​bniedem, Barbara Lust qalet li hija ħaġa taʼ l-​għaġeb li tfal taʼ 3 snin biss diġà jkunu jafu kif jgħaqqdu s-​sentenzi bil-​lingwa partikulari. Din hija ħaġa tant komplikata u preċiża li huwa diffiċli ħafna biex waħda mit-​teoriji li jeżistu dwar kif wieħed jitgħallem tispjega kif it-​tfal jagħmlu dan.

Madankollu, il-​Bibbja tagħti spjegazzjoni raġunevoli għall-​miraklu tal-​lingwa tal-​bniedem. Turi li din l-​għotja ġejja mingħand il-​Ħallieq, Alla Jehovah, li għamel il-​bnedmin fuq “xbihietu.” (Ġenesi 1:27) Imma kif nistgħu naraw xi karatteristiċi t’Alla fl-​abbiltà tagħna tal-​lingwa?

Per eżempju, ejja nieħdu l-​ismijiet. Il-​professur tal-​komunikazzjoni bil-​kliem Frank Dance kiteb li l-​bnedmin “huma l-​uniċi ħlejjaq li jistgħu jagħtu l-​ismijiet.” Fl-​Iskrittura jidher ċar li din hija karatteristika t’Alla. Fil-​bidunett tar-​rakkont tal-​ħolqien, il-​Bibbja tgħidilna li “d-​dawl Alla semmieh jum, u d-​dlam sejjaħlu lejl.” (Ġenesi 1:5) Skond Isaija 40:​26, jidher ċar li Alla ta isem lil kwiekeb kollha—biċċa xogħol taʼ l-​għaġeb!

Wara li Alla ħalaq lil Adam, wieħed mill-​ewwel proġetti li tah kien li jsemmi l-​annimali. Min jaf kemm dan l-​inkarigu kien taʼ sfida għall-​osservazzjoni u l-​kreattività taʼ Adam! Iktar tard, Adam semma lil martu Eva. Min-​naħa tagħha, hi semmiet lill-​ewwel tifel tagħha Kajjin. (Ġenesi 2:​19, 20; 3:​20; 4:1) Minn dakinhar, il-​bnedmin ma qagħdux lura milli jsemmu kulma jaraw—u dan kollu għall-​benefiċċju tal-​komunikazzjoni. Iva, immaġina kemm tkun diffiċli l-​komunikazzjoni intelliġenti mingħajr ismijiet.

Minbarra li għandhom l-​abbiltà u x-​xewqa li jsemmu l-​affarijiet, il-​bnedmin għandhom abbiltajiet oħra tal-​komunikazzjoni, u mhux kollha jsiru bil-​kliem. Tabilħaqq, tistaʼ tgħid li m’hemmx limitu għal dak li nistgħu naqsmu maʼ xulxin, minn ideat komplikati sa sentimenti li jkunu verament teneri. Però, hemm forma partikulari taʼ komunikazzjoni li tisboqhom kollha, kif se naraw issa.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

ID-​DAWL KIESAĦ TAL-​MUSBIEĦ IL-​LEJL

Bozza li titfaʼ d-​dawl abjad titlef iktar minn 90 fil-​mija taʼ l-​enerġija tagħha fi sħana. Id-​dawl tal-​musbieħ il-​lejl, li jiġi permezz taʼ reazzjonijiet kimiċi komplikati, hu effiċjenti minn 90 sa 98 fil-​mija, u ma jaħli kważi xejn fi sħana. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li jissejjaħ dawl kiesaħ. Ir-​reazzjonijiet kimiċi li jifformaw id-​dawl iseħħu f’ċelluli speċjali li jissejħu photocytes. In-​nervituri jitfu u jixegħlu dawn iċ-​ċelluli.

[Sors]

John M. Burnley/Bruce Coleman Inc.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 8, 9]

SUĠĠERIMENTI UTLI BIEX ITTEJJEB L-​ABBILTAJIET TIEGĦEK TAL-​KOMUNIKAZZJONI

1. Ħu interess waqt li tismaʼ lil oħrajn jitkellmu, u tiddominax il-​konversazzjonijiet. In-​nies mhux se jagħtu kas taʼ kelma pronunzjata ħażin jew xi żball fil-​grammatika, iżda mhux se jagħmlu ħbieb maʼ xi ħadd li jrid jitkellem iżda mhux jismaʼ. Il-​Bibbja tgħid: “Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem.”—Ġakbu 1:19.

2. Interessa ruħek fil-​ħajja u fl-​affarijiet taʼ madwarek. Aqra fuq diversi suġġetti iżda kun għaqli fl-​għażla tiegħek. Meta tiddiskuti dwar dak li titgħallem, ibbilanċja l-​konversazzjoni bil-​modestja u l-​umiltà.—Salm 5:6 [5:5 NW]; Proverbji 11:2.

3. Kabbar il-​vokabolarju tiegħek—iżda bi kliem prattiku, mhux b’termini impressjonanti li se jiġbdu l-​attenzjoni lejn il-​kelliemi. In-​nies qalu dwar Ġesù: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-​bniedem!” (Ġwanni 7:46) Madankollu, anki dawk li kienu “sempliċi u bla tagħlim” ma sabuhiex diffiċli biex jifhmu l-​kliem taʼ Ġesù.—Atti 4:13.

4. Tkellem b’mod ċar, u lissen il-​kliem kif suppost. Imma ipprova tinstemax preċiż iżżejjed jew titkellem b’mod mhux naturali biex tipprova timpressjona lil oħrajn. Meta nitkellmu sew u noqogħdu lura milli nqassru jew inħaffu l-​kliem, inkunu qed nitkellmu b’dinjità u nuru qalb tajba lis-​semmiegħa tagħna.—1 Korintin 14:​7-9.

5. Irrikonoxxi li l-​abbiltajiet tiegħek tal-​komunikazzjoni huma għotja mingħand Alla. Dan se jqanqlek biex tirrispetta dawn l-​abbiltajiet kif inhu xieraq.—Ġakbu 1:17.

[Stampa f’paġna 5]

Id-​dud tal-​ħarir għandu antenni li huma verament sensittivi

[Sors]

Courtesy Phil Pellitteri

[Stampa f’paġna 6, 7]

It-​tektiek tas-​siġar

[Stampa f’paġna 7]

L-​għasfur tal-​ġenna

[Sors]

© Michael S. Yamashita/CORBIS

[Stampa f’paġna 7]

Tip taʼ kakatuwa

[Sors]

Roland Seitre

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja