Agħti lit-Tfal Dak li Jeħtieġu
JIDHER ċar li t-tfal żgħar għandhom bżonn ħafna attenzjoni, u jidher ukoll li ħafna minnhom mhux qed jingħataw dak li għandhom bżonn. Il-kundizzjoni taż-żgħażagħ taʼ llum tissuġġerixxi li dan huwa minnu. “Iż-żgħażagħ tagħna qatt ma kienu daqshekk imbiegħda mill-familji tagħhom, daqshekk imċaħħda mill-esperjenza u l-għerf prattiku,” ilmentat riċerkatriċi li ġiet kwotata f’The Globe and Mail taʼ Toronto, il-Kanada.
Liema żball sar? Jistaʼ jkun li t-tort tal-problema, jew għallinqas parti minnu, ġej minħabba li ma nirrealizzawx kemm hu importanti li nagħtu l-attenzjoni lil dawk ċkejknin ħafna? “Ilkoll kemm aħna rridu nitgħallmu kif insiru ġenituri,” tispjega psikologa li tgħin lin-nisa li jaqilgħu paga baxxa jitgħallmu kif jieħdu ħsieb it-trabi żgħar tagħhom. “U rridu nirrealizzaw li ż-żmien li nqattgħu maʼ wliedna issa se jiġi premjat bil-kbir.”
Anki t-trabi għandhom bżonn taħriġ regulari. Mhux biss ftit minuti ’l hawn u ’l hemm imma regolarment—iva, matul il-jum kollu. Il-ħin li nqattgħu maċ-ċkejknin minn meta jkunu trabi huwa vitali biex huma jiżviluppaw tajjeb.
Il-Bżonn li Ssir Preparazzjoni
Biex iwettqu r-responsabbiltà tqila li għandhom, il-ġenituri jridu jippreparaw għall-wasla tat-tarbija tagħhom. Jistgħu jitgħallmu minn prinċipju li semma Ġesù Kristu dwar l-importanza taʼ li nippjanaw bil-quddiem. Hu qal: “Min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa?” (Luqa 14:28) It-trobbija tat-tfal—li spiss tissejjaħ proġett t’20 sena—hija ħafna iktar komplikata mill-bini taʼ torri. Allura biex trabbi tifel u tirnexxi teħtieġ pjan għal din il-biċċa xogħol.
L-ewwelnett, il-preparazzjoni mentali u spiritwali hija importanti biex terfaʼ r-responsabbiltajiet taʼ ġenitur. Fi studju li sar fil-Ġermanja fuq 2,000 mara tqila nstab li t-tfal t’ommijiet li kienu ħerqanin biex ikollhom familja kienu iktar b’saħħithom—emozzjonalment u fiżikament—mit-tfal taʼ l-ommijiet li ma ridux lit-trabi tagħhom. Mill-banda l-oħra, wieħed riċerkatur ikkalkula li mara li tkun maqbuda fi żwieġ kollu ġlied għandha riskju akbar b’237 fil-mija li jkollha tarbija bi ħsara emozzjonali jew fiżika minn mara li jkollha relazzjoni hienja.
Allura, jidher ċar li l-missirijiet għandhom irwol importanti biex it-tarbija tiżviluppa kif suppost. It-Tabib Thomas Verny innota: “Hemm ftit affarijiet li huma iktar perikolużi, emozzjonalment u fiżikament, għal tarbija minn missier li jabbuża jew jittraskura lil martu li tkun tqila.” Tabilħaqq, spiss jiġi notat li l-aqwa rigal li jistaʼ jingħata lit-tarbija hu missier li jħobb lil ommha.
L-ormoni relatati maʼ l-ansjetà u l-istress, li jiġru fid-demm taʼ l-omm, jistgħu jeffettwaw il-fetus. Madankollu, l-evidenza donnha tindika li huwa biss meta l-omm iġġarrab ansjetà qawwija u fit-tul, minflok xi emozzjonijiet negattivi u ġrajjiet stressanti taʼ kultant, li jkun hemm il-periklu. Milli jidher l-iktar ħaġa importanti hi kif l-omm tqila tħares lejn it-tarbija li tkun għadha ma twilditx.a
Xi ngħidu jekk int tqila u żewġek ma jappoġġakx, jew inkella int stess m’intix kuntenta li se ssir omm? M’hijiex xi ħaġa stramba li xi ċirkustanzi jistgħu jġagħlu lil mara tħossha mdejqa dwar it-tqala. Madankollu, dejjem ftakar li t-tarbija tiegħek m’għandhiex tort. Allura, kif tistaʼ żżomm attitudni kalma minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli?
Id-direzzjoni għaqlija provduta fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja, għenet lil ħafna wħud. Din tgħid: “Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” Se tibqaʼ skantat kemm il-fatt li tgħix skond dan il-kliem se jgħinek issegwi dan il-parir: “Tħabbtu raskom b’xejn.” (Filippin 4:6, 7) Se tħoss l-appoġġ u l-qalb tajba tal-Ħallieq li jistaʼ jieħu ħsiebek.—1 Pietru 5:7.
M’Hijiex Esperjenza Rari
Fl-ewwel ftit ġimgħat wara li jwelldu, xi ommijiet żgħar jgħaddu minn dwejjaq u ħedla li r-raġuni għalihom mhix ċara. Anki xi nisa li jkunu kuntenti bit-tarbija jistgħu jibdew ibatu bil-burdati. Dawn il-bidliet fil-burdata m’humiex strambi. Dan għaliex wara li jwelldu, in-nisa jistgħu jgħaddu minn bidliet drammatiċi fil-livelli taʼ l-ormoni. Huwa wkoll komuni li omm ġdida tħossha mgħobbija żżejjed bir-responsabbiltà tagħha bħala omm—titmaʼ, tbiddel il-ħrieqi, u tieħu ħsieb it-tarbija li l-bżonnijiet tagħha m’għandhomx ħin.
Waħda omm ħasset li t-tarbija tagħha kienet qed tibki sempliċement biex titturmentaha. Mhux taʼ b’xejn li speċjalista fit-trobbija tat-tfal mill-Ġappun qal: “Ħadt m’hu ħieles mill-istress li jiġi mit-trobbija tat-tfal.” Skond dan l-ispeċjalista, “l-iktar ħaġa importanti hi li l-omm qatt ma tiżola lilha nfisha.”
Anki jekk l-omm kultant tħossha dipressa, hi tistaʼ tipproteġi lit-tarbija tagħha milli tiġi effettwata mill-bidla fil-burdati tagħha. Ir-rivista Time rrapportat: “L-ommijiet dipressi li rnexxielhom jegħlbu l-malinkonija tagħhom, waqt li taw ħafna attenzjoni lit-tarbija tagħhom u lagħbu ħafna magħha, kellhom tfal b’attività mentali taʼ natura ħafna iktar ferriħija.”b
Kif il-Missier Jistaʼ Jgħin
Missier it-tarbija spiss ikun fl-aħjar pożizzjoni biex joffri l-għajnuna u l-appoġġ li jkun hemm bżonn. Meta t-tarbija tibki f’nofs taʼ lejl, ħafna drabi l-missier jistaʼ jieħu ħsieb il-bżonnijiet tat-tarbija ħalli martu tkun tistaʼ torqod. Il-Bibbja tgħid: “Intom ukoll, rġiel, għammru bl-għaqal man-nisa tagħkom.”—1 Pietru 3:7.
Ġesù Kristu pprovda l-eżempju perfett biex l-irġiel miżżewġin isegwuh. Hu saħansitra ta ħajtu għas-segwaċi tiegħu. (Efesin 5:28-30; 1 Pietru 2:21-24) Għalhekk, l-irġiel miżżewġin li jissagrifikaw il-kumditajiet tagħhom stess biex jieħdu xi inizjattivi fit-trobbija tat-tfal ikunu qed jimitaw lil Kristu. Tabilħaqq, it-trobbija tat-tfal hi biċċa xogħol li ssir id f’id, sforz b’kooperazzjoni li fih iż-żewġ ġenituri għandhom jieħdu sehem it-tnejn.
Sforz b’Kooperazzjoni mit-Tnejn
“Bħala raġel u mara miżżewġin, aħna ddiskutejna fid-dettall dwar kif għandna rrabbu lil bintna,” jgħid Yoichiro, missier tifla li għandha sentejn. “Kulmeta jinqalaʼ xi ħaġa, niddiskutu bejnietna x’għandna nagħmlu.” Yoichiro jirrealizza li martu għandha bżonn il-mistrieħ tagħha, u spiss hu jieħu lil bintu miegħu meta jmur jagħmel xi qadi.
Qabel, meta l-familji kienu jkunu akbar u iktar magħqudin, il-ġenituri kien ikollhom l-għajnuna tat-tfal il-kbar u l-qraba biex jgħinuhom jieħdu ħsieb iż-żgħar. Allura, mhux taʼ b’xejn li ħaddiema f’Ċentru li Jgħin fit-Trobbija tat-Tfal f’Kawasaki, il-Ġappun, tosserva: “Ħafna drabi, l-ommijiet jistrieħu meta jitkellmu maʼ ħaddieħor dwar is-suġġett. Sempliċement b’naqra għajnuna, ħafna ommijiet irnexxielhom ikampaw meta ffaċċjaw xi ostakli.”
Ir-rivista Parents tgħid li l-ġenituri “jeħtieġu grupp taʼ nies maʼ min jistgħu jitkellmu biex jgħidulhom x’inhu jinkwetahom.” Fejn jistgħu jsibu grupp taʼ nies bħal dan? Billi jkunu moħħhom miftuħ u jisimgħu lill-ġenituri tagħhom stess jew lill-kunjati, l-ommijiet u l-missirijiet ġodda jistgħu jibbenefikaw ħafna. M’għandniex xi ngħidu, in-nanniet għandhom iżommu f’moħħhom li d-deċiżjonijiet finalment huma f’idejn il-koppja żagħżugħa.c
Il-ġenituri żgħażagħ spiss jistgħu jistrieħu wkoll fuq sħabhom fit-twemmin reliġjuż. Fil-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah, tistaʼ ssib nies li għandhom snin sħaħ t’esperjenza fit-trobbija tat-tfal u li huma lesti jagħtu widen għall-problemi tiegħek. Jistgħu jaqsmu miegħek xi suġġerimenti utli. Spiss tistaʼ titlob l-għajnuna tan-“nisa xjuħ”—kif il-Bibbja ssejjaħ lil dawk li jkollhom esperjenza akbar tal-ħajja Kristjana—li huma lesti li jgħinu lin-nisa iżgħar.—Titu 2:3-5.
Veru, il-ġenituri jridu jkunu selettivi meta jisimgħu l-opinjonijiet taʼ l-oħrajn. “F’daqqa waħda, in-nies taʼ madwarna saru esperti fl-edukazzjoni tat-tfal,” jgħid Yoichiro. Martu Takako tammetti: “Għall-ewwel, iddejjaqt minħabba s-suġġerimenti li bdew jagħtuni l-oħrajn, għax ħassejthom qishom qed jikkritikaw in-nuqqas t’esperjenza tiegħi bħala ġenitur.” Madankollu, billi tgħallmu mill-oħrajn, ħafna rġiel u nisa miżżewġin ġew megħjunin iżommu ħarsa bilanċjata dwar kif jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ wliedhom.
L-Aqwa Għajnuna Disponibbli
Anki jekk jidher li m’hemm ħadd disponibbli biex jgħinek, hemm sors wieħed li tistaʼ tistrieħ fuqu biex isaħħek. Dan hu Alla Jehovah, il-wieħed li ħalaqna, il-wieħed li għajnejh jistgħu jaraw lil dawk li jitwieldu fuq l-art saħansitra meta jkunu għadhom fil-ġuf. (Salm 139:13, 16) Jehovah darba qal lill-poplu tiegħu taʼ żmien ilu, kif inhu mniżżel fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja: “Tistaʼ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!”—Isaija 49:15; Salm 27:10.
Tabilħaqq, Jehovah ma jinsihomx lill-ġenituri. Fil-Bibbja, hu pprovdielhom gwida mill-aqwa biex tgħinhom fit-trobbija tat-tfal. Per eżempju, xi 3,500 sena ilu, il-profeta t’Alla, Mosè, kiteb: “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” Imbagħad Mosè qal: “Żomm f’qalbek dan il-kliem [inkluż il-parir li tħobb u taqdi lil Jehovah] u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.”—Dewteronomju 6:5-7.
X’taħseb li hu l-punt taʼ din id-direzzjoni fil-Kelma t’Alla? Mhux li t-taħriġ taʼ wliedek għandu jkun proċess regulari u kontinwu li jibqaʼ għaddej kuljum? Fil-fatt, m’huwiex biżżejjed li sempliċement kultant tagħmel skeda għal dak li jissejjaħ ħin taʼ kwalità maċ-ċkejknin tiegħek. Peress li l-mumenti importanti taʼ komunikazzjoni spiss iseħħu għal għarrieda, int trid tkun disponibbli għal uliedek regolarment. Jekk tagħmel hekk se jkun possibbli għalik li twettaq il-kmand tal-Bibbja: “Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba.”—Proverbji 22:6.
It-taħriġ xieraq għaż-żgħar jinkludi li taqralhom b’leħen għoli. Il-Bibbja tgħidilna li Timotju, dixxiplu taʼ l-ewwel seklu, ‘sa minn żgħoritu sar midħla tal-Kotba Mqaddsa.’ Allura, jidher ċar li ommu Ewniki u nanntu Lojd kienu jaqrawlu b’leħen għoli meta kien għadu biss tarbija. (2 Timotju 1:5; 3:14, 15) Huwa tajjeb li tibda tagħmel dan malli tibda titkellem mat-tarbija tiegħek. Imma x’tistaʼ taqralha, u kif tistaʼ saħansitra tgħallem lil tarbija bl-aħjar mod?
Ħalli lit-tfal tiegħek jisimgħuk taqra l-Bibbja. Jidher ċar li lil Timotju lilha kienu jaqrawlu. Hemm ukoll disponibbli kotba li jgħinu lit-tfal isiru familjari mal-Bibbja permezz taʼ stampi kuluriti. Dawn jgħinu lit-tfal jimmaġinaw dak li tkun qed tgħallimhom il-Bibbja. Per eżempju, hemm Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja u L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex. Permezz taʼ kotba bħal dawn, it-tagħlim tal-Bibbja influwenza profondament il-moħħ u l-qalb taʼ miljuni taʼ ċkejknin.
Bħalma tgħid il-Bibbja, “wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.” (Salm 127:3) Il-Ħallieq tiegħek fdalek “wirt,” tarbija taʼ min iħobbha, li tistaʼ tkun sors taʼ foħrija u hena. It-trobbija tat-tfal, speċjalment biex isiru wħud li jfaħħru lill-Ħallieq, hija tabilħaqq karriera premjanti!
[Noti taʼ taħt]
a Mhux biss l-ormoni taʼ l-istress imma anki n-nikotina, l-alkoħol, u drogi oħra jistgħu jħallu effett negattiv fuq il-fetus. L-ommijiet li jkunu qed jistennew tarbija jagħmlu tajjeb jekk joqogħdu ’l bogħod minn kwalunkwe sustanza perikoluża. Barra minn hekk, hu vitali li jiċċekkjaw mat-tabib dwar l-effetti taʼ xi mediċina fuq il-fetus.
b Jekk l-omm tħoss dwejjaq kbar u disprament kif ukoll tħossha maqtugħa għaliha mit-tarbija u mid-dinja, għandha mnejn tkun qed tbati minn dipressjoni taʼ wara t-twelid taʼ tarbija. Jekk dan hu l-każ, għandha tikkonsulta maʼ l-ostetriku tagħha. Jekk jogħġbok ara Stenbaħ! tat-8 t’Awissu, 2002, paġni 19-23 u tat-8 t’Awissu, 2003, paġni 29-31.
c Jekk jogħġbok aqra l-artiklu “Grandparents—Their Joys and Challenges” (In-Nanniet—Il-Ferħ u l-Isfidi Tagħhom) fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Marzu, 1999.
[Stampa f’paġna 8]
Dak li l-omm tħoss għat-tarbija f’ġufha hu importanti ħafna
[Stampa f’paġna 9]
Għalkemm omm ġdida tistaʼ tgħaddi minn bidliet fil-burdati wara li twelled, hemm ħafna x’tistaʼ tagħmel biex it-tarbija tagħha tħossha maħbuba u protetta
[Stampa f’paġna 10]
Il-missirijiet għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu sehemhom f’li jieħdu ħsieb it-tfal
[Stampa f’paġna 10]
Il-qari lit-tfal għandu jibda miċ-ċokon