Mingħand il-Qarrejja
Il-Mużajċi Grazzi taʼ l-artiklu “Il-Mużajċi—Tpinġija bil-Ġebel.” (8 t’Ottubru, 2003) Fih kien hemm ritratt taʼ biċċa mużajk li qiegħda fi ġnien pubbliku viċin id-dar tiegħi. Ili ngħix viċin dan il-ġnien għal iktar minn għaxar snin u qatt ma kont rajt il-mużajċi li fih. Għalhekk, mort biex narahom u bqajt impressjonata. Issa sirt napprezza iktar l-arti tal-mużajċi.
E. D., Stati Uniti
Minn dejjem kont nixtieq inkun naf iktar dwar il-mużajċi—speċjalment minn meta attendejna l-konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah li saret fl-1993 fir-Russja. F’San Pietruburgu u f’Moska stajna nammiraw ħafna mużajċi sbieħ. Il-ħajr tagħna jmur għall-artisti li qattgħu ħafna snin jaħdmu fuq dawn il-biċċiet taʼ arti u ħajr lilkom ukoll taʼ dan l-artiklu informattiv.
B. Z., Ġermanja
Stili Differenti taʼ Ħajja Grazzi taʼ l-artiklu “Il-Ħarsa tal-Bibbja: Stili Differenti taʼ Ħajja—Japprovahom Alla?” (8 t’Ottubru, 2003) Jien għandi 17-il sena u trabbejt bħala Kristjan. Minkejja dan, minn meta kont żgħir ħafna bdejt inħoss xewqat omosesswali. Insibha diffiċli nifhem għala għandi dawn ix-xewqat, imma hu taʼ faraġ għalija li naf li Jehovah jifhem x’taqbida għaddej minnha. Lil dawk bħali li qed jiffaċċjaw dawn is-sentimenti ngħidilhom, Taqtgħux qalbkom!
J. M., Stati Uniti
Tul ħajti kollha ili turmentata b’sentimenti sesswali konfużi. L-artiklu tagħkom iddiskuta s-sitwazzjoni tiegħi. Il-fatt li taʼ età tenera ħafna kont nara l-pornografija u ġejt abbużata sesswalment kellu effett drastiku fuqi. Grazzi talli għentuni nifhem lili nnifsi.
J.B.M., Stati Uniti
Meta tiġi biex tiddiskuti s-suġġett tal-preferenzi sesswali, ikun għaqli li ssemmi l-effett li jistaʼ jkollhom fatturi bħalma huma l-ġeni, l-ormoni, it-trobbija, u ħafna affarijiet oħrajn. Huwa veru li dawk li jridu jissieltu maʼ inklinazzjonijiet omosesswali jistgħu jsibu appoġġ fil-kongregazzjoni Kristjana.
D. L., Britannja
“Stenbaħ!” iwieġeb: Inħossu għafsa taʼ qalb għal kulmin qed jissielet mas-sentimenti sesswali tiegħu. Bħalma rrikonoxxa l-artiklu tagħna, ir-raġunijiet għal dawn id-diffikultajiet jistgħu jkunu diversi u komplikati. Imma dment li individwu ma jikkultivax minn jeddu tqanqil immorali u ma jaġixxix fuqu, dan jistaʼ jibqaʼ nadif f’għajnejn Jehovah. Tistgħu tkunu żguri li Alla Jehovah jitgħaxxaq meta individwi jagħmlu sforzi bħal dawn biex jibqgħu ndaf moralment.—Proverbji 27:11.
Inżomm l-Identità Tiegħi Grazzi ħafna taʼ l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nkun Magħruf għal Min Jien u Mhux għal Min Huma l-Ġenituri Tiegħi?” (8 taʼ Novembru, 2003) Missieri hu anzjan f’kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah, u jien dejjem kont meqjusa bħala eżempju eċċellenti li oħrajn jistgħu jimitawh. Għaddieli l-ħsieb li nirribella sabiex inżomm l-identità tiegħi. Grazzi għal dan l-artiklu, tgħallimt li jekk nagħmel hekk iktar tard żgur kien se jiddispjaċini. Issa nirrealizza li għandi nsib posti fil-kongregazzjoni u sempliċement naġixxi b’mod naturali.
L. D., Franza
Jien nifhem kif iħossuhom iż-żgħażagħ li ġew kwotati fl-artiklu. Fil-passat kont wisq konxju li l-kongregazzjoni kienet tistenna ħafna minni minħabba li missieri u zijuwi huma magħrufin ħafna. Isem il-familja tiegħi kien bħal timbru taʼ xi ditta li kien jiġri warajja kulfejn immur. Meta ma kontx nistaʼ nwettaq dak li kien mistenni minni, kont inħossni ma niswa għal xejn. Imma issa qed nitgħallem li l-iktar ħaġa importanti hi kif jarana Jehovah.
S. S., Ġappun