It-Tqala fost l-Adoloxxenti—Traġedja Globali
IT-TQALA fost l-adoloxxenti ġiet msejħa epidemija. Madankollu, il-proporzjonijiet traġiċi taʼ din il-problema jidhru l-aħjar meta jiġi kunsidrat l-effett li jkollha t-tqala fuq tfajla adoloxxenti mbeżżgħa. Minn taʼ l-inqas, hi se tesperjenza bidliet drastiċi f’ħajjitha li se jagħmlu impatt kbir mhux biss fuqha imma anki fuq il-familja tagħha u fuq oħrajn li jħobbuha.
L-adoloxxenti huma f’perijodu li l-Bibbja ssejjaħlu “l-fjur taż-żgħożija”—żmien meta x-xewqat sesswali jkunu fil-quċċata tagħhom. (1 Korintin 7:36) Però, inkunu qed niżbaljaw jekk nikkunsidraw it-tqala fost l-adoloxxenti bħala kwistjoni li tinvolvi biss il-kontraċettivi. L-evidenza turi li t-tqala fost l-adoloxxenti tinvolvi għadd taʼ kwistjonijiet soċjali u emozzjonali kumplessi.
Fatturi Oħra
Ir-riċerka turi li ħafna ommijiet adoloxxenti jiġu minn familji mkissrin. Ħafna adoloxxenti li joħorġu tqal jgħidu, “Kulma ridt matul ħajti kollha kien familja vera.” Jidher ċar, mela, li familji li għandhom ħafna problemi jistgħu jkunu fattur għat-tqala fost l-adoloxxenti. Programm li jgħin lill-ommijiet adoloxxenti wera li spiss dawn ikollhom “relazzjonijiet mhux stabbli m’ommijiethom u ebda relazzjoni maʼ missirijiethom.” Anita, li saret omm meta kellha 18-il sena, tiftakar li għalkemm ommha, li kienet qed trabbiha waħedha, kienet taħdem iebes biex tipprovdi għaliha materjalment, Anita xorta ħasset vojt emozzjonali minħabba li missierha ma kienx parti minn ħajjitha.
Tfajliet oħra jsiru ommijiet mhux miżżewġin minħabba l-istupru. Għal xi wħud minnhom, it-trawma tikkaġuna wġigħ emozzjonali li jistaʼ jsir evidenti iktar tard fil-ħajja permezz taʼ kondotta distruttiva. Per eżempju, Jasmine ġiet stuprata meta kellha 15-il sena. Hi tiftakar, “Wara dan ma kienx jimpurtani minn ħajti. Meta kelli 19-il sena, ħriġt tqila.” Abbuż sesswali jistaʼ jġagħlek tħossok li ma tiswa għalxejn. “Qatt ma ħassejtni kapaċi nagħmel xi ħaġa,” tilmenta Jasmine. Anita għaddiet minn sitwazzjoni simili: “Bejn l-età taʼ sebgħa u ħdax-il sena, ġejt abbużata minn żagħżugħ. Kont nobgħod lili nnifsi. Ħsibt li kien it-tort tiegħi.” Hi ħarġet tqila meta kellha 17-il sena.
Mill-banda l-oħra, xi żgħażagħ huma vittmi tal-fiduċja żejda fihom infushom u l-kurżità. Nicole, li ssemmiet fl-artiklu taʼ qabel, tammetti: “Ħsibt li kelli t-tweġibiet kollha u li kont kapaċi nagħmel kollox. Sfortunatament, kont kapaċi nagħmel tarbija wkoll.” Carol, li wkoll saret omm mhux miżżewġa t’età żgħira, esperimentat bis-sess minħabba l-kurżità. Hi tgħid, “Ħassejt li kont qed nitlef xi ħaġa.”
Fattur ieħor hu n-nuqqas t’għarfien dwar il-konsegwenzi taʼ l-attività sesswali. Skond is-soċjologi Karen Rowlingson u Stephen McKay, xi żgħażagħ fil-Britannja “m’għandhomx għarfien eżatt dwar . . . x’għandhom jistennew mir-relazzjonijiet u xi jfisser li toħroġ tqila.” Xi żgħażagħ qishom ma jassoċjawx is-sess mat-tqala. Fi stħarriġ li sar, ommijiet adoloxxenti “spiss qalu li huma ħassewhom ixxokkjati jew sorpriżi meta saru jafu li kien se jkollhom tarbija avolja ma kinux qed jużaw kontraċettivi.”
Minkejja dan, hija l-bidla fl-attitudni lejn is-sess li kellha l-akbar influwenza fuq it-tqala fost l-adoloxxenti. Qegħdin ngħixu fi żmien fejn in-nies “iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Timotju 3:1-4) Ailsa Burns u Cath Scott, riċerkaturi Awstraljani, jgħidu li “naqsu r-restrizzjonijiet soċjali, reliġjużi, u ekonomiċi kontra s-sess barra miż-żwieġ.” Il-fatt li xi ħadd ikollu tarbija barra miż-żwieġ m’għadx għandu l-istess stmerrija li kellu fil-passat. Anzi, f’xi postijiet xi adoloxxenti forsi jħarsu lejn il-fatt li jkollhom tarbija bħal xi tip taʼ trofew jew xi ħaġa li tagħmilhom importanti!
Il-Konsegwenzi Emozzjonali
Ir-realtajiet li jridu jiffaċċjaw l-ommijiet li għadhom adoloxxenti huma differenti ħafna mill-fantasiji taʼ l-adoloxxenti. Malli jsiru jafu li se jkollhom tarbija, it-tfajliet spiss jesperjenzaw ruxxmata t’emozzjonijiet. Ħafna jammettu li jħossuhom ixxokkjati jew imbeżżgħin. “Reazzjonijiet komuni jinkludu rabja, ħtija, u ċaħda,” tgħid l-Akkademja Amerikana tal-Psikjatrija tat-Tfal u l-Adoloxxenti. Però, iċ-ċaħda tistaʼ tkun perikoluża għax tistaʼ twaqqaf tfajla milli tikseb il-kura medika bżonnjuża.
“Ħassejt biżaʼ kbir,” tirrakkonta Elvenia meta ġiet wiċċ imb’wiċċ mar-riżultati taʼ l-“avventura” tagħha bis-sess. Ħafna tfajliet li se jkollhom tarbija m’għandhomx maʼ min jiftħu qalbhom jew jistħu jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom. Għalhekk, mhix sorpriża li xi wħud iħossuhom magħkusin b’sentimenti taʼ ħtija u biżaʼ. Ħafna adoloxxenti li se jkollhom tarbija jbatu minn dipressjoni qawwija. “Ma kienx jinteressani minn ħajti, u ridt immut,” tgħid Jasmine.a
Minkejja l-ewwel reazzjoni tagħha, eventwalment iż-żagħżugħa trid tieħu deċiżjonijiet għall-futur tagħha u tat-tarbija. Kif it-tfajliet jistgħu jieħdu deċiżjonijiet bil-għaqal huwa s-suġġett taʼ l-artiklu li jmiss.
[Nota taʼtaħt]
a Għal informazzjoni dwar kif tistaʼ tkampa maʼ sentimenti taʼ suwiċidju, ara s-serje “Il-Ħajja taʼ Min Jgħixha!” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Novembru, 2001.
[Kaxxa f’paġna 7]
It-Tqala fost l-Adoloxxenti—Fatti li Jaħsduk
Għalkemm dan li ġej jiddeskrivi s-sitwazzjoni fl-Istati Uniti, jirrifletti ftit mir-realtajiet li jiffaċċjaw l-adoloxxenti li joħorġu tqal minn madwar id-dinja kollha.
● Erbgħa minn kull għaxar tfajliet joħorġu tqal qabel ma jagħlqu l-20 sena—iktar minn 900,000 tqala fost l-adoloxxenti kull sena.
● Madwar 40 fil-mija mill-ommijiet adoloxxenti huma taħt it-18-il sena.
● Tfal taʼ ġenituri adoloxxenti jsofru rati iktar għoljin t’abbuż u traskuraġni minn dawk li għandhom ġenituri akbar fl-età.
● Erbgħa minn kull għaxar ommijiet biss taħt it-18-il sena jkomplu l-iskola sekondarja.
● Kważi 80 fil-mija mill-missirijiet ma jiżżewġux l-ommijiet adoloxxenti tat-tfal tagħhom.
● Tletin fil-mija biss mill-ommijiet adoloxxenti li jiżżewġu wara li titwieled it-tarbija tagħhom jibqgħu miżżewġin; żwiġijiet taʼ tfajliet adoloxxenti għandhom iktar probabbiltà li jfallu minn dawk taʼ nisa li għandhom minn taʼ l-inqas 25 sena.
● It-tfal t’ommijiet adoloxxenti għandhom iktar probabbiltà li jitwieldu qabel iż-żmien u jkunu taʼ ftit piż, u dan iżid il-probabbiltà li t-trabi jmutu żgħar, jagħmew, jittarrxu, ikollhom problemi kroniċi fin-nifs, ikunu ritardati mentalment, ikollhom mard tal-moħħ, paralisi ċerebrali, disleksja, u ma jkollhomx kwiet f’ġisimhom (hyperactive).
[Sors]
Meħud minn Not Just Another Single Issue: Teen Pregnancy Prevention’s Link to Other Critical Social Issues, Il-Kampanja Nazzjonali biex Titwaqqaf it-Tqala fost l-Adoloxxenti, Frar 2002.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
It-Tqala fost l-Adoloxxenti Madwar id-Dinja
BRAŻIL: Skond rapport, “698,439 tfajla adoloxxenti taħt id-19-il sena kellhom tarbija fl-1998 permezz tas-Sistema tas-Saħħa taʼ l-Istat fil-Brażil . . . 31,857 minn dawn kienu tfal bejn l-għaxar u l-erbatax-il sena, li mingħajr dubju taqbel li hija età żgħira wisq biex ikollok it-tfal.”—Folha de S. Paulo, 25 t’Awissu, 1999.
BRITANNJA: “Il-Britannja għandha l-ogħla rata taʼ twelid fost l-adoloxxenti fl-Ewropa tal-Punent . . . Kważi 90,000 adoloxxenti ħarġu tqal fl-Ingilterra fl-1997. Bejn wieħed u ieħor tlieta minn kull ħamsa kellhom tarbija (56,000), u 90 fil-mija mit-twelid fost l-adoloxxenti fl-1997 kienu barra miż-żwieġ (madwar 50,000).”—Lone Parent Families, 2002.
MALASJA: “Fil-pajjiż, it-tfal imweldin barra miż-żwieġ żdiedu mill-1998, u l-maġġuranza mill-ommijiet kellhom taħt l-20 sena.” —New Straits Times–Management Times, 1 t’April, 2002.
RUSSJA: “Kważi terz mit-trabi kollha li twieldu fir-Russja s-sena l-oħra kienu t’ommijiet mhux miżżewġin, dan kien id-doppju tal-persentaġġ t’għaxar snin ilu u taʼ livell li qatt ma kien hawn bħalu mit-tieni gwerra dinjija ’l hawn, juru l-istatistiċi tal-gvern. Iktar minn 40 fil-mija minn dawn it-trabi twieldu lill-adoloxxenti.”—The Moscow Times, 29 taʼ Novembru, 2001.
STATI UNITI: “Minkejja n-nuqqas fir-rata taʼ tqala fost l-adoloxxenti, erbgħa minn kull għaxar tfajliet joħorġu tqal minn taʼ l-inqas darba qabel ma jagħlqu l-20 sena.”—Whatever Happened to Childhood? The Problem of Teen Pregnancy in the United States, 1997.
[Stampa f’paġna 5]
Meta jinfirdu l-ġenituri, jiżdied ir-riskju taʼ tqala fost l-adoloxxenti
[Stampa f’paġna 6]
Xi adoloxxenti donnhom ma jassoċjawx is-sess mat-tqala
[Stampa f’paġna 6]
It-tqala teffettwa b’mod drammatiku kemm lit-tfajla u kemm lil dawk li jħobbuha