Isiru Ommijiet Kmieni Wisq
“L-għarus tiegħi kien ġuvni gustuż. Kellu l-flus, u stajna noħorġu u niddevertu. Meta ma ġinix il-“period,” malajr indunajt li kien hemm xi ħaġa ħażina. Kif kont se ngħid lil ommi? Dan kif setaʼ jiġri lili? Kelli biss 16-il sena, u ma kontx naf x’se naqbad nagħmel.”—Nicole.
ILLUM Nicole,a li għandha fuq it-30 sena, hija omm kunfidenti u enerġetika bi tlett itfal. L-akbar waħda minn uliedha għandha 20 sena. Iva, snin ilu Nicole kienet waħda minn fost miljuni t’adoloxxenti li kienu ħarġu tqal u ma kinux miżżewġin. Bħal ommijiet adoloxxenti oħra, hi sabet ruħha mitlufa f’taħwida taʼ sfidi diffiċli, deċiżjonijiet ebsin, u prospetti dubjużi.
Nicole ma tantx titkellem dwar ix-xokk, iċ-ċaħda, il-biżaʼ, ir-rabja, u d-disprament li għaddiet minnhom fiż-żgħożija tagħha—żmien meta dawk taʼ mparha kienu jinkwetaw biss dwar il-ħwejjeġ u l-marki tagħhom fl-iskola. Minkejja dan, is-sitwazzjoni taʼ Nicole ma kinitx bla tama. Hi trabbiet ġo familja li kienet turi l-imħabba u li pprovat tnaqqax fiha prinċipji morali għoljin. Għalkemm għal xi żmien għażlet li ma tagħtix kas dawn il-prinċipji—u għalhekk kellha tbati l-konsegwenzi—iktar tard, dawk l-istess prinċipji għenuha biex ikollha ħajja produttiva u mimlija skop. Il-motto tagħha sar “Għad hemm tama.”
Sfortunatament, mhux kull omm adoloxxenti għandha familja li tappoġġaha—jew ħarsa daqshekk pożittiva. Ħafna malajr isibu ruħhom maqbudin f’sitwazzjoni taʼ faqar li tkun donnha bla tama. Xi wħud iridu jkampaw maʼ l-effetti emozzjonali taʼ l-istupru u l-vjolenza.
Il-problemi li jridu jiffaċċjaw ommijiet li għadhom żgħar jistgħu jkollhom effetti negattivi anki fuq uliedhom. Il-ktieb Teen Moms—The Pain and the Promise jgħid li trabi t’ommijiet li huma adoloxxenti “għandhom it-tendenza li jitwieldu żgħar ħafna, li jimirdu iktar, li jmutu waqt li jkunu għadhom trabi, li jkollhom ftit kura medika, li jsofru iktar minn ġuħ u malnutrizzjoni, li jkunu esposti għal iktar vjolenza, u li jiżviluppaw iktar bil-mod minn tfal t’ommijiet li huma akbar fl-età.” Tabilħaqq, it-tfal bniet t’ommijiet adoloxxenti għandhom iktar probabbiltà li jsiru ommijiet adoloxxenti huma wkoll minn dawk it-tfal li għandhom ommijiet akbar fl-età.
Kemm hi mifruxa t-tqala fost l-adoloxxenti? Ommijiet adoloxxenti kif jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi tat-trobbija taʼ wliedhom b’suċċess? Hemm xi mod kif nistgħu ngħinu lill-adoloxxenti jevitaw li jaqgħu f’dawn is-sitwazzjonijiet stressanti? L-artiklu li jmiss iwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet f’din is-serje ġew mibdulin.